3.8.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 225/12
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-30 ta’ Mejju 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Administrativen sad Sofia-grad — il-Bulgarija) — Zuheyr Frayeh Halaf vs Darzhavna agentsia za bezhantsite pri Ministerskia savet
(Kawża C-528/11) (1)
(Ażil - Regolament (KE) Nru 343/2003 - Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz - Artikolu 3(2) - Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri - Rwol tal-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati - Obbligu tal-Istati Membri li jistiednu lil din l-istituzzjoni tippreżenta opinjoni - Assenza)
2013/C 225/19
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Administrativen sad Sofia-grad
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Zuheyr Frayeh Halaf
Konvenut: Darzhavna agentsia za bezhantsite pri Ministerskia savet
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Administrativen sad Sofia-grad — Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109) — Applikazzjoni għall-ażil diġà ppreżentata fi Stat Membru ieħor — Obbligu għall-Istat Membru li tkun saritlu t-talba li jassumi r-responsabbiltà tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil, abbażi tal-klawżola ta’ sovranità prevista fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u tal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tal-leġiżlazzjoni u tal-prattiki dwar l-ażil tal-Istat responsabbli — Leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li tkun saritlu t-talba li ma tipprevedix kriterji jew regoli ta’ proċedura għall-applikazzjoni tal-klawżola ta’ sovranità — Provi ammissibbli tan-nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni dwar l-ażil fil-każ li ma hemmx sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas, ikkostitwit minn dan il-ksur, tal-Istat Membru responsabbli fil-qasam tal-ażil
Dispożittiv
(1)
L-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li Stat Membru, li ma huwiex dak indikat bħala responsabbli skont il-kriterji msemmija fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, jeżamina applikazzjoni għall-ażil anki jekk ma tkun teżisti ebda ċirkustanza li tirrendi applikabbli l-klawżola umanitarja li tinsab fl-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament. Din il-possibbiltà ma hijiex suġġetta għall-fatt li l-Istat Membru responsabbli skont l-imsemmija kriterji ma jkunx wieġeb għal talba għat-teħid lura tal-applikant għall-ażil ikkonċernat.
(2)
L-Istat Membru li fih jinsab l-applikant għall-ażil ma huwiex obbligat, matul il-proċess għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, li jitlob opinjoni mingħand il-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati meta mid-dokumenti ta’ din l-organizzazzjoni jirriżulta li l-Istat Membru indikat bħala responsabbli skont il-kriterji msemmija fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003 jikser ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ażil.
(1) ĠU C 370, 17.12.2011
Full & Egal Universal Law Academy