3.8.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 225/13
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-8 ta’ Mejju 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) London — ir-Renju Unit) — Olaitan Ajoke Alarape, Olukayode Azeez Tijani vs Secretary of State for the Home Department
(Kawża C-529/11) (1)
(Moviment liberu tal-persuni - Regolament (KEE) Nru 1612/68 - Artikolu 12 - Konjuġi ddivorzjata ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li ħadem fi Stat Membru ieħor - Wild maġġorenni li jsegwi l-istudji tiegħu fl-Istat Membru ospitanti - Dritt ta’ residenza għall-ġenitur li huwa ċittadin ta’ Stat terz - Direttiva 2004/38/KE - Artikoli 16 sa 18 - Dritt ta’ residenza permanenti tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru - Residenza legali - Residenza bbażata fuq l-imsemmi Artikolu 12)
2013/C 225/20
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) London
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Olaitan Ajoke Alarape, Olukayode Azeez Tijani
Konvenut: Secretary of State for the Home Department
Fil-preżenza ta’: AIRE Centre
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) London — Interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15) — Dritt ta’ residenza, wara divorzju minn ma’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li eżerita d-dritt għal moviment liberu tiegħu, ta’ ċittadina ta’ Stat terz li għandha l-kura tat-wild tagħha, liema wild għandu iktar minn 21 sena u li jsegwi l-istudji tiegħu fl-Istat Membru ospitanti — Kunċett ta’ “ġenitur li għandu effettivament il-kustodja ta’ wild” — Kriterji ta’ evalwazzjoni
Dispożittiv
(1)
Il-ġenitur ta’ wild li laħaq l-età bħala maġġorenni u li kellu aċċess għat-tagħlim abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, kif emendat bid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, jista’ jkompli jibbenefika minn dritt derivat ta’ residenza skont dan l-istess artikolu jekk il-preżenza u l-kura tiegħu jibqgħu neċessarji għal dan il-wild sabiex ikun jista’ jsegwi u jtemm l-istudji tiegħu, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża li titressaq quddiemha.
(2)
Il-perijodi ta’ residenza fi Stat Membru ospitanti, imwettqa minn membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru abbażi biss tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, kif emendat bid-Direttiva 2004/38, u mingħajr ma jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet previsti sabiex jittieħed benefiċċju minn dritt ta’ residenza skont din id-direttiva, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba minn dawn il-membri tal-familja tad-dritt ta’ residenza permanenti fis-sens ta’ din id-direttiva.
(1) ĠU C 370, 17.12.2011
Full & Egal Universal Law Academy