24.11.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 366/19
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-12 ta’ Lulju 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel — il-Belġju) — Tate & Lyle Investments Ltd vs Belgische Staat
(Kawża C-384/11) (1)
(L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura - Artikolu 63 TFUE - Leġiżlazzjoni fiskali - Distribuzzjoni ta’ dividendi - Taxxa f’ras il-għajn - Prevenzjoni jew tnaqqis tal-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi - Trattament distint tal-kumpanniji benefiċjarji residenti u tal-kumpanniji benefiċjarji mhux residenti)
2012/C 366/32
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Rechtbank van eerste aanleg te Brussel
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Tate & Lyle Investments Ltd
Konvenuta: Belgische Staat
fil-preżenza ta’: Syral Belgium NV
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Rechtbank van eerste aanleg te Brussel — Interpretazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE — Restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji — Taxxa fuq id-dividendi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi taxxa f’ras il-għajn ta’ 10 % fuq id-dividendi ddistribwiti minn kumpanniji residenti kif ukoll fuq id-dħul assimilat — Tpaċija tal-ammont ta’ din it-taxxa f’ras il-għajn mat-taxxa fuq il-kumpanniji li hija possibbli biss għall-kumpanniji residenti
Dispożittiv
L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta għal taxxa f’ras il-għajn id-dividendi ddistribwiti minn kumpannija residenti lil kumpanniji benefiċjarji residenti u mhux residenti li għandhom sehem ta’ inqas minn 10 % fil-kapital ta’ din il-kupannija distributriċi iżda li l-valur tal-akkwist tiegħu huwa ta’ inqas minn EUR 1.2 miljuni filwaqt li tipprevedi mekkaniżmu li jippermetti t-tnaqqis tal-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi għall-kumpanniji benefiċjarji residenti biss. Meta Stat Membru jinvoka ftehim għall-prevenzjoni ta’ taxxa doppja konkluż ma’ Stat Membru ieħor, huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tistabbilixxi jekk dan il-ftehim għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kawża li jkollha quddiemha u, jekk ikun il-każ, li tivverifika jekk dan jippermettix li jiġu nnewtralizzati l-effetti tar-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital.
(1) ĠU C 282, 24.09.2011.
Full & Egal Universal Law Academy