23.2.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 55/2
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-13 ta’ Diċembru 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Commissione tributaria provinciale di Parma — l-Italja) — Danilo Debiasi vs Agenzia delle Entrate Ufficio di Parma
(Kawża C-560/11) (1)
(Artikoli 53(2) u 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja - Inammissibbiltà manifesta - Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura - Risposta li ma tagħti lok għal ebda dubju raġonevoli - Taxxa - VAT - Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva tal-VAT - Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa - Strutturi sanitarji pubbliċi jew privati li jeżerċitaw attività eżentata - Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi t-tnaqqis tat-taxxa relatata max-xiri ta’ beni jew ta’ servizzi użati f’attivitajiet eżenti - Tnaqqis prorata)
2013/C 55/02
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Commissione tributaria provinciale di Parma
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Danilo Debiasi
Konvenuta: Agenzia delle Entrate Ufficio di Parma
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Commissione tributaria provinciale di Parma — Interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1 p. 23) — Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa — Strutturi sanitarji pubbliċi jew privati li jeżerċitaw attività eżenti — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi t-tnaqqis tat-taxxa relatata max-xiri ta’ beni jew ta’ servizzi użati fl-imsemmija attivitajiet eżenti
Dispożittiv
L-Artikolu 17(2) u (5) kif ukoll l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tawtorizzax it-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input imħallsa għax-xiri ta’ beni u ta’ servizzi użati għall-bżonnijiet tal-attivitajiet eżenti u li tipprovdi, konsegwentement, li d-dritt għat-tnaqqis ta’ din it-taxxa ta’ persuna taxxabbli mħallta huwa kkalkolat fuq bażi prorata li tikkorrispondi għar-relazzjoni bejn l-ammont tat-tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għat-tnaqqis u l-ammont totali tat-tranżazzjonijiet li saru matul is-sena, inkluż il-provvisti mediko-sanitarji eżenti.
(1) ĠU C 25, 28.01.2012.
Full & Egal Universal Law Academy