KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CRUZ VILLALÓN
ippreżentati fl-1 ta’ Marzu 2012 ( 1 )
Kawża C-135/11 P
IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds gGmbH
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appell — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet — Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru — Oppożizzjoni ta’ dan l-Istat Membru għall-iżvelar tal-imsemmija dokumenti — Portata tal-istħarriġ tal-istituzzjonijiet tar-raġunijiet għall-oppożizzjoni tal-Istat Membru — Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju u l-aċċess tal-Qorti Ġenerali għad-dokumenti kontenzjużi”
1.
L-ewwel miż-żewġ aggravji tal-appell preżenti, imressaq kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Jannar 2011, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), ( 2 ) għandu jagħmilha possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonsidra fid-dettall il-ġurisprudenza dwar l-aċċess għal dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru, stabbilita fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni. ( 3 ) B’mod figurattiv, dan l-appell jista’ kważi jitqies li qiegħed ifittex l-infurzar tas-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni u għalhekk jipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-opportunità li tidħol għall-kompitu diffiċli li tinterpreta l-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni ( 4 ).
2.
It-tieni aggravju għandu jagħmilha possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar żewġ materji ġenerali oħra: l-ewwel nett, il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ atti tal-Unjoni Ewropea, fejn il-kontenut sostantiv ta’ dawn l-atti ġie stabbilit, fuq livell kemxejn wiesa’, b’riferiment fil-proċess tal-abbozzar għal dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru u, it-tieni nett, il-livell ta’ immedjatezza li jista’ tkun meħtieġ għall-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dokument li l-iżvelar tiegħu huwa kontenzjuż.
I – Il-kuntest ġuridiku
3.
Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001:
“1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.
[…]
3. Dan ir-Regolament għandu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.
[…]”.
4.
L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi d-definizzjonijiet li ġejjin:
“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:
(a)
“dokument” tfisser kull kontenut, ikun liema jkun il-medju tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni, ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviż) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni;
(b)
“parti terza” tfisser kull persuna naturali jew legali, jew kull entità barra mill-istituzzjoni involuta, inklużi l-Istati Membri, korpi Komunitarji oħrajn, istituzzjonijiet oħra mhux Komunitarji u korpi u pajjiżi terzi.”
5.
Konformement mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, l-eċċezzjonijiet li ġejjin japplikaw għal dan il-qasam:
“1. L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:
(a)
l-interess pubbliku fir-rigward ta’:
—
is-sigurtà pubblika,
—
kwistjonijiet militari u tad-difiża,
—
relazzjonijiet internazzjonali,
—
il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Komunità jew ta’ Stat Membru;
[…]
3. […]
Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkonċernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.
4. Fir-rigward ta’ dokumenti ta’ partijiet terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta mal-parti terza bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika[x] eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2, jekk ikun [sakemm ma jkunx] ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat.
5. Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li joriġina minn dak l-Istat Membru mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu.
6. Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.
7. L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perjodu mhux itwal minn 30 sena. Fil-każ ta’ dokumenti koperti mill-eċċeżżjonijiet dwar privatezza jew interessi kummerċjali u fil-każ ta’ dokumenti sensittivi, l-eċċeżżjonijiet jistgħu, jekk meħtieġ, jibqgħu japplikaw wara dan il-perjodu.”
II – Il-fatti li wasslu għall-kawża
A – L-ewwel talba għal aċċess għal dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru miżmuma f’fajl tal-Kummissjoni
6.
IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds gGmbH (iktar ’il quddiem l-“IFAW”), hija organizzazzjoni mhux governattiva li topera fil-qasam tal-preżervazzjoni tal-benesseri tal-annimali u tal-protezzjoni tan-natura.
7.
Wara li tressqet talba quddiemha mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażata fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43/KEE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/43”), ( 5 ) il-Kummissjoni, fid-19 ta’ April 2000, tat opinjoni favur it-twettiq ta’ proġett industrijali fis-sit ta’ Mühlenberger Loch, żona protetta skont din id-direttiva. Dan il-proġett kien jikkonsisti fl-espansjoni tal-fabbrika li tappartjeni lill-kumpannija D għall-iskopijiet tal-assemblaġġ finali tal-Airbus A3XX.
8.
Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Diċembru 2001 lill-Kummissjoni, l-IFAW talbet aċċess għal diversi dokumenti rċevuti mill-Kummissjoni b’konnessjoni mal-evalwazzjoni tal-proġett industrijali msemmi iktar ’il fuq, b’mod partikolari l-korrispondenza li oriġinat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Belt ta’ Hamburg u l-Kanċillier Ġermaniż.
9.
Peress li qieset li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 kien jipprojbiha milli tiżvela d-dokumenti inkwistjoni, il-Kummissjoni ċaħdet l-aċċess għal ċerti dokumenti b’deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2002.
10.
Ir-rikors għal annullament ta’ din id-deċiżjoni ppreżentat mill-IFAW kien miċħud b’sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Novembru 2004. ( 6 )
11.
Ir-Renju tal-Isvezja, intervenjent fil-kawża għal annullament, ippreżenta appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali.
12.
Permezz tas-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali u annullat id-deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2002. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “meta Stat Membru jkun eżerċita l-fakultà li hija miftuħa lilu permezz ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 li jitlob li dokument speċifiku, li joriġina minn dan l-Istat, ma jiġix żvelat mingħajr il-ftehim [kunsens] minn qabel tiegħu, l-iżvelar eventwali ta’ dan id-dokument mill-istituzzjoni jeħtieġ […] il-kisba ta’ ftehim minn qabel ta’ l-imsemmi Stat Membru” (punt 50). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “jekk l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jiġi interpretat bħala li jagħti l-Istat Membru dritt ta’ veto ġenerali u inkondizzjonali bl-għan li jirrifjuta, b’mod purament diskrezzjonali u mingħajr ma jkollu immotiva d-deċiżjoni tiegħu, l-iżvelar ta’ kull dokument miżmum minn istituzzjoni Komunitarja, minħabba l-uniku fatt li l-imsemmi dokument jkun ġej minn dan l-Istat Membru, dan mhuwiex kompatibbli ma’ l-għanijiet tar-Regolament Nru 1049/2001” (punt 58). Għalhekk, oppożizzjoni minn Stat Membru trid tkun ibbażata fuq xi waħda mill-eċċezzjonijiet sostantivi stabbiliti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u “jaqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti Komunitarja, li tistħarreġ fuq it-talba tal-parti interessata li ġiet irrifjutata aċċess mill-istituzzjoni, jekk l-imsemmi rifjut seta’ kienx validament ibbażat fuq l-imsemmija eċċezzjonijiet, u dan, kemm jekk dan ir-rifjut jirriżulta mill-evalwazzjoni ta’ dawn ta’ l-eċċezzjonijiet, mill-istituzzjoni stess jew mill-Istat Membru. Għandu wkoll jiġi rrilevat li, fir-rigward ta’ din il-parti interessata, l-intervent ta’ l-Istat Membru ma jaffettwax in-natura Komunitarja tad-deċiżjoni li l-istituzzjoni tindirizzalha ulterjorment bħala risposta għat-talba ta’ l-aċċess li hija tkun resqitilha dwar dokument li hija żżomm fil-pussess tagħha” (punt 94).
B – Talba ġdida għal aċċess għad-dokumenti rrifjutati
13.
B’riżultat tas-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, l-IFAW reġgħet għamlet it-talba tagħha għal aċċess għad-dokumenti li joriġinaw mill-awtoritajiet Ġermaniżi rċevuti mill-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-proġett Mühlenberger Loch.
14.
Wara għadd ta’ skambji ta’ korrispondenza, b’deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni żvelat id-dokumenti kollha mitluba mill-IFAW, bl-eċċezzjoni ta’ ittra tal-15 ta’ Marzu 2000 mill-Kanċillier Ġermaniż lill-President tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-Kanċillier Ġermaniż”), peress li l-awtoritajiet Ġermaniżi opponew l-iżvelar ta’ dan id-dokument. ( 7 )
15.
Skont id-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2008, l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu ddikjaraw li l-iżvelar tal-ittra tal-Kanċillier jista’ jdgħajjef il-ħarsien tal-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali u l-politika ekonomika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja skont it-tifsira tat-tielet u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.
16.
Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu ddikjaraw li l-iżvelar tal-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż jista’ jdgħajjef serjament il-ħarsien tal-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni skont it-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.
17.
L-IFAW ressqet rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2008, li ta lok għas-sentenza appellata f’din il-kawża. Dan ir-rikors kien ibbażat fuq il-ksur tat-tielet u r-raba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.
C – Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali li hija taħt appell f’din il-kawża
18.
Il-Qorti Ġenerali eżaminat il-portata tal-oppożizzjoni mqajma mill-awtoritajiet Ġermaniżi skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, u rrilevat li l-Artikolu 4(5) jagħmel il-kunsens minn qabel tal-Istat Membru kundizzjoni neċessarja għall-iżvelar ta’ dokument, għalkemm, skont id-duttrina li toriġina minn L-Isvezja vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem “il-ġurisprudenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni”), l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jagħtix lill-Istat Membru dritt ta’ veto ġenerali u inkondizzjonat, li jippermettilu jopponi arbitrarjament, u mingħajr ma jkollu jagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu, l-iżvelar ta’ xi dokument miżmum minn istituzzjoni sempliċement għax ikun joriġina minn dak l-Istat Membru.
19.
Meta wieħed japplika l-ġurisprudenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni (skont liema, barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li t-talba għal informazzjoni mill-persuna ikkonċernata hija indirizzata lill-Unjoni Ewropea u għalhekk din tammonta għal att Komunitarju), il-Qorti Ġenerali elaborat is-suġġett li jikkonċerna d-dmir ta’ Stat Membru li jiddikjara l-motivazzjoni u l-portata tas-setgħat tal-Unjoni Ewropea li twettaq stħarriġ ta’ din il-motivazzjoni. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-istħarriġ imwettaq mill-qrati tal-Unjoni Ewropea ma huwiex limitat għal stħarriġ prima facie, u li ma hemm xejn li jipprekludi milli jsir stħarriġ komplet tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-Kummissjoni, li għandha b’mod partikolari tirrispetta l-obbligu ta’ motivazzjoni u li tkun ibbażata fuq l-evalwazzjoni sostantiva magħmula mill-Istat Membru kkonċernat tal-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001.
20.
Sussegwentement il-Qorti Ġenerali eżaminat ir-raġuni għal rifjut ibbażata fuq l-eċċezzjoni li tikkonċerna l-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tal-politika ekonomika ta’ Stat Membru, imsemmija fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmi regolament, u ddikjarat li, f’dan il-każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha tiġi rikonoxxuta bħala li tgawdi diskrezzjoni wiesgħa f’dan is-sens, u li l-istħarriġ dwar il-legalità ta’ tali deċiżjoni mill-qrati tal-Unjoni Ewropea għandu jkun limitat għall-verifika dwar jekk ir-regoli proċedurali u d-dmir ta’ motivazzjoni kinux ġew segwiti, jekk il-fatti kieux ġew iddikjarati bi preċiżjoni, u jekk kienx hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni jew abbuż ta’ poter.
21.
Fir-rigward tal-eċċezzjoni li tikkonċerna l-ħarsien tal-interess pubbliku fir-rigward tal-politika ekonomika ta’ Stat Membru, stabbilita fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, minkejja l-qosor tagħha, il-motivazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ġermaniżi kienet biżżejjed sabiex tippermetti lill-IFAW tikkonstata r-raġunijiet għal rifjut u lill-qrati tal-Unjoni Ewropea sabiex iwettqu l-istħarriġ tal-legalità li għandhom l-obbligu li jagħmlu.
22.
Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ngħatat konsiderazzjoni għat-talba għal aċċess għad-dokumenti għal kull wieħed mid-dokumenti msemmija fit-talba. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat b’mod partikolari li l-mogħdija taż-żmien ma kienx affettwa r-raġunijiet dwar kunfidenzjalità mressqa mill-awtoritajiet Ġermaniżi.
III – L-appell: il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
23.
Fit-18 ta’ Marzu 2011, l-IFAW ippreżentat appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. L-appell tagħħa huwa bbażat fuq żewġ aggravji:
—
żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali billi naqset milli tiddeċidi li l-Kummissjoni jmissha wettqet stħarriġ sħiħ tar-rifjut tal-Ġermanja sabiex jiġi stabbilit jekk ir-raġunijiet tagħha kinux jaqgħu fl-ambitu tal-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.
—
żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tan-natura u l-portata tal-istħarriġ li hija għandha tagħmel b’konnessjoni mar-rifjut ta’ Stat Membru. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet: (1) l-inadegwatezza ta’ stħarriġ limitat li jkun ristrett għall-verifika tal-aspetti proċedurali, jekk kienx hemm konformità mad-dmir ta’ motivazzjoni, jekk il-fatti kinux ġew iddikjarati b’mod preċiż, u jekk kienx hemm żball manifest jew abbuż ta’ poter, u (2) il-bżonn għall-Qorti Ġenerali li jkollha aċċess dirett għad-dokument ikkontestat.
24.
L-ewwel nett, l-IFAW issostni li l-Qorti Ġenerali naqset li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod xieraq il-fatt li, kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 76 tas-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 l-Istat Membru huwa mogħti biss “setgħa ta’ parteċipazzjoni fid-deċiżjoni Komunitarja”, u tippreċiża li fl-aħħar mill-aħħar id-deċiżjoni hija deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea. L-IFAW issostni li b’mod konformi mas-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, tali deċiżjoni għandha tiġi adottata skont il-Linji gwida li ġejjin: (a) bidu ta’ djalogu ġenwin bejn l-istituzzjoni u l-Istat Membru kkonċernat; (b) kunsens tal-Istat Membru kkonċernat, jew oppożizzjoni bbażata fuq l-eċċezzjonijiet fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001; (ċ) għeluq tad-djalogu ġenwin; (d) verifika mill-istituzzjoni li r-raġunijiet invokati jeżistu kif ukoll ir-riferiment għalihom fid-deċiżjoni finali, u (e) adozzjoni tad-deċiżjoni finali. L-IFAW tkompli biex tgħid li, matul din il-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikjedi li l-istituzzjoni twettaq stħarriġ sħiħ u komplet tal-oppożizzjoni mmotivata tal-Istat Membru. Dan l-istħarriġ jinkludi tliet stadji: (a) verifika dwar jekk l-oppożizzjoni hijiex ibbażata fuq l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001; (b) verifika li l-Istat Membru mmotiva l-pożizzjoni tiegħu, u (ċ) evalwazzjoni dwar jekk l-eċċezzjonijiet u l-motivi invokati humiex applikabbli għad-dokument inkwistjoni.
25.
L-IFAW issostni li l-Qorti Ġenerali naqset li ssegwi t-tielet u l-aħħar stadju u kkonkludiet, bil-kontra ta’ dak li ġie ddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja, “li ma huwiex neċessarju li tinqata’ l-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-Kummissjoni kinitx marbuta […] li twettaq verifika prima facie jew verifika kompleta tal-motivi ta’ oppożizzjoni invokati mill-Istat Membru” (punt 84 tas-sentenza appellata). Skont l-IFAW, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat is-sentenza tal-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’hekk introduċiet, impliċitament, dritt ta’ veto min-naħa tal-Istat Membru, li fuqu fl-aħħar mill-aħħar taqa’ d-deċiżjoni li ma jiġix żvelat id-dokument.
26.
Barra minn hekk, l-IFAW issostni li, mingħajr stħarriġ sħiħ, l-istituzzjoni tirrisjka li tirrifjuta l-aċċess pubbliku għal dokumenti li fir-rigward tagħhom l-eċċezzjonijiet imressqa mill-Istat Membru attwalment ma jeżistux. Fl-opinjoni tal-IFAW, dan kien il-każ tad-deċiżjoni appellata, fejn l-eċċezzjoni tar-“relazzjonijiet internazzjonali” mressqa mill-Istat Membru, u anki mill-Kummissjoni, bl-ebda mod ma kienet teżisti, peress li ma kien hemm l-ebda Stat terz involut fin-negozjati li b’konnessjoni magħhom id-dokument rikjest kien prodott.
27.
Sussidjarjament, l-IFAW issostni li l-Qorti Ġenerali għandha twettaq stħarriġ komplet fil-forma korretta u xierqa. Fis-sentenza appellata, huwa ddikjarat li l-kwistjoni vera li għandha tiġi kkunsidrata ma tikkonċernax “it-tip ta’ verifika li l-Kummissjoni kienet awtorizzata twettaq” iżda pjuttost “it-tip ta’ stħarriġ […] li l-qorti tal-Unjoni hija awtorizzata twettaq fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta aċċess għad-dokument in kwistjoni” (punt 86). Għalhekk, skont l-IFAW, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li jekk il-Kummissjoni ma twettaqx stħarriġ komplet dwar l-oppożizzjoni tal-Istat Membru, il-Qorti Ġenerali nnifisha hija intitolata li tagħmel dan. Jekk wieħed jassumi li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li twettaq stħarriġ komplet (proposta miċħuda mill-IFAW), il-Qorti Ġenerali għandha tosserva t-tliet stadji msemmija fil-punt 24 iktar ’il fuq. Dan jimplika neċessarjament li l-Qorti Ġenerali għandha tordna li jiġi prodott id-dokument sabiex tkun tista’ tivverifika hija stess l-eżistenza u, għalhekk, l-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet imressqa mill-istituzzjoni u invokati oriġinarjament mill-Istat Membru.
28.
Skont l-IFAW, jekk il-Qorti Ġenerali hija l-unika istituzzjoni li għandha l-obbligu li twettaq stħarriġ komplet, imbagħad hija għandha tiggarantixxi l-legalità u l-awtentiċità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, u ma tistax twettaq dan l-obbligu mingħajr ma tkun rat jew analizzat id-dokument inkwistjoni.
29.
L-IFAW issostni li l-Qorti Ġenerali mhux biss ikkonstatat li ma kienx neċessarju li tordna l-produzzjoni tal-ittra iżda wkoll li hija kkontradixxiet lilha nnifisha. Dan għaliex wara li osservat li hija l-unika istituzzjoni awtorizzata li twettaq stħarriġ komplet, il-Qorti Ġenerali ħadet pass lura billi stqarret li meta tiġi ffaċċjata b’rifjut ta’ Stat Membru hija għandha tirrispetta d-diskrezzjoni wiesgħa ta’ dak l-Istat Membru, u b’hekk tillimita l-portata tal-istħarriġ tagħha li huwa limitat għal eżami dwar jekk ir-regoli proċedurali kinux segwiti, jekk id-dmir ta’ motivazzjoni kienx ġie segwit, jekk il-fatti kinux ġew iddikjarati b’mod preċiż, u jekk kienx hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni jew abbuż ta’ poter. Fil-qosor, dan l-approċċ finalment jippermetti dritt ta’ veto lill-Istat Membru.
30.
Għalhekk, l-IFAW titlob li s-sentenza appellata tiġi annullata, li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tiġi annullata, u l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.
31.
Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tibda billi tistqarr li ma tikkontestax l-analiżi tal-IFAW tas-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni fir-rigward tal-obbligi tal-Kummissjoni li twettaq stħarriġ, għalkemm, fir-rigward tat-tliet stadji tal-proċedura ta’ stħarriġ, il-Kummissjoni terġa’ ttenni l-pożizzjoni li adottat quddiem il-Qorti Ġenerali, li kienet kif ġej: (a) il-Kummissjoni kkonsultat l-awtoritajiet nazzjonali, li (b) opponew billi invokaw numru ta’ eċċezzjonijiet stipulati fir-Regolament Nru 1049/2001, u (ċ) ladarba l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet li l-eċċezzjonijiet u l-motivazzjoni kienu prima facie legali, hija tat deċiżjoni motivata.
32.
Fir-rigward tal-ilment li l-Qorti Ġenerali ħalliet barra t-tielet stadju tal-proċedura, il-Kummissjoni ssostni li l-ilment huwa infondat u li dan juri li l-IFAW naqset milli tifhem il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali segwiet fedelment is-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni.
33.
Il-Kummissjoni tistqarr li, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li “[s]a fejn il-Kummissjoni ma topponix l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni u tadotta fid-deċiżjoni tagħha r-raġunijiet invokati mill-Istat Membru, huma r-raġunijiet indikati minn dan l-Istat Membru, adottati fl-imsemmija deċiżjoni, li għandhom jiġu eżaminati mill-qorti tal-Unjoni”. Għalhekk, meta l-Qorti Ġenerali stqarret li “ma huwiex neċessarju li tinqata’ l-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-Kummissjoni kinitx marbuta […] li twettaq verifika prima facie jew verifika kompleta tal-motivi ta’ oppożizzjoni invokati mill-Istat Membru” (punt 84 tas-sentenza appellata) jew li dik il-kwistjoni hija “irrilevanti”, dak li kienet attwalment qiegħda tagħmel il-Qorti Ġenerali ma kienx daqstant li tistabbilixxi dritt ta’ veto iżda pjuttost qiegħda tgħid li d-deċiżjoni tal-istituzzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-eċċezzjonijiet stabbiliti bir-Regolament Nru 1049/2001, irrispettivament minn jekk dawn l-eċċezzjonijiet humiex ibbażati fuq evalwazzjoni mill-istituzzjoni nnifisha jew mill-Istat Membru kkonċernat. Meta, għall-iskopijiet ta’ stħarriġ, l-istituzzjoni tivverifika jekk l-eċċezzjonijiet u l-motivazzjoni li fuqhom jibbaża ruħu l-Istat Membru humiex prima facie invokati legalment fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, u jippreżenta dik il-motivazzjoni fid-deċiżjoni tar-rifjut finali, din il-motivazzjoni hija l-motivazzjoni tal-istituzzjoni u tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, irrispettivament mill-oriġini tagħha. Il-Kummissjoni ssostni li għalhekk il-Qorti Ġenerali ħadet pożizzjoni klassika ħafna meta stqarret li l-istituzzjoni għandha timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod ċar u l-qrati tal-Unjoni Ewropea għandhom jistħarrġu din il-motivazzjoni. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan huwa konsistenti mal-linji gwida stabbiliti fis-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni.
34.
Fir-rigward tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni li dan huwa bbażat fuq nuqqas ta’ ftehim. Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-IFAW tidher li qed tħawwad il-kunċett ta’ “stħarriġ” ma’ dak ta’ “skoperta”. Dan ikun ifisser li l-qrati tal-Unjoni Ewropea ma jistgħux iwettqu stħarriġ sħiħ mingħajr ma jeżaminaw id-dokumenti kkonċernati. Il-Kummissjoni ssostni li, indipendentement mill-piż li dan iqiegħed fuq il-qrati tal-Unjoni Ewropea u indipendentement mill-fatt li tali allegazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni n-natura diskrezzjonali tas-setgħa li tiddeċiedi dwar miżuri ta’ stħarriġ, inkluża l-produzzjoni ta’ dokumenti, din l-allegazzjoni tkun tammonta għal tgħawwiġ tan-natura tal-azzjoni għal annullament u tal-istħarriġ imwettaq mill-qrati tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 263 tat-Trattat. Essenzjalment, it-tieni aggravju jkun jirrikjedi li l-qrati tal-Unjoni Ewropea b’mod sistematiku jqiegħdu lilhom infushom minflok l-istituzzjoni awtorizzata sabiex tadotta d-deċiżjoni.
35.
Fid-dawl tan-natura tal-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ssostni li l-IFAW ma hijiex qed tifhem il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, peress li din tal-aħħar ma tikkunsidrax li għandha tillimita ruħha għal stħarriġ limitat li jrid jirrispetta d-diskrezzjoni wiesgħa tal-Istat Membru. Il-Kummissjoni ssostni li, għall-kuntrarju, kif joħroġ ċar mill-punti 87 u 88 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma tikkunsidrax li hija ma hijiex awtorizzata twettaq stħarriġ komplet.
36.
Il-Kummissjoni tikkonkludi billi tistqarr li l-eċċezzjoni li ġiet iċċitata fid-deċiżjoni ta’ rifjut u eżaminata mill-Qorti Ġenerali hija inkluża fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, jiġifieri “il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Komunità jew ta’ Stat Membru”. Fis-sentenza Sisón vs Il-Kunsill, ( 8 ) li tittratta r-rifjut mill-Kunsill li jiżvela dokument abbażi ta’ eċċezzjoni skont l-Artikolu 4(1)(a), il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li “għandu jiġi rikonoxxut li [l-Kunsill għandu] marġini ta’ diskrezzjoni wiesa’ għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk l-iżvelar ta’ dokumenti li jaqgħu f’oqsma koperti bl-imsemmija eċċezzjonijiet jistax jippreġudika l-interess pubbliku” (punt 34), u kompliet tgħid li l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ tali deċiżjoni għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni u tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ abbuż ta’ poter. Il-Kummissjoni tosserva li s-sentenza appellata tirreferi għal dik il-pożizzjoni fil-punti 104 u 105. Għaldaqstant, kien minħabba n-natura tal-eċċezzjoni invokata li l-Qorti Ġenerali aċċettat id-diskrezzjoni wiesgħa tal-Istat Membru. Għalhekk, il-Kummissjoni tissottometti li t-tieni aggravju wkoll għandu jiġi miċħud.
37.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni ssostni li l-appell għandu jiġi miċħud u li l-IFAW għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.
IV – Evalwazzjoni
38.
Dan l-appell essenzjalment iqajjem il-kwistjoni li tikkonċerna l-istħarriġ dwar attività amministrattiva minn żewġ perspettivi differenti. Minn naħa (l-ewwel aggravju), hemm l-“istħarriġ” li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huma awtorizzati jew meħtieġa li jwettqu fuq deċiżjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-aċċess għad-dokumenti tagħhom stess li huma fil-pussess tal-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra (it-tieni aggravju), hemm l-stħarriġ ġudizzjarju li l-qrati tal-Unjoni Ewropea huma awtorizzati jew rikjesti li jwettqu fir-rigward tad-deċiżjoni finali fuq talba lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għal aċċess għal dawn id-dokumenti.
A – L-ewwel aggravju: in-natura u l-portata tal-istħarriġ tal-Kummissjoni tar-raġunijiet li fuqhom l-Istat Membru jibbaża l-oppożizzjoni tiegħu għall-iżvelar
39.
Kif indikajt fil-punt 23(a), fl-ewwel aggravju tagħha l-IFAW issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset li tikkonstata li l-Kummissjoni jmissha wettqet stħarriġ sħih tar-rifjut tal-Ġermanja sabiex tistabbilixxi jekk ir-raġunijiet tagħha kinux jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.
40.
Huwa xieraq li wieħed jibda sabiex josserva li, b’mod konformi mar-Regolament Nru 1049/2001, huma biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li huma kompetenti sabiex jistabbilixxu jekk dokumenti tal-istituzzjoni humiex koperti, f’każ partikolari, bl-eċċezzjonijiet stabbiliti bl-Artikolu 4 tar-Regolament. Madankollu, fir-rigward ta’ “dokumenti ta’ partijiet terzi”, l-Artikolu 4(4) jagħti lill-parti terza kkonċernata d-dritt li tiġi kkonsultata “bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2, jekk ikun ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat.”
41.
Fl-aħħar nett, meta l-parti terza inkwistjoni tkun Stat Membru, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament jagħti lil dan l-Istat Membru d-dritt li “jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax […] jekk ma jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel”, dokument fil-pussess tal-Unjoni Ewropea. Għal darb’oħra, hija l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni partikolari li dwarha huwa kkonċernat dan l-appell.
42.
Il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat ħafna mill-kwistjonijiet diffiċli li kienu mqajma bl-Artikolu 4(5) fis-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007 L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, li wasslu direttament għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali li issa ġiet appellata. Madankollu, filwaqt li jista’ jkun li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet indirizzat dawn il-kwistjonijiet, ma jistax jingħad bl-istess mod li din kienet solviethom, peress li d-dispożizzjoni kkonċernata tqajjem diffikultajiet ta’ interpretazzjoni sinjifikanti. ( 9 )
43.
L-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jagħti lill-Istati Membri d-dritt li jitolbu li d-dokumenti li jorġinaw minn għandhom ma jiġux żvelati mingħajr il-kunsens tagħhom. Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jidher li huwa possibbli biss li d-dispożizzjoni tiġi interpretata li tagħmel riferiment għal żewġ tipi ta’ azzjoni possibbli li, barra minn hekk, huma reċiprokament esklużivi: (A) id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għal rikjesta sempliċi, li tista tkun jew ma tkunx valida, jew (B) id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għal rikjesta li minnha nnifisha hija dritt ta’ veto li l-eżerċizzju tiegħu huwa dipendenti biss fuq ix-xewqat tal-Istat Membru kkonċernat.
44.
Fil-fehma tiegħi, madankollu, fis-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni il-Qorti tal-Ġustizzja pproċediet lil hinn minn din id-dikotomija. Hija għamlet dan permezz ta’ deċiżjoni li min-naħa tagħha tqajjem id-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tagħha. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li s-sentenza inkwistjoni kienet tirrappreżenta pass ’il quddiem fir-razzjonalizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti tal-Unjoni Ewropea. ( 10 ) Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja fittxet li tiddeduċi mill-ispirtu tar-Regolament Nru 1049/2001 il-bażi leġiżlattiva u kunċettwali meħtieġa sabiex tinsab triq tan-nofs li tkun tista’ tirrikonċilja t-termini ta’ din il-kontradizzjoni.
45.
Filwaqt li wieħed jirrikonoxxi li din hija biċċa xogħol riskjuża, jien tal-fehma li l-ġurisprudenza li tinsilet mill-kawża L-Isvezja vs Il-Kummissjoni tista’ tinġabar fil-qosor fil-punti li ġejjin:
46.
Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 4(5) bħala dispożizzjoni li toħloq proċedura, pjuttost milli tqassim ta’ kompetenzi (punt 93). Fil-qosor, din il-proċedura hija waħda fejn kemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni “jipparteċipaw” (punt 93). Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li r-rifjut ta’ aċċess għad-dokument huwa att strettament attribwibbli għall-Kummissjoni (punt 94).
47.
Fit-tieni lok, fid-dawl tal-argument preċedenti, it-talba tal-Istat Membru mhijiex min-natura tagħha dritt ta’ veto “ġenerali u inkundizzjonat” (punt 75). Konsegwentement, l-Istat Membru huwa meħtieġ, b’mod partikolari, li “jimmotiva” ir-rifjut tiegħu (punt 87). Barra minn hekk, il-motivazzjonijiet għar-rifjut għandhom ikunu bbażati fuq waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (punt 88).
48.
Fit-tielet lok u mingħajr dubju l-iktar punt problematiku, u l-iktar wieħed importanti f’dan l-aggravju, huwa dak li l-Qorti tal-Ġustizzja tidher li llimitat il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni għall-verifika (punt 89) tal-konformità mal-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq imposti fuq l-Istat Membru. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni għandha tivverifika li r-raġunament jeżisti, li kien stabbilit u li huwa bbażat fuq l-eċċezzjonijiet. Ċertament, il-Kummissjoni hija rikjesta li tistqarr il-motivazzjoni tagħha iżda, fl-aħħar mill-aħħar, din il-motivazzjoni tista’ jew x’aktarx għandha tkun dik ippreżentata lilha mill-Istat Membru kkonċernat (punt 90).
49.
Fir-raba’ u l-aħħar lok, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju (punti 89 u 90). Madankollu, dan il-punt huwa marbut mat-tieni aggravju.
50.
L-IFAW issostni li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali taħt appell tintroduċi mill-ġdid dritt ta’ veto li kellu jitqies li tneħħa meta r-“regola ta’ l-awtur” kienet ġiet abolita b’riżultat tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1049/2001, kif jingħad espressament fil-punt 59 tas-sentenza L-Isveżja vs Il-Kummissjoni. Skont l-IFAW, dak il-pass lura jirriżulta mill-fatt li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kien perfettament possibbli li “l-istħarriġ” tal-Kummissjoni tar-rifjut ta’ Stat Membru li jiżvela dokument li jkun oriġina minn dak l-Istat Membru jiġi limitat għall-eżami ta’ materji formali u proċedurali, mingħajr il-ħtieġa li jitwettaq eżami komprensiv u rigoruż tar-raġunijiet għal rifjut fid-dawl tal-eċċezzjonijiet imsemmija fir-Regolament Nru 1049/2001.
51.
Fil-fehma tiegħi, u naqbel mal-Kummissjoni fuq dan il-punt, din il-konklużjoni hija riżultat ta’ interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata. L-IFAW iffukat l-attenzjoni tagħha fuq id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li “ma huwiex neċessarju li tinqata’ l-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-Kummissjoni kinitx marbuta […] li twettaq verifika prima facie jew verifika kompleta tal-motivi ta’ oppożizzjoni invokati mill-Istat Membru” (punt 84 tas-sentenza appellata), li minnha l-IFAW tikkonkludi li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ma hjiex obbligata tivverifika jekk l-eċċezzjonijiet stipulati fir-Regolament Nru 1049/2001 li ġew invokati mill-Istat Membru, attwalment jeżistux fil-każ inkwistjoni.
52.
Madankollu, fil-fehma tiegħi, din ma hijiex il-konklużjoni li ssegwi mid-diċitura tas-sentenza appellata.
53.
Il-Qorti Ġenerali tibda billi tiddikjara fil-punt 79 tas-sentenza tagħha, li “[i]l-Kummissjoni, bħala awtriċi ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokumenti, hija responsabbli għal-legalità tagħha.”
54.
Il-legalità ta’ din id-deċiżjoni tiddependi fuq l-eżistenza ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fir-Regolament Nru 1049/2001 li għandha tkun debitament immotivata f’dan ir-rigward. Ovvjament għandha tkun il-Kummissjoni, bħala “l-awtur” tad-deċiżjoni ta’ rifjut, li tevalwa jekk kinitx teżisti waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet jew le. Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni tista’ jew tifforma l-opinjoni tagħha jew tadotta bħala tagħha l-opinjoni tal-Istat Membru kkonċernat. Fiż-żewġ każijiet, huwa ċar li, irrispettivament mill-oriġini tagħhom, ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni ta’ rifjut għandha tkun suffiċjenti għall-iskopijiet li tikkostitwixxi motivazzjoni ta’ deċiżjoni attribwibbli lill-Unjoni Ewropea. Huwa preċiżament dan il-punt li fuqu ffukat l-attenzjoni tagħha l-Qorti Ġenerali fejn ikkonstatat li meta, bħas-sitwazzjoni li qiegħda tiġi mistħarrġa, il-Kummissjoni adottat bħala tagħha r-raġunijiet invokati mill-Istat Membru, hija obbligata li ssemmihom fid-deċiżjoni ta’ rifjut.
55.
Għalhekk, il-Qorti Ġenerali segwiet strettament id-deċiżjoni tal-Awla Manja fis-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni.
56.
Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara fil-punt 88 tas-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni li, wara d-djalogu ġenwin bejn l-istituzzjoni u l-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tal-applikazzjoni possibbli tal-eċċezzjonijiet imsemmija fir-regolament, “[l]-istituzzjoni ma tistax fil-fatt taġixxi skond ir-rifjut muri minn Stat Membru għall-iżvelar ta’ dokument li joriġina minnu jekk l-imsemmija oppożizzjoni hija nieqsa minn kull motivazzjoni jew jekk dik il-motivazzjoni mhjiex spjegata b’referenza għall-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Meta, minkejja l-istedina espressa f’dan is-sens indirizzata mill-istituzzjoni lill-Istat Membru, dan tal-aħħar jibqa’ ma jipprovdilhiex tali motivazzjoni, l-imsemmija istituzzjoni għandha, jekk din tikkunsidra minn naħa tagħha li ebda waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ dan ir-Regolament ma japplikaw, tagħti aċċess għad-dokument mitlub.”
57.
Il-punt 89 tas-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni jistqarr li “l-istituzzjoni stess għandha l-obbligu li timmotiva d-deċiżjoni ta’ rifjut kontra l-awtur tat-talba ta’ aċċess.” Dan ifisser li huwa essenzjali li r-rifjut jiġi mmotivat. Jekk ir-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat ir-rifjut fid-deċiżjoni finali huma l-istess raġunijiet imressqa mill-Istat Membru, “l-istituzzjoni [għandha] tesponi, fl-imsemmija deċiżjoni, mhux biss l-oppożizzjoni mmanifestata mill-Istat Membru kkonċernat għall-iżvelar tad-dokument mitlub, iżda wkoll raġunijiet invokati mill-imsemmi Stat Membru sabiex tikkonkludi bl-applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni għad-dritt ta’ l-aċċess previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ l-istess Regolament. Tali indikazzjonijiet huma fil-fatt ta’ natura li jippermettu lill-parti interessata li tifhem l-oriġini u r-raġunijiet tar-rifjut kontriha u lill-qorti kompetenti sabiex teżerċita, skond il-każ, l-istħarriġ li huwa mogħti lilha” (punt 89 tas-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni).
58.
Għalhekk, fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut, huwa neċessarju, iżda anki suffiċjenti, li l-istituzzjoni tistabbilixxi r-raġunijiet invokati mill-Istat Membru sabiex jiġġustifika l-eżistenza ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fir-Regolament Nru 1049/2001. Dan huwa dak li seħħ fil-każ inkwistjoni, peress li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni r-raġunijiet invokati mill-Ġermanja, u adottathom bħala tagħha u qisithom suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata d-deċiżjoni finali ta’ rifjut li għaliha, bħala att tal-Unjoni Ewropea, hija responsabbli l-Kummissjoni.
59.
F’dan l-isfond, id-dikjarazzjoni fil-punt 86 tas-sentenza appellata għandha tiġi interpretata bħala li tfisser, fiċ-ċirkustanzi, li dak li jgħodd ma huwiex it-tip ta’ stħarriġ li ġie mwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tar-raġunijiet invokati mill-Istat Membru, iżda pjuttost l-istħarriġ ġudizzjarju sostantiv ta’ dawn ir-raġunijiet.
60.
Fil-qosor, huwa ċar, fil-fehma tiegħi, li l-Kummissjoni segwiet il-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni meta, fid-dawl tar-raġunijiet invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, hija adottathom bħala motivazzjoni tad-deċiżjoni finali ta’ rifjut, u għalhekk ippermettiet “lill-parti interessata li tifhem l-oriġini u r-raġunijiet tar-rifjut kontriha u lill-qorti kompetenti sabiex teżerċita, skond il-każ, l-istħarriġ li huwa mogħti liha” skont il-punt 89 tas-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni.
61.
Konsegwentement, jiena nemmen li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud, peress li bil-kontra tal-allegazzjonijiet tal-IFAW, billi kkonstatat li l-Kummissjoni aġixxiet legalment billi semmiet ir-raġunijiet invokati mill-Istat Membru għar-rifjut ta’ aċċess għad-dokument mitlub, il-Qorti Ġenerali segwiet id-duttrina stabbilita fis-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni. Skont din il-ġurisprudenza, huwa permezz ta’ din il-motivazzjoni li l-Kummissjoni twettaq id-dmir tagħha skont il-proċess deċiżjonali previst fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jipprovdi li hija ma għandhiex tagħmel riferiment għal raġunijiet oħra minbarra dawk ibbażati fuq l-eċċezzjonijiet previsti f’dan ir-regolament.
B – It-tieni aggravju: in-natura u l-portata tal-istħarriġ gudizzjarju
62.
Permezz tat-tieni aggravju l-IFAW issostni li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tan-natura u l-portata tal-istħarriġ li hi nnifisha hija meħtieġa li twettaq fir-rigward tar-rifjut tal-Istat Membru. L-ewwel parti tal-aggravju tikkritika n-natura limitata tal-istħarriġ tad-deċiżjoni ta’ rifjut imwettaq mill-Qorti Ġenerali, li, skont l-IFAW, kienet indebitament limitata għall-aspetti formali tal-proċess deċiżjonali u sabiex jiġi aċċertat li l-motivazzjoni kienet konsistenti mal-fatti u ma kinitx tikkostitwixxi żball ta’ evalwazzjoni jew abbuż ta’ poter.
63.
Is-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni xejnet kull dubju possibbli dwar il-protezzjoni legali mogħtija lil persuna li tkun għamlet talba għal aċċess irrifjutata minn istituzzjoni. Fil-punt 90, l-Awla Manja qalet li, “fejn l-Istat Membru jirrifjuta b’mod immotivat li jawtorizza l-aċċess għad-dokument in kwistjoni, u fejn għaldaqstant, l-istituzzjoni tinsab kostretta li tiċħad it-talba ta’ l-aċċess, l-awtur ta’ l-imsemmija talba jgawdi minn protezzjoni ġudizzjarja, kuntrarjament għall-biżat espressi b’mod partikolari mill-IFAW.”
64.
Bħala protezzjoni ġudizzjarja li hija konsistenti mal-kontenut tad-dritt għal rimedju effettiv iggarantit bl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, din il-protezzjoni tinkludi evalwazzjoni materjali u sostantiva tal-legalità tal-att jew tal-miżura kkontestata, peress li l-Awla Manja tirrileva b’mod kruċjali li, fl-aħħar mill-aħħar, id-deċiżjoni ta’ rifjut hija att tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk hija suġġetta, fl-intier tagħha, għad-dritt tal-Unjoni Ewropea.
65.
Dan huwa preċiżament il-kontenut tas-sentenza appellata, bil-punt 87 tagħha jgħid, “[f]ir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni ta’ rifjut, mill-punt 94 tas-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni […] jirriżulta li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti li tistħarreġ, fuq talba ta’ dak li lilu tkun saret oppożizzjoni u rċieva rifjut ta’ aċċess mill-istituzzjoni mitluba, jekk dan ir-rifjut setax validament ikun ibbażat [ ( 11 )] fuq l-eċċezzjonijiet indikati fil-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, u jekk dan ir-rifjut jirriżultax mill-evalwazzjoni tagħhom mill-istituzzjoni stess jew mill-Istat Membru kkonċernat”.
66.
“Isegwi li, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni [b’riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001,] l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni ma huwiex sempliċi stħarriġ prima facie. L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma żżommhiex milli twettaq stħarriġ komplet tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-Kummissjoni li għandha tosserva, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ motivazzjoni u li tiddependi mill-evalwazzjoni materjali, mill-Istat Membru kkonċernat, tal-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.”
67.
Ebda mill-argumenti preċedenti ma jagħmilha possibbli li tiġi sostnuta l-asserzjoni tal-IFAW li l-Qorti Ġenerali sostniet li l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha tad-deċiżjoni ta’ rifjut ma għandux għalfejn ikun daqshekk wiesa’ u fid-dettall bħal fil-każ ta’ stħarriġ ta’ kwalunkwe att jew miżura tal-Unjoni Ewropea li jkunu suġġetti għall-ġurisdizzjoni tagħha. Tabilħaqq, lanqas seta’ jkun mod ieħor fid-dawl tal-importanza tad-dritt fundamentali involut, peress li wieħed għandu jżomm f’moħħu li d-dritt għal rimedju effettiv kontra l-awtoritajiet amministrattivi huwa, flimkien mal-prinċipju ta’ legalità, wieħed mill-pilastri fundamentali fil-proċess storiku sabiex tiġi affermata s-saltna tad-dritt, it-tradizzjoni u l-prinċipji tagħha li huma l-bażi tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 2 TUE).
68.
Kwistjoni differenti hija dwar jekk, f’dan il-każ partikolari, il-Qorti Ġenerali effettivament wettqitx stħarriġ ġudizzjarju denju li jissejjaħ hekk billi dan huwa parti mid-dritt għal rimedju effettiv li issa huwa ggarantit bl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Dan iwassalni għat-tieni parti tat-tieni aggravju, li jeħtieġ, qabel kollox, kunsiderazzjoni ta’ kwistjoni oħra: kien neċessarju għall-Qorti Ġenerali li jkollha aċċess dirett għad-dokument kontenzjuż?
69.
Dwar dan il-punt, hija l-fehma tiegħi li l-appell għandu jiġi milqugħ.
70.
Fil-fehma tiegħi, l-IFAW korrettament issostni li, għall-iskopijiet tal-istħarriġ tagħha in camera, il-Qorti Ġenerali jmissha ordnat il-produzzjoni tad-dokument kontenzjuż sabiex b’hekk tkun tista’ tivverifika hija stess l-eżistenza, u għalhekk, l-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet imressqa mill-istituzzjoni u invokati orġinarjament mill-Istat Membru.
71.
F’dan is-sens, il-kwistjoni ma hijiex, kif issostni l-IFAW, jekk il-Qorti Ġenerali misshiex wettqet stħarriġ komplet jew, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, jekk f’sitwazzjoni tat-tip inkwistjoni, huwiex neċessarju li tingħata lill-Istat Membru kkonċernat diskrezzjoni wiesgħa sabiex jiġu invokati eċċezzjonijiet għad-dmir li jiġi żvelat dokument. Il-punt inkwistjoni hawnhekk jippreċedi dawn il-biżgħat.
72.
Mingħajr il-ħtieġa li tiġi speċifikata l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni li jiġi rrifjutat aċċess, huwa pjuttost ċar li, tkun kemm tkun baxxa l-intensità tiegħu, l-istħarriġ dejjem għandu jitwettaq fid-dawl tad-dokument kontenzjuż inkwistjoni. Inkella jkun impossibbli li jiġi stabbilit jekk ir-raġunijiet invokati mill-Istat Membru kkonċernat, irrispettivament minn kemm tkun wiesgħa l-evalwazzjoni li tista’ ssir, jikkorrispondux sa ċertu punt mal-kontenut sostantiv reali tad-dokument li l-iżvelar tiegħu ġie rrifjutat.
73.
Fl-istħarriġ dwar id-deċiżjoni ta’ rifjut, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel riferiment għall-motivazzjoni li fuqha d-deċiżjoni hija bbażata. Barra minn hekk, jekk din il-motivazzjoni tikkonsisti f’evalwazzjoni tal-effetti li jkollu l-iżvelar tad-dokument fuq ċerti drittijiet u interessi, l-istħarriġ ikun possibbli sa fejn il-Qorti Ġenerali tkun f’pożizzjoni li tifforma l-opinjoni tagħha dwar il-kontenut sostantiv tad-dokument. Huwa biss jekk tkun taf x’inhu l-kontenut tad-dokument li l-Qorti Ġenerali tkun f’pożizzjoni li tevalwa l-validità tar-raġunijiet invokati mill-Kummissjoni u mill-Istat Membru kkonċernat sabiex jiġi prekluż l-iżvelar ta’ dak id-dokument. Inkella l-Qorti Ġenerali sempliċement tkun qed tifforma opinjoni b’riferiment għal parti interessata, fejn finalment tkun qed tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq l-awtorità ta’ persuna li d-deċiżjoni tagħha għandha, madankollu, tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv.
74.
Ġaladarba l-Qorti Ġenerali kienet, fid-dawl tad-dokument, f’pożizzjoni li tifforma opinjoni dwar il-portata tal-konsegwenzi possibbli tal-iżvelar ta’ dan id-dokument, din imbagħad tkun f’pożizzjoni li teżamina u tevalwa r-raġunijiet invokati mill-Kummissjoni u mill-Istat Membru kkonċernat sabiex ma jsirx l-iżvelar. Huwa f’dak il-punt li tqum il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali għandhiex tattribwixxi miżura diskrezzjonali ikbar jew iżgħar lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru: fi kliem ieħor, jekk l-evalwazzjoni li finalment għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, għandhiex tkun evalwazzjoni li saret mill-Qorti Ġenerali jew l-evalwazzjoni li saret mill-Kummissjoni. Din hija l-alternattiva tipika fi kwalunkwe stħarriġ ġudizzjarju ta’ attività amministrattiva. ( 12 ) Madankollu, sabiex tkun teżisti din l-alternattiva huwa ovvju li għandu jkun hemm żewġ evalwazzjonijiet indipendenti: dik tal-qorti u dik tal-awtorità pubblika li l-azzjonijiet tagħha huma taħt stħarriġ. It-tnejn huma bbażati fuq evalwazzjoni diretta u immedjata tal-avveniment jew tal-aġir li l-konsegwenzi tagħhom isir riferiment għalihom bħala ġustifikazzjoni tal-kontenut tal-att legali suġġett għall-istħarriġ tal-qorti.
75.
Għalhekk, fil-fehma tiegħi, ma huwiex xieraq li wieħed isostni, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-Qorti Ġenerali tkun meħtieġa twettaq eżami dirett tad-dokument, minbarra l-fatt li dan iqiegħed piż indebitu fuq il-Qorti Ġenerali u jmur kontra n-natura diskrezzjonali tas-setgħat tagħha fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ stħarriġ, ikun jammonta għal “distorsjoni tan-natura ta’ azzjoni għal annullament [u], tkun titlob sistematikament lill-qorti tal-Unjoni sabiex tqiegħed lilha nnifisha fil-pożizzjoni tal-istituzzjoni li tiddeċiedi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 10 tar-risposta tal-Kummisjoni).
76.
Il-kuntrarju huwa minnu għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, l-argument fir-rigward tal-piż li jitqiegħed fuq il-Qorti Ġenerali ma jistax joħloq kundizzjonijiet dwar l-eżerċizzju xieraq tal-ġurisdizzjoni. It-tieni nett, dan il-każ ma jikkonċernax l-adozzjoni ta’ miżura ta’ stħarriġ immirata lejn il-produzzjoni ta’ dokument li hu rikjest sabiex tiġi fformata opinjoni dwar il-pożizzjonijiet imressqa mill-partijiet dwar is-suġġett tal-proċeduri, iżda pjuttost miżura ta’ stħarriġ li hija rikjesta sabiex jiġi kkonstatat preċiżament x’inhu eżattament is-suġġett tal-kwistjoni bejn il-partijiet fil-kawża. Fl-aħħar nett, huwa fin-“natura” ta’ azzjoni għal annullament li l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea tiġi stabbilita mill-qrati tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ eżami tal-motivazzjoni li fuqha hija bbażata dik id-deċiżjoni. Fil-każ preżenti, dan l-eżami huwa possibbli biss jekk il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tifforma l-opinjoni tagħha dwar il-kontenut tad-dokument ikkontestat, peress li huwa biss abbażi ta’ din l-opinjoni li hija tista’ tkun f’pożizzjoni li tevalwa l-validità tar-raġunijiet invokati mill-istituzzjoni li opponiet l-iżvelar tiegħu.
77.
Fil-qosor, jiena naħseb li t-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi milqugħha.
V – Dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tistax taqta’ definittivament il-kawża
78.
Konformement mal-Artikolu 61, tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[j]ekk l-appell ikun fondat sewwa, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha”.
79.
Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ taqta’ definittivament il-kawża. Fid-dawl tal-kliem fejn nipproponi li l-appell għandu jintlaqa’, huwa xieraq li tiġi annullata s-sentenza appellata u li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali għas-sentenza wara li jkun sar eżami dirett tad-dokument kontenzjuż.
VI – Spejjeż
80.
Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tordna li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.
VII – Konklużjoni
81.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi kif ġej:
—
tilqa’ parzjalment l-appell billi tilqa’ t-tieni parti tat-tieni aggravju tal-appell, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001
—
u konsegwentement:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Jannar 2011, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il-Kummissjoni (T-362/08), li tiċħad ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ġunju 2008, li tirrifjuta l-aċċess għal dokument mibgħut lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Ġermaniżi fir-rigward ta’ proċedura għad-deklassifikazzjoni ta’ sit protett taħt id-Direttiva 92/43;
—
tirrinvija lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħti sentenza wara li jsir eżami dirett tad-dokument kontenzjuż, u
—
tordna lill-partijiet ibatu l-ispejjeż tagħhom.
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Kawża T-362/08.
( 3 ) Kawża C-64/05, Ġabra p. I-11389.
( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331.
( 5 ) Id-Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102).
( 6 ) Sentenza IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il-Kummissjoni (T-168/02, Ġabra p. II-4135).
( 7 ) Kienu pprovduti b’kollox 8 dokumenti, mill-Belt ta’ Hamburg u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
( 8 ) Sentenza tal-1 ta’ Frar 2007 (C-266/05 P, Ġabra p. I-1233).
( 9 ) Kif stqarr l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro f’punt 32 tal-Konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, il-Gvern Daniż korrettement iddeskriva l-ambigwità insuperabbli tal-formulazzjoni tal-Artikolu 4(5) bħala “ambigwità kostruttiva” li l-użu tagħha kien neċessarju sabiex tkun possibbli l-adozzjoni tagħha mil-leġislatura Komunitarja. Filwaqt li din in-neċessità hija raġuni suffiċjenti għall-interpretazzjoni “politika” ta’ din id-dispożizzjoni, din ma tistax tkun raġuni suffiċjenti għall-interpretazzjoni legali tagħha, li hija l-unika interpretazzjoni li qorti hija mistennija li tipprovdi. Barra minn hekk, l-awturi akkademiċi legali huma unanimi fl-evalwazzjoni tagħhom tad-diffikultajiet dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni. Minbarra l-artikolu ċċitat mill-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 tal-Konklużjonijiet tiegħu (Heliskoski, J. u Leino, P., “Darkness at the break of noon: the case law on Regulation No 1049/2001 on access to documents”, CMLR, vol. 43 (2006), p. 735 et seq.), ara Guichot, E., Transparencia y acceso a la información en el Derecho Europeo, Cuadernos Universitarios de Derecho Administrativo, Sevilla, 2011, p. 123 et seq., li wkoll jagħti rendikont dwar il-prospetti ta’ riforma tal-leġislazzjoni kurrenti. F’dan ir-rigward, ara Leino, P., “Case C-64/05 P, Kingdom of Sweden vs Comisión of the European Communities and others, Judgment of the European Court of Justice (Grand Chamber) of 18 December 2007”CMLR, vol. 45 (2008), p. 1469 et seq.
( 10 ) Is-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni kienet is-suġġett ta’ ħafna artikoli, li jiddeskrivu u jeżaminaw is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Minbarra l-artikoli ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, ara, inter alia, Diamandouros, N., “Openness and Acces to Documents”, EStAL, 4/2008; Schadtle, K., “Informationsfreiheit und Verwaltungtransparenz in Europa: Das Recht auf Zugang zu Dokumenten aus den EG-Mitgliedstaaten auf dem Prüfstand — Zugleich eine Besprechung des Urteils des Europäischen Gerichtshofs vom 18. Dezember 2007, Rs. C-64/05 P”, DöV (2008), p. 455 et seq.; u Wegener, W.B., “Art. 15, Rn. 19-22”, f’Callies/Ruffert, EUV. EGV Kommentar, C.H. Beck, Munich, ir-4 ed., 2011.
( 11 ) Il-korsiv huwa tiegħi.
( 12 ) Ara, pereżempju, Santamaría Pastor, J.A., Principios de Derecho Administrativo General, vol. II, it-tieni edizzjoni, Iustel, Madrid, 2009, p. 686 et seq.
Full & Egal Universal Law Academy