12.1.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 9/21
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Novembru 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Oberlandesgericht Köln — il-Ġermanja) — Susanne Leichenich vs Ansbert Peffekoven, Ingo Horeis
(Kawża C-532/11) (1)
(Direttiva 77/388/KEE - VAT - Eżenzjonijiet - Artikolu 13(B)(b) - Kiri u lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli - Barkun mingħajr mutur propulsiv, sorġut b’mod permanenti tul ix-xatt ta’ xmara - Kiri tal-barkun, inklużi l-puntun, l-art u l-medda ta’ ilma relatati miegħu - Assenjazzjoni esklużiva għall-użu permanenti ta’ restorant/diskoteka - Servizz uniku)
2013/C 9/33
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberlandesgericht Köln
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Susanne Leichenich
Konvenuti: Ansbert Peffekoven, Ingo Horeis
fil-preżenża ta’: Dr. Leyh, Dr. Kossow & Dr. Ott KG, Wirtschaftsprüfungsgesellschaft, Steuerberatungsgesellschaft
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Oberlandesgericht Köln — Interpretazzjoni tal-Artikolu 13(B)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE: Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) — Portata tal-eżenzjoni tal-VAT prevista minn din id-dispożizzjoni għall-kiri u l-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli — Kiri ta’ medda ta’ ilma u ta’ dgħajsa intiżi għal użu kummerċjali bħala restorant jew diskoteka
Dispożittiv
(1)
L-Artikolu 13(B)(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ kiri u lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli jinkludix il-kiri ta’ barkun, inkluż l-ispazju u l-puntun relatati miegħu, li huwa immobbilizzat permezz ta’ rbit li ma jitneħħiex faċilment max-xatt u mal-baċin tax-xmara, li jistrieħ fuq spazju delimitat u identifikabbli fuq l-ilma tax-xmara u huwa esklużivament assenjat, skont it-termini tal-kuntratt ta’ kiri, sabiex jintuża b’mod permanenti bħala ta’ restorant/diskoteka fuq dan l-ispazju. Dan il-kiri jikkostitwixxi servizz uniku eżentat, mingħajr il-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn il-kiri tal-barkun u dak tal-puntun.
(2)
Barkun bħal dan ma huwiex vettura fis-sens tal-Artikolu 13(B)(b)(2) tas-Sitt Direttiva 77/388.
(1) ĠU C 25, 28.1.2012
Full & Egal Universal Law Academy