27.10.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 331/12
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-6 ta’ Settembru 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Central Administrativo Sul — Portugall) — Portugal Telecom SGPS, SA vs Fazenda Pública
(Kawżi magħquda C-496/11) (1)
(VAT - Sitt Direttiva - Artikoli 17(2) u 19 - Tnaqqis - Taxxa dovuta jew imħallsa għal servizzi miksuba minn kumpannija holding - Servizzi li jippreżentaw rabta diretta, immedjata u mhux ekwivoka ma’ tranżazzjonijiet tal-output intaxxati)
2012/C 331/18
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Qorti tar-rinviju
Tribunal Central Administrativo Sul
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Portugal Telecom SGPS, SA
Konvenut: Fazenda Pública
fil-preżenza ta’: Ministério Público
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Tribunal Central Administrativo Sul — Interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) — Tnaqqis — Taxxa dovuta jew imħallsa għal servizzi miksuba minn kumpannija holding — Servizzi li għandhom rabta diretta, immedjata u inekwivoka ma’ tranżazzjonijiet tal-input intaxxati
Dispożittiv
L-Artikolu 17(2) u (5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija holding bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, sussidjarjament għall-attività prinċipali tagħha ta’ ġestjoni tal-ishma tal-kumpanniji li tagħhom hija żżomm totalment jew parzjalment kapital azzjonarju, tikseb beni u servizzi li hija tiffattura sussegwentement lill-imsemmija kumpanniji hija awtorizzata li tnaqqas l-ammont tat-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud imħallsa bil-kundizzjoni li s-servizzi tal-input miksuba jkollhom rabta diretta u immedjata ma’ tranżazzjonijiet ekonomiċi tal-output li jagħtu dritt għal tnaqqis. Meta l-imsemmija beni u servizzi jintużaw mill-kumpannija holding sabiex twettaq kemm tranżazzjonijiet ekonomiċi li jagħtu dritt għal tnaqqis kif ukoll tranżazzjonijiet ekonomiċi li ma jagħtux dritt għal tnaqqis, it-tnaqqis huwa aċċettat biss għall-parti tat-taxxa fuq il-valur miżjud li hija proporzjonali mal-ammont relatat mal-ewwel tranżazzjonijiet u l-amministrazzjoni fiskali nazzjonali hija awtorizzata sabiex tipprovdi wieħed mill-metodi ta’ stabbiliment tad-dritt għal tnaqqis elenkati fl-imsemmi Artikolu 17(5). Meta l-imsemmija beni u servizzi jintużaw kemm għal attivitajiet ekonomiċi kif ukoll għal attivitajiet mhux ekonomiċi, l-Artikolu 17(5) tas-Sitt Direttiva 77/388 ma japplikax u l-metodi ta’ tnaqqis u ta’ allokazzjoni huma ddefiniti mill-Istati Membri li, fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-għan u l-istruttura tas-Sitt Direttiva 77/388 u, fir-rigward ta’ dan, jipprovdu metodu ta’ kalkolu li jirrifletti oġġettivament il-parti ta’ imputazzjoni reali tal-ispejjeż tal-input għal kull waħda minn dawn iż-żewġ attivitajiet.
(1) ĠU C 362, 10.12.2011.
Full & Egal Universal Law Academy