KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fit-23 ta’ Jannar 2014 ( 1 )
Kawża C‑184/11
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Renju ta’ Spanja
“Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fejn jinstab li għajnuna mill-Istat hija inkompatibbli mas-suq komuni — Miżuri neċessarji għall-konformità mad-deċiżjonijiet — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li sabet li l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu — Nuqqas ta’ konformità mas-sentenza fi żmien xieraq — Penali finanzjarja”
1.
Fl-2001, il-Kummissjoni adottat sitt deċiżjonijiet fejn iddeċidiet li ċerti miżuri fiskali fil-Comunidad Autónoma del País Vasco (iktar ’il quddiem “il-Pajjiż Bask”) kienu għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni, u talbet lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-għajnuna. Fl-2006, il-Kummissjoni kisbet sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja li Spanja kienet naqset li tikkonforma ma’ dawk id-deċiżjonijiet. Issa qiegħda titlob dikjarazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja li Spanja naqset li tikkonforma ma’ din l-aħħar sentenza fi żmien xieraq, u l-impożizzjoni ta’ penali bħala somma f’daqqa fir-rigward tal-perijodu ta’ nuqqas ta’ konformità.
2.
Spanja ssostni li l-Kummissjoni stmat b’valur ikbar minn dak reali l-ammonti li kellhom jiġu rkuprati u li, fi kwalunkwe każ, kull penali imposta għandha tkun inqas minn dik mitluba mill-Kummissjoni.
Il-kuntest
L-għajnuna u d-deċiżjoniijet tal-2001
3.
Bejn l-1994 u l-1997, it-tliet provinċji tal-Pajjiż Bask – Álava, Vizcaya u Guipúzcoa ( 2 ) – kull waħda minnhom introduċiet miżuri fiskali ta’ żewġ tipi li baqgħu fis-seħħ sal-1999 jew l-2000: kreditu ta’ taxxa għal negozji ta’ 45 % tal-investimenti, u tnaqqis digressiv għal erbgħa snin tal-bażi taxxabbli għal negozji ġodda, it-tnejn li huma suġġetti għal kundizzjonijiet.
4.
Dawn il-miżuri ma ġewx innotfikati lill-Kummissjoni. Meta saret taf bihom, hija ddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura skont l-Artikolu 88(2) KE ( 3 ). Fil-11 ta’ Lulju 2001, hija adottat sitt deċiżjonijiet ( 4 ).
5.
F’kull każ, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna. Mingħajr ma kienet taf id-dettalji tal-benefiċjarji attwali, kien biżżejjed li benefiċjarji potenzjali setgħu jibbenefikaw minn għajnuna li ma kinitx konsistenti mad-direttivi, il-linji gwida u l-oqfsa ( 5 ). Qabel ma kkonkludiet li l-iskemi kienu nġiebu fis-seħħ b’mod illegali u li kienu inkompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni rrilevat li d-deċiżjonijiet kienu “bla preġudizzju għal jekk għajnuna individwali tistax titqies, b’mod sħiħ jew in parti, bħala kompatibbli mas-suq komuni fuq il-merti tagħha stess, jew f’deċiżjoni tal-Kummissjoni sussegwenti jew taħt regolamenti ta’ eżenzjoni” ( 6 ). Għalhekk, l-ebda waħda mid-deċiżjonijiet ma identifikat għajnuna speċifika bħala li kienet inkompatibbli mas-suq komuni u l-ebda deċiżjoni ma eskludiet l-possibbiltà li xi għajnuna setgħet tkun kompatibbli. Madankollu, ġie konkluż li l-iskemi ta’ għajnuna kollha kienu inkompatibbli.
L-evalwazzjonijiet tal-kompatibbiltà
– L-iskemi ta’ krediti ta’ taxxa ta’ 45 %
6.
L-evalwazzjonijiet huma b’mod ġenerali l-istess fit-tliet deċiżjonijiet li huma ( 7 ). L-għajnuna tista’ titqies bħala għajnuna għall-investiment fis-sens tal-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna ġenerali nazzjonali ( 8 ), sakemm kienet ibbażata fuq ammont investit fir-reġjun u suġġetta għal limitu espress bħala perċentwali ta’ dak l-ammont. Madankollu, il-PGD per capita tar-reġjun kien għoli wisq biex tapplika d-deroga reġjonali fl-Artikolu 87(3)(a) KE u, fir-rigward tal-Artikolu 87(3)(ċ), il-limitu tal-ekwivalenti nett tal-għajnuna rilevanti ma ġiex osservat. Barra minn hekk, skont il-Linji Gwida investimenti inizjali biss setgħu jikkwalifikaw, filwaqt li dawn l-iskemi setgħu japplikaw għal nefqiet oħra wkoll. Barra minn hekk kien hemm ukoll obbligi oħra li kellhom jintlaħqu ( 9 ). Għajnuna li ma kinitx tissodisfa l-kriterji applikabbli trid titqies bħala għajnuna operattiva, mhux għajnuna għall-investiment. Madankollu, l-għajnuna operattiva kellha tissodisfa l-kriterji f’punti 4.15 sa 4.17 tal-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali, li ma kienx il-każ hawnhekk, peress li l-provinċji tal-pajjiż Bask ma kinux reġjuni periferiċi jew reġjuni ta’ densità tal-popolazzjoni baxxa. Għaldaqstant, l-iskemi ta’ għajnuna ma kinux jikkonformaw mar-regoli dwar għajnuna reġjonali. Barra minn hekk, għajnuna għal investimenti barra r-reġjun ma setgħetx titqies bħala għajnuna reġjonali, u l-possibbiltà ta’ deroga għal għajnuna lil impriżi ta’ daqs żgħir jew medju (iktar ’il quddiem “SMEs”) ma kinitx disponibbli għaliex l-għajnuna ma kinitx limitata għal 7.5 % jew 15 %, kif applikabbli, tal-ekwivalenti gross tal-għajnuna. Fi kwalunkwe każ, ċerti setturi kienu esklużi mil-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali, imma mhux mill-iskemi tal-għajnuna inkwistjoni.
– L-iskemi dwar tnaqqis fil-bażi taxxabbli
7.
Għal darb’oħra, l-evalwazzjonijiet huma b’mod ġenerali l-istess fit-tliet deċiżjonijiet li huma ( 10 ), u simili għal dawk tal-iskemi ta’ krediti ta’ taxxa ta’ 45 %. Il-PGD per capita kien għoli ż-żejjed biex tapplika d-deroga fl-Artikolu 87(3)(a) KE. Għalkemm l-għajnuna għall-iżvilupp reġjonali tista’ tkun kompatibbli skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, l-iskemi jridu jitqiesu mhux bħala għajnuna għall-investiment jew għall-impjiegi imma bħala għajnuna operattiva. Madankollu, bħal fil-każ tal-iskemi tal-kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % u għall-istess raġunijiet, dawn ma kinux jikkonformaw mar-regoli dwar għajnuna reġjonali. L-għajnuna lanqas setgħet tkun ikkunsidrata li hija kompatibbli peress li kienet disponibbli għal benefiċjarji suġġetti għal regoli settorjali speċifiċi b’mod partikolari għaliex ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni li ma tippromwovix kapaċità produttiva ġdida. Fl-aħħar nett, l-ebda waħda mid-derogi l-oħra fl-Artikolu 87(2) u (3) KE ma kienet applikabbli.
8.
Fir-rigward taż-żewġ tipi ta’ skemi fiskali, il-Kummissjoni għalhekk iġġudikat l-iskemi fit-totalità tagħhom, fir-rigward mhux taċ-ċirkustanzi li fihom ġew applikati imma għal dawk li fihom huma jistgħu jiġu applikati.
Il-partijiet operattivi tad-deċiżjonijiet tal-2001
9.
F’kull deċiżjoni, l-Artikolu 1 ikkonkluda li l-iskema ta’ għajnuna rilevanti kienet implementata illegalment u kienet inkompatibbli mas-suq komuni. L-Artikolu 2 kien jeħtieġ li Spanja tabolixxi l-iskema. Skont l-Artikolu 3(1) Spanja “għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra mingħand il-benefiċjarji tagħha l-għajnuna prevista fl-Artikolu 1, diġà illegalment imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom” u biex tissospendi l-ħlas kollu tal-għajnuna li għadha ma tqassmitx. Skont l-Artikolu 3(2), l-għajnuna kellha tiġi rkuprata mingħajr dewmien skont proċeduri tad-dritt nazzjonali, sakemm dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-deċiżjoni u l-għajnuna li trid tiġi rkuprata tinkludi l-imgħax.
Rikorsi għall-annullament, appelli u proċeduri għal nuqqas ta ’ twettiq ta ’ obbligu
10.
L-awtoritajiet tal-provinċji Baski ppreżentaw rikorsi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fejn talbu l-annullament tas-sitt deċiżjonijiet.
11.
Peress li dawn il-proċeduri ma kellhomx effett sospensiv, il-Kummissjoni fakkret lill-awtoritajiet Spanjoli fl-obbligu tagħhom li jirkupraw l-għajnuna li nstabet li kienet illegali fid-deċiżjonijiet tal-2001. Wara xi sentejn ta’ skambji inkonklużivi, il-Kummissjoni ppreżentat sitt rikorsi dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju ta’ Spanja f’Novembru 2003.
12.
B’sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006 ( 11 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, billi ma adottax fit-terminu previst il-miżuri kollha neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2 u 3 tas-sitt deċiżjonijiet, ir-Renju ta’ Spanja naqas li jwettaq l-obbligi imposti fuqu bis-saħħa ta’ dawn id-deċiżjonijiet. B’mod partikolari, Spanja kienet naqset li tadotta il-miżuri neċessarji biex tirkupra l-għajnuna li kienet għamlet disponibbli ( 12 ). Madankollu, l-għajnuna inkwistjoni ma ġietx identifikata fis-sentenza tal-2006, u l-identifikazzjoni tagħha ma kinitx kwistjoni li qamet matul il-proċeduri ġudizzjarji.
13.
Minn skambji oħra bejn Diċembru 2006 u Novembru 2010 ħarġu differenzi ta’ opinjoni dwar l-ammonti li kellhom jiġu rkuprati. Matul dak il-perijodu, Spanja rkuprat parti mill-għajnuna. Il-Kummissjoni ħadet ukoll il-pożizzjoni li Spanja ma kinitx qiegħda tipprovdi informazzjoni suffiċjenti. Konformi mal-Artikolu 228(2) KE, hija bagħtet ittra ta’ avviz formali fil-11 ta’ Lulju 2007, segwita b’opinjoni motivata fis-26 ta’ Ġunju 2008, fejn talbet li jkun hemm konformità sħiħa mas-sentenza tal-2006 fi żmien xahrejn, jiġifieri sas-26 ta’ Awwissu 2008.
14.
Fid-9 ta’ Settembru 2009, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikorsi għal annullament imsemmija iktar ’il fuq ( 13 ). L-appelli mill-awtoritajiet tal-provinċji Baski kienu miċħuda fit-28 ta’ Lulju 2011 ( 14 ).
15.
Fis-sentenza tagħha dwar l-iskemi ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 %, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, meta tiddeċiedi b’mod ġenerali u fl-astratt dwar skema ta’ għajnuna tal-Istat, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa li tanalizza każijiet individwali. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru li Stat Membru jrid jivverifika s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża, b’mod partikolari jekk il-vantaġġ mogħti kienx, f’idejn il-benefiċjarju tiegħu, kapaċi joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni li tolqot l-kummerċ intra-Komunitarju ( 15 ).
It-talbiet
16.
Sadanittant il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti fit-18 ta’ April 2011. Fit-30 ta’ Ottubru 2013, hija biddlet it-talbiet tagħha. Hija issa qiegħda essenzjalment titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha
—
tiddikjara li r-Renju ta’ Spanja naqas li jwettaq l-obbligi li għandu taħt id-deċiżjonijiet tal-2001 u taħt l-Artikolu 260 TFUE billi naqas li jikkonforma mas-sentenza tal-2006;
—
tikkundanna lil Spanja tħallas somma f’daqqa ta’ EUR 64 543 000 (ammont għal kull jum ta’ EUR 25 817.40 immultiplikat b’2 500 ġurnata, mill-ġurnata tal-qari tas-sentenza tal-2006 sal-15 ta’ Ottubru 2013, meta l-għajnuna li ġiet iddikjarata illegali bid-deċiżjonijiet tal-2001 kienet irkuprata għal kollox); u
—
tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.
Il-proċedura
17.
Anki wara t-tlestija tal-proċedura bil-miktub, kien hemm nuqqas ta’ qbil kunsiderevoli fid-dikjarazzjonijiet tal-partijiet dwar l-ammonti ta’ għajnuna li kienet ġiet mogħtija, li kellha tiġi rkuprata u li kien għad fadal li tiġi rkuprata. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-partijiet biex jistabbilixxu f’tabella ċ-ċifri tagħhom dwar kull waħda mid-deċiżjonijiet tal-2001, għal kull kwistjoni legali involuta u għal kull impriża kkonċernata. Il-partijiet ġew mitluba jindikaw il-paġni preċiżi ta’ dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li fuqhom kienu qegħdin jibbażaw insostenn għaċ-ċifri tagħhom, u kienu infurmati li evidenza li ma tkunx speċifikata b’mod ċar setgħet ma tkunx ikkunsidrata. Ir-risposti tagħhom kienu riċevuti f’Marzu 2013 (iktar ’il quddiem it-“tabelli tal-2013”). Peress li baqgħu d-diskrepanzi u l-ambigwitajiet, saru domandi ulterjuri u ġew imwieġba bil-miktub, iżda mingħajr ma tneħħiet kull inċertezza.
18.
Waqt is-smigħ tal-10 ta’ Settembru 2013, il-partijiet kienu mitluba jikkonċentraw fuq il-kwistjonijiet imqajma mir-Renju ta’ Spanja fil-kontroreplika tiegħu li għaliha l-Kummissjoni ma kellhiex l-opportunità sħiħa biex tirrispondi.
19.
Fit-30 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni infurmat lill-Qorti tal-Ġustizzja li kienet issodisfatta li l-għajnuna issa kienet ġiet irkuprata kollha, flimkien mal-imgħax, bl-aħħar pagament li sar fil-15 ta’ Ottubru 2013.
Sommarju tal-kwistjonijiet involuti
20.
Il-Kummissjoni ssostni li l-awtoritajiet Spanjoli naqsu li jirkupraw l-għajnuna kollha kkonċernata fi żmien xieraq. Hija ssostni li, għall-bidu,
(i)
dawk l-awtoritajiet qiesu li kienet kompatibbli għajnuna li ma kinitx tissodisfa l-kriterji fil-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali (Spanja ssostni li l-għajnuna kienet koperta b’linji gwida reġjonali preċedenti jew regoli settorjali oħra u li l-interpretazzjoni tal-Linji Gwida tal-1998 ma kinitx korretta);
(ii)
dawk l-awtoritajiet applikaw tnaqqis sa EUR 100 000 għal kull benefiċjarju għalkemm ir-regoli tad-de minimis japplikaw biss meta l-ammont totali jkun taħt il-limitu (Spanja ssostni li kull ammont ta’ għajnuna taħt il-limitu għandu jiġi injorat);
(iii)
dawk l-awtoritajiet applikaw retrospettivament tnaqqis fiskali mingħajr ma stabbilixxew li l-kriterji għall-applikazzjoni tagħhom kienu ntlaħqu (Spanja ssostni li t-tnaqqis kien applikat b’mod korrett – benefiċjarji li qabel ma kinux intitolati għaliex huma kienu bbenefikaw mill-għajnuna għandhom ikunu intitolati ladarba l-għajnuna kienet ġiet irtirata); u
(iv)
mhux l-ordnijiet għall-ħlas kollha li nħarġu ġew imħallsa (Spanja ssostni li l-infurzar ġie segwit kull fejn possibbli u li l-awtoritajiet ippreżentaw talbiet bħala kredituri f’każijiet ta’ falliment).
21.
Il-partijiet ma jaqblux bil-qawwa dwar l-ammonti ta’ għajnuna li kienu għadhom iridu jiġu rkuprati fid-data tas-sentenza tal-2006 u fid-data meta tressqet din il-kawża, għalkemm huma issa jaqblu li din kienet ġiet irkuprata kollha kemm hi sal-15 ta’ Ottubru 2013. Fid-data tas-sentenza tal-2006, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien għad fadal EUR 358 miljun, flimkien ma’ EUR 270 miljun f’imgħax x’jiġu rkuprati; għal Spanja, dawk iċ-ċifri kienu EUR 120.7 miljun u EUR 48.4 miljun rispettivament. Fid-data meta ġie ppreżentat ir-rikors f’din il-kawża, il-Kummissjoni qieset li kien għad hemm pendenti EUR 321 miljun, kif ukoll EUR 248 miljun f’imgħaxijiet; għal Spanja ċ-ċifri kienu EUR 60 miljun u EUR 31 miljun rispettivament.
22.
Spanja taċċetta li minn meta tressqet din il-kawża ħafna mill-irkupru kien seħħ. Hija tenfasizza li l-għajnuna kkontestata kienet ġiet irkuprata bl-iskop li tiġi limitata l-penali imposta mill-Qorti tal-Ġustizzja, imma mingħajr ma ammettiet li l-għajnuna inkwistjoni legalment riedet tiġi rkuprata.
23.
Il-partijiet ma jaqblux ukoll dwar l-ammonti ta’ kull penali li għandha tiġi imposta. Il-kalkolu tal-Kummissjoni jsegwi l-Komunikazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 228 KE ( 16 ). Spanja targumenta favur penali individwali għal kull waħda mid-deċiżjonijiet tas-sena 2001, b’kont meħud tal-fatt li l-Pajjiż Bask jgħodd biss 6.24 % tal-PGD ta’ Spanja u applikat koeffiċjenti ta’ gravità iktar baxxi u għat-tul tal-ksur.
Rimarki ġenerali u preliminari
24.
L-ewwel nett, il-kwistjonijiet f’dan il-każ joriġinaw b’mod sinjifikattiv mill-fatt li la d-deċiżjonijiet tal-2001 u lanqas is-sentenza tal-2006 ma identifikaw l-għajnuna inkompatibbli. Barra minn hekk, fl-2011, f’appelli li jikkonċernaw l-għajnuna kkontestata, din il-qorti kkonfermat li l-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa tanalizza l-għajnuna mogħtija f’każijiet individwali; kienu l-awtoritajiet nazzjonali li kellhom jivverifikaw fl-istadju tal-irkupru, is-sitwazzjoni ta’ kull benefiċjarju u jekk il-vantaġġ mogħti kienx kapaċi joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u jolqot il-kummerċ ( 17 ). Din il-fehma kienet diġà espressa mal-awtoritajiet Spanjoli mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Ottubru 2007, skont dikjarazzjoni magħmula mir-Renju ta’ Spanja, li ma ġietx miċħuda mill-Kummissjoni.
25.
Min-naħa l-oħra, l-ebda għajnuna ma kienet ġiet iddikjarata lill-Kummissjoni qabel ma ġiet implementata. Għalhekk din kienet ‘għajnuna illegali’ fis-sens tar-Regolament Nru 659/1999 ( 18 ). La dan kien il-każ, in-nuqqas li tiġi rkuprata xi parti minnha konformi mad-deċiżjonijiet tal-2001 u s-sentenza tal-2006 jikkostitwixxi ksur ulterjuri sakemm Spanja ma tkunx tista’ tistabbilixxi li kienet korretta li qieset l-għajnuna bħala kompatibbli.
26.
Għalhekk huwa neċessarju – indipendentement mill-fatt li l-għajnuna kollha issa ġiet irkuprata – għall-Qorti tal-Ġustizzja biex tistabbilixxi kemm minnha Spanja kienet meħtieġa li tirkupra, u biex tieħu dak l-ammont bħala l-bażi biex tistabbilixxi l-ammont ta’ kwalunkwe penali finanzjarja li għandha tiġi imposta fir-rigward tad-dewmien fl-irkupru.
27.
It-tieni, il-Kummissjoni tilmenta li, matul il-proċedura prekontenzjuża, l-awtoritajiet Spanjoli, minn naħa, jew naqsu li jipprovdu jew damu biex ipprovdew informazzjoni rilevanti u, min-naħa l-oħra, inondata b’dokumenti irrilevanti. Huwa ċert li ġew ippreżentati bosta għexieren ta’ eluf ta’ dokumenti lill-Qorti tal-Ġustizzja (miż-żewġ partijiet) u li l-utilità ta’ ħafna minnhom, fl-aħjar ipoteżi, hija dubjuża. B’kuntrast ma’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrikorri għal domandi ripetuti biex tikseb xi forma ta’ spjegazzjoni dwar iċ-ċifri kunfliġġenti li fuqhom kull parti tibbaża l-argumenti tagħha. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx assistita sew mill-ebda waħda mill-partijiet fil-kompitu tagħha, li fi proċeduri bħal dawn, jinvolvi konstatazzjonijiet ta’ fatt kif ukoll ta’ dritt. Għalhekk jidher li huwa kważi inevitabbli li kwalunkwe ammont li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li Spanja naqset li tirkupra b’mod żbaljat, u li fuqhom trid tibbaża l-evalwazzjoni tagħha ta’ kwalunkwe penali finanzjarja li għandha tiġi imposta, se jkunu approssimazzjonijiet.
28.
It-tielet, ir-Renju ta’ Spanja eżerċita d-dritt tiegħu, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li din il-kawża tinstema’ minn Awla Manja. Jidhirli però, li formazzjoni daqstant kbira tal-Qorti tal-Ġustizzja – 15-il imħallef – ma hijiex xierqa għal kawża li tiddependi fuq daqstant dettalji fattwali bħal f’dan il-każ, sakemm ma jkunx hemm xi waħda mill-partijiet li titlob treġġiħ lura tal-ġurisprudenza preċedenti. Għalhekk, jien nemmen li l-Istati Membri għandhom iżommu dawn il-kunsiderazzjonijiet f’moħħhom, fl-aħjar interessi tal-effiċjenza proċedurali tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta jiddeċiedu jekk jeżerċitawx id-dritt tagħhom.
29.
Jien issa se ngħaddi għall-kwistjonijiet legali. Jien se nindirizza: l-ewwel, kwistjonijiet ġenerali dwar l-obbligu li tiġi rkuprata l-għajnuna (il-Linji Gwida tal-1988 dwar għajnuna reġjonali, ir-rekwiżit tal-inċentiv, ir-regoli de minimis, regoli settorjali u multissettorjali, tnaqqis fiskali retrospettiv); it-tieni, għal kull deċiżjoni, id-dettalji tal-irkupru meħtieġ, inkluż xi nuqqas li jiġu segwiti t-talbiet; u, fl-aħħar nett, l-ammont ta’ xi penali li għandha tiġi imposta.
Kwistjonijiet ġenerali relatati mal-obbligu li tiġi rkuprata l-għajnuna
Kompatibbiltà mal-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali
30.
Il-Kummissjoni ssostni li l-awtoritajiet Spanjoli ma osservawx ir-‘rekwiżit tal-inċentiv’ (li applikazzjoni għal għajnuna trid tiġi ppreżentata qabel ma jkun inbeda x-xogħol fuq proġett) fil-Linji Gwida tal-1988 dwar għajnuna reġjonali fir-rigward tal-iskemi ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 %. Spanja ssostni li l-Linji Gwida ma kinux japplikaw u, alternattivament, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tar-rekwiżit tal-inċentiv hija stretta ż-żejjed.
L-applikabbiltà tal-Linji Gwida tal-1988 dwar għajnuna reġjonali
– Trattazzjoni
31.
Spanja ssostni li, peress li l-għajnuna inkwistjoni kienet stabbilita qabel l-1998, il-linji gwida applikabbli huma dawk fil-Komunikazzjoni tal-1979 dwar sistemi ta’ għajnuna reġjonali ( 19 ). Hija tiċċita l-avviż tal-Kummissjoni tal-2002 dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-evalwazzjoni ta’ għajnuna illegali mill-Istat ( 20 ), li kien jgħid: “il-Kummissjoni għandha dejjem tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna illegali mill-Istat mas-suq komuni konformi mal-kriterji sostantivi stabbiliti fi kwalunkwe strument fis-seħħ fi żmien meta l-għajnuna kienet mogħtija”. Barra minn hekk, l-emenda tal-2000 għal-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali kkonfermat li kull għajnuna ġdida li titqiegħed fis-seħħ qabel ma tkun ġiet innotifikata lill-Kummissjoni tiġi “evalwata skont ir-regoli u l-linji gwida prevalenti fi żmien meta l-għajnuna tiġi mogħtija”. U, kemm fid-deċiżjonijiet tagħha biex jingħata bidu għall-proċedura formali ta’ investigazzjoni u fid-deċiżjonijiet tagħha tal-2001, il-Kummissjoni indikat li l-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali kienu japplikaw biss għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1999 ’il quddiem.
32.
Il-Kummissjoni tirrileva li l-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali jipprovdu, (fil-punt 6.1 tagħhom), li “il-Kummissjoni għandha tagħmel stima tal-kompatibbiltà tal-għajnuna reġjonali mas-suq komuni fuq il-bażi ta’ dawn il-Linji Gwida hekk kif dawn ikunu applikabbli. Madankollu, għajnuna proposta li tiġi nnotifikata qabel ma dawn il-Linji Gwida jiġu kkomunikati lill-Istati Membri u li dwarhom il-Kummissjoni tkun għadha ma adottatx deċiżjoni finali għandhom jiġu stmati abbażi tal-kriterji fis-seħħ fiż-żmien tan-notifika”. Peress li l-għajnuna inkwistjoni ma kinitx innotifikata, kienu japplikaw l-Linji Gwida tal-1988 dwar għajnuna reġjonali. Barra minn hekk, f’kawżi relatati ( 21 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fl-2011 li l-għajnuna mhux innotifikata inkwistjoni kellha tiġi stmata fid-dawl tal-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali.
– Stima
33.
Jien ma nistax naċċetta s-sottomissjonijiet ta’ Spanja.
34.
Huwa veru li l-Kummissjoni sfortunatament kienet vaga fid-deċiżjonijiet tagħha tal-2001, fejn xi drabi għamlet riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali u drabi oħra għal dawk fil-komunikazzjonijiet preċedenti tagħha ( 22 ). Hija ma kinitx ċara wkoll fil-komunikazzjonijiet iktar ġenerali tagħha ( 23 ). Madankollu, kuntrarju għal dak li timplika Spanja, il-Kummissjoni espliċitament invokat, meta tat bidu għall-proċedura formali ta’ investigazzjoni u fid-deċiżjonijiet tagħha tal-2001, l-obbligu tal-inċentiv fil-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali ( 24 ).
35.
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għajnuna mhux innotifikata inkwistjoni kellha tiġi evalwata fid-dawl tal-Linji Gwida tal-1988 dwar għajnuna reġjonali ( 25 ). L-applikabbiltà ta’ dawk il-linji gwida lanqas kienet ikkontestata fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-2006. Għal kuntrarju, Spanja talbet konferma li l-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali kienu japplikaw ( 26 ). Hija ma tistax tqajjem din il-kwistjoni għall-ewwel darba wara li tkun ġiet akkużata li naqset li tikkonforma mas-sentenza tal-2006. Peress li l-kompatibbiltà mal-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali kienet kriterju espliċitu mill-bidu nett, Spanja lanqas ma tista’ toġġezzjona li l-opinjoni motivata fil-kawża preżenti ma ssemmietx b’mod speċifiku dawk il-linji gwida.
Interpretazzjoni tal-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali
– Trattazzjoni
36.
Skont it-tielet paragrafu tal-punt 4.2 tal-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali, applikazzjoni għal għajnuna trid tiġi ppreżentata qabel ma x-xogħol jinbeda fuq il-proġetti ( 27 ). Il-Kummissjoni ssostni li dan l-obbligu ma ġiex issodisfatt minn bosta benefiċjarji tal-kreditu ta’ taxxa ta’ 45 %, imma l-awtoritajiet Spanjoli qiesu li l-għajnuna kkonċernata kienet kompatibbli.
37.
Spanja tosserva li, fid-deċiżjonijiet tal-2001 ( 28 ), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % kienet “għajnuna suġġetta għall-kundizzjoni tal-investiment” fis-sens tal-Komunikazzjoni tal-1979 dwar għajnuna reġjonali ( 29 ), li kienet timplika effett ta’ inċentiv. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-għajnuna trid tkun ġiet mitluba qabel ma jkun inbeda x-xogħol hija waħda formalistika. Il-proċeduri fiskali huma differenti: l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1628/2006 ( 30 ) u l-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 800/2008 ( 31 ) sempliċement jeħtieġu li l-miżura fiskali tiġi adottata qabel ma jibda x-xogħol. Il-kriterju iktar strett kien assenti qabel ir-Regolament Nru 1628/2006. U f’deċiżjoni separata ( 32 ), il-Kummissjoni aċċettat għajnuna skont l-iskema tal-kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % fil-provinċja ta’ Álava bħala kompatibbli sakemm din ma kinitx teċċedi l-limitu ta’ 25 % tal-ekwivalenti nett tal-għajnuna għall-għajnuna reġjonali fil-Pajjiż Bask. Il-prinċipju ta’ trattament ugwali jeħtieġ l-istess approċċ għall-benefiċjarji kollha.
38.
Il-Kummissjoni tiċħad li qiegħda tuża formaliżmu eċċessiv; hija aċċettat li għajnuna għal impriża waħda li kienet bdiet xogħol esploratorju qabel ma għamlet l-applikazzjoni kienet kompatibbli. Barra minn hekk, ir-Regolamenti Nru 1628/2006 u Nru 800/2008 ma humiex applikabbli hawnhekk. Kull applikazzjoni b’analoġija tar-regola fl-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 800/2008 hija eskluża bir-regolament innifsu ( 33 ) li ma kienx imfassal biex japplika għal każijiet fejn kienet meħtieġa stima dettaljata. Barra minn hekk, dik ir-regola tippresupponi dritt awtomatiku għall-għajnuna, filwaqt li fil-każijiet preżenti kienet meħtieġa approvazzjoni amministrattiva. F’HGA ( 34 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li jrid jiġi pprovat li, mingħajr l-għajnuna ppjanata, l-investiment ma kienx iseħħ; inkella l-għajnuna sservi sempliċement biex ittejjeb is-sitwazzjoni tal-benefiċjarju. Fir-rigward tat-trattament ugwali, l-ebda interpretazzjoni mogħtija fl-imgħoddi mill-Kummissjoni ta’ dispożizzjoni tat-Trattat ma tista’ taffettwa l-korrettezza tal-interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni fid-deċiżjonijiet inkwistjoni ( 35 ).
39.
Fil-kontroreplika tagħha Spanja ssostni li l-krediti ta’ taxxa ta’ 45 % ma kinux suġġetti għal xi diskrezzjoni amministrattiva; dawn ma setgħux jiġu rrifjutati lil xi negozju li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni u għalhekk kellhom effett ta’ inċentiv ċar. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza eżemplifikata bi Freistaat Sachsen et ( 36 ) ma tistax tiġi invokata biex jinqabeż il-prinċipju ta’ trattament ugwali, li huwa prinċipju tad-dritt tal-UE.
– Evalwazzjoni
40.
Hawnhekk għandna tliet kwistjonijiet. L-ewwel, jekk il-Kummissjoni aċċettatx fid-deċiżjonijiet tal-2001 li kien hemm effett ta’ inċentiv u, jekk fl-affermattiv, dan ifissirx li l-għajnuna skont l-iskemi tal-krediti ta’ taxxa ta’ 45 % ma kienx hemm għalfejn tiġi rkuprata? It-tieni, l-obbligu tal-effett tal-inċentiv għandu jiġi applikat b’mod differenti minħabba n-natura fiskali tal-iskemi u, jekk fl-affermattiv, il-kriterju tad-dritt awtomatiku jiġi ssodisfatt? It-tielet, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jaffettwa l-analiżi?
41.
Dwar l-ewwel punt, il-Kummissjoni espliċitament għamlet riferiment għall-obbligu tal-inċentiv fid-deċiżjonijiet tal-2001 bħala wieħed mill-kriterji li għandhom jintlaħqu jekk l-iskemi ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % kellhom jitqiesu li huma kompatibbli mas-suq komuni ( 37 ). Madankollu, hija ma qalitx li dak il-kriterju ma kienx ġie ssodisfatt. Għall-kuntrarju, hija għamlet riferiment għall-iskemi mhux biss bħala “għajnuna suġġetta għall-kundizzjoni tal-investiment” imma anki bħala “inċentiv fiskali” ( 38 ). Lanqas ma kienet tqajjmet il-kwistjoni tal-konformità mal-obbligu tal-inċentiv fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-2006. B’kuntrast ma’ dan, il-Kummissjoni qalet fid-deċiżjonijiet tal-2001 li kriterji oħra stabbiliti fil-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali ma ntlaħqux ( 39 ), u kien fuq dik il-bażi li kkonkludiet li l-iskemi ta’ krediti ta’ taxxa ta’ 45 % ma setgħux jitqiesu li huma kompatibbli mas-suq komuni skont id-derogi reġjonali fit-Trattat, peress li ma kinux jikkonformaw mar-regoli dwar għajnuna reġjonali ( 40 ).
42.
Jekk wieħed jara l-argument ta’ Spanja f’dak id-dawl, dan jista’ jkun plawżibbli. La fid-deċiżjonijiet tal-2001 u lanqas fis-sentenza tal-2006 ma ntqal li l-iskemi ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % naqsu milli jissodisfaw l-obbligu tal-inċentiv, u d-deċiżjonijiet tal-2001 użaw lingwaġġ li seta’ jinftiehem li huma kienu ssodisfaw dan l-obbligu.
43.
Madankollu, jien inqis li l-Kummissjoni hija korretta meta ssostni li, peress li l-iskemi ta’ għajnuna fit-totalità tagħhom kienu illegali u ġew meqjusa li kienu inkompatibbli mas-suq intern, l-Istat Membru ma jistax meta jevalwa każijiet individwali, joqgħod lura milli jivverifika li l-obbligu tal-inċentiv kien ġie ssodisfatt.
44.
Dwar it-tieni punt, f’regolamenti sussegwenti l-Kummissjoni fissret l-obbligu tal-inċentiv b’mod inqas strett fir-rigward ta’ miżuri fiskali ( 41 ). Hemm loġika ċara għal dan l-approċċ tagħha. Jekk impriża tiddeċiedi li tinvesti fi proġett, imbagħad tapplika għal u tiġi mogħtija għajnuna diskrezzjonali (li ma setgħetx tkun ċerta li se tirċievi) wara li tkun bdiet ix-xogħol fuq il-proġett, l-għajnuna x’aktarx li ma tkunx influwenzat id-deċiżjoni tagħha li tinvesti. Fejn, b’kuntrast ma’ dan, hija tipposponi d-deċiżjoni tagħha sakemm tkun ċerta li tingħata kwalunkwe għajnuna li tkun applikat għaliha, id-deċiżjoni tista’ titqies bħala li kienet dipendenti fuq l-għoti tal-għajnuna. Jekk sistema fiskali tagħti għajnuna awtomatika għal xi investiment li jissodisfa kriterji definiti, din id-distinzjoni ma hijiex rilevanti, u s-sistema nnifisha tista’ titqies bħala l-inċentiv għall-investiment.
45.
Fil-fehma tiegħi, dik il-loġika tista’ tiġi applikata kull fejn irid jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ inċentiv. Ma huwiex neċessarju għal dak il-għan li jiġu applikati r-Regolamenti Nru 1628/2006 jew Nru 800/2008 b’analoġija fit-totalità tagħhom, u jitneħħa l-obbligu li l-għajnuna trid tiġi nnotifikata lil u eżaminata mill-Kummissjoni f’każijiet fejn dawk ir-regolamenti ma’ japplikawx. Hija sempliċement kwistjoni ta’ li jiġi rikonoxxut li, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-fatt li skema fiskali hija fis-seħħ hija xprun biżżejjed għall-investiment, biex b’hekk ir-relazzjoni bejn id-data meta jibda x-xogħol u dik meta ssir l-applikazzjoni għall-għajnuna titlef is-sinjifikat tagħha. Hawnhekk għandna sitwazzjoni fejn l-obbligu tal-inċentiv irid jiġi ssodisfatt, u naqbel ma’ Spanja li l-evalwazzjoni tat-twettiq ta’ dak l-obbligu għandu jagħti qies tan-natura speċifika tal-miżuri fiskali f’dak ir-rigward.
46.
Madankollu, jien naqbel mal-Kummissjoni li t-tħaddim awtomatiku ta’ miżura fiskali huwa parti essenzjali mill-effett ta’ inċentiv u li, f’ċirkustanzi bħal dawk preżenti, huwa l-Istat Membru li għandu jistabbilixxi jekk dak il-kriterju ġiex issodisfatt.
47.
Il-partijiet ma jaqblux dwar jekk il-krediti kinux awtomatiċi, bit-tnejn li huma jagħmlu riferiment għal-liġijiet provinċjali rilevanti, li t-termini tagħhom huma essenzjalment identiċi:
“Investimenti f’assi fissi tanġibbli ġodda […] ta’ iktar minn ESP 2 500 miljun għandhom, b’deċiżjoni tal-[…] Kunsill Provinċjali, jikkwalifikaw għal kreditu ta’ taxxa ekwivalenti għal 45 % tal-ammont tal-investment, kif jiġi stabbilit mill-[…] Kunsill Provinċjali, li għandu jiġi paċut mal-ammont ta’ taxxa personali dovuta.
[…]
[Id-deċiżjoni msemmija] għandha tistabbilixxi l-limiti ta’ żmien u r-restrizzjonijiet applikabbli f’kull każ individwali.” ( 42 )
48.
Il-Kummissjoni tenfasizza l-bżonn ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Provinċjali, u tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-2006 kkonkludiet mid-deċiżjonijiet tal-2001 li l-għoti tal-għajnuna kien suġġett għal deċiżjoni amministrattiva ( 43 ). Spanja tenfasizza li l-użu tal-forma tal-verb gozarán’ (“għandha tikkwalifika”) lill-Kunsill Provinċjali tneħħilu kull diskrezzjoni fil-kwistjoni.
49.
Dan l-aħħar argument jidher li huwa konvinċenti (għalkemm ċertament din il-qorti ma għandhiex il-kompetenza biex tinterpreta liġi nazzjonali). Madankollu, fi kwalunkwe każ huwa mdgħajjef mill-fatt li, anki jekk il-Kunsill Provinċjali huwa obbligat bil-liġi li jieħu deċiżjoni li jagħti l-għajnuna, dan irid ukoll jistabbilixxi l-ammont tal-investiment kwalifikanti u jistipula limiti ta’ żmien u restrizzjonijiet. Prima facie, dawn il-fatturi jintroduċu element diskrezzjonali sinjifikattiv fid-deċiżjoni, li ma ġiex indirizzat minn Spanja fit-trattazzjoni tagħha. Fil-fehma tiegħi, ir-raġunament wara l-approċċ speċifiku għall-evalwazzjoni tal-effett tal-inċentiv fil-kuntest ta’ miżuri fiskali għandu jeskludi dak l-approċċ meta l-ammont ta’ għajnuna u l-kundizzjonijiet dwar kif għandu jiġi użat huma suġġetti għal tali diskrezzjoni amministrattiva.
50.
Għalhekk jien inqis li l-Kummissjoni hija korretta meta tinsisti li għajnuna mogħtija wara li jkun beda x-xogħol fuq il-proġett rilevanti ma tistax tissodisfa l-obbligu tal-inċentiv fit-tielet paragrafu tal-punt 4.2 tal-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali. Barra minn hekk nosserva li huwa biss fir-rigward ta’ erba’ impriżi fil-provinċja ta’ Guipúzcoa li Spanja sostniet li fil-fatt kienet saret l-applikazzjoni għall-għajnuna fil-fatt qabel ma kien beda x-xogħol, u li l-Kummissjoni kienet aċċettat li dan kien il-każ għat-tlieta li huma ( 44 ).
51.
Fl-aħħar nett f’dan il-kuntest, jien se ngħaddi għall-prinċipju ta’ trattament ugwali. Fl-1999, mingħajr ma għamlet riferiment għar-rekwiżit tal-inċentiv, il-Kummissjoni qieset għajnuna mogħtija skont skema ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % fil-provinċja ta’ Álava “bħala kompatibbli mas-suq komuni fir-rigward ta’ dik il-parti tal-għajnuna li […] ma teċċedix il-limitu ta’ 25 % tal-ekwivalenti nett tal-għajnuna għal għajnuna reġjonali fil-Pajjiż Bask” ( 45 ). Spanja ssostni li l-prinċipju ta’ trattament ugwali huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE, li dan jirrikjedi li tittieħed l-istess approċċ fil-każijiet kollha li jinvolvu għajnuna mogħtija skont l-iskemi ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 %, u li l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jispeċifika li: “Il-Kummissjoni ma għandhiex teħtieġ l-irkupru tal-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.”
52.
Jien ma nistax naqbel ma’ din l-aħħar opinjoni. Il-konklużjoni li wasalt għaliha iktar ’il fuq timplika li, meta fl-1999 ma eżaminatx l-għajnuna inkwistjoni fl-isfond tal-obbligu tal-effett ta’ inċentiv, il-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali. L-approċċ ta’ Spanja jkun ifisser li l-Kummissjoni ma tistax tapplika iktar l-obbligu tal-effett ta’ inċentiv f’dawk il-Linji Gwida fir-rigward ta’ kwalunkwe għajnuna taħt xi waħda mill-iskemi ta’ kreditu ta’ taxxa, jew anki, possibbilment taħt xi skema sussegwenti komparabbli.
53.
Fil-fehma tiegħi dan ikun konsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li l-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jiġi kkonċiljat mal-prinċipju ta’ legalità, li jgħid li ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità mwettqa favur ħaddieħor ( 46 ). Huwa veru li l-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali, mhux bħal xi miżuri sussegwenti, ma għandhomx forza regolatorja, imma kif argumentat Spanja, dawn jorbtu lill-Kummissjoni nnifisha. Xi nuqqas li jkunu applikati b’mod korrett f’xi istanza partikolari li ma kienx ikkontestat ma jistax, f’isem il-prinċipju ta’ trattament ugwali, jeskludi lill-Kummissjoni milli tapplikahom b’mod korrett f’każijiet sussegwenti.
54.
Jien għalhekk nasal għall-konklużjoni li t-talba ta’ Spanja li l-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali ma kinux japplikaw għal għajnuna mogħtija taħt l-iskemi ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % jew li l-għajnuna kienet konformi ma’ dawk il-linji gwida trid tiġi miċħuda. L-ammonti kkonċernati skont dik it-talba ma jistgħux, għalhekk jiġu esklużi mill-obbligu li tiġi rkuprata l-għajnuna.
Kompatibbiltà ma ’ regoli settorjali jew multisettorjali speċifiċi
55.
Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-għajnuna lil ċerti benefiċjarji taħt it-tliet skemi ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % kienet eskluża mil-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali ( 47 ). Din kellha, pjuttost, tikkonforma ma’ regoli settorjali jew multisettorjali. Madankollu, Spanja la rkuprat l-għajnuna inkwistjoni u lanqas ma tat prova li dawk ir-regoli ġew osservati.
Is-settur tal-inbid
56.
Il-partijiet jaqblu li 12-il benefiċjarju tal-kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % fil-provinċja ta’ Álava kienu fis-settur agrikolu (tal-inbid). Il-Kummissjoni ssemmi b’mod partikolari lil Comercializadora de la Rioja Alta SLU (iktar ’il quddiem “Rioja Alta”) li kienet eskluża mil-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, il-partijiet esprimew fehmiet differenti dwar ir-regoli applikabbli għal diversi attivitajiet fis-settur tal-inbid u dwar il-konformità magħhom.
57.
Madankollu mit-tabelli tal-2013, jien nikkonkludi li, b’xi diskrepanzi minuri li jammontaw b’mod ġenerali għal ftit eluf, il-partijiet jaqblu rigward l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati u dwar dawk li, sa Marzu 2013, kienu diġà ġew irkuprati u li kien baqa’ li jiġu rkuprati, fil-każijiet kollha għajr għal tnejn mit-12-il każ ikkonċernati. Iż-żewġ każijiet huma Rioja Alta u Familia Martínez Bujanda SL (iktar ’il quddiem “Martínez Bujanda”).
58.
Fir-rigward ta’ Rioja Alta, ma jidhirx li hemm nuqqas ta’ ftehim dwar l-ammont totali li għandu jiġi rkuprat. L-unika diskrepanza (ta’ xi EUR 4 miljun) tikkonċerna l-ammont li kien diġà rkuprat sa Marzu 2013.
59.
Fir-rigward ta’ Martínez Bujanda, ma sibt l-ebda evidenza konvinċenti f’xi dokument imsemmi minn xi wieħed mill-partijiet rilevanti għall-kwistjoni tar-regoli jew linji gwida applikabbli. Barra minn hekk, iċ-ċifri tal-Kummissjoni fit-tabelli tagħha tal-2013 kienu inkoerenti. Jien nipproponi, għalhekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha sempliċement taċċetta ċ-ċifri iktar koerenti ta’ Spanja.
60.
Jien nikkonkludi li ma hemm l-ebda kwistjoni bejn il-partijiet li teħtieġ li tkun deċiża dwar jekk l-għajnuna kkontestata għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tal-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali jew tar-regoli speċifiċi jew linji gwida applikabbli għas-settur tal-inbid.
Is-settur tal-azzar
61.
Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li għadd ta’ benefiċjarji tal-kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % fil-provinċja ta’ Álava kienu attivi fis-settur tal-azzar, li kien eskluż mil-Linji Gwida Reġjonali tal-1998 dwar għajnuna reġjonali. Spanja ċaħdet li xi wieħed minnhom kien attiv fis-subsetturi rilevanti ( 48 ). Il-Kummissjoni mbagħad elenkat sitt impriżi li hija qieset li huma kkonċernati. Fil-kontroreplika tagħha Spanja ssostni li r-regoli fis-seħħ fiż-żmien meta l-għajnuna inkwistjoni ġiet mogħtija kienet teħtieġ biss notifika tal-għajnuna f’ċerti subsetturi u l-produzzjoni ta’ żewġ rapporti f’sena ( 49 ). Fi kwalunkwe każ, ħamsa mid-ditti ċċitati jew ma jipproduċux prodotti tal-azzar li jaqgħu fi ħdan il-qafas tal-azzar tal-1998 jew ma huma suġġetti għal ebda obbligu ta’ notifika.
62.
Fit-tabelli tal-2013, il-Kummissjoni telenka seba’ impriżi bħala li huma attivi fis-settur tal-azzar, filwaqt li Spanja telenka sitt impriżi bħala li huma kkonċernati bil-kwistjoni. L-impriża li ma ġietx elenkata minn Spanja ma kinitx preċedentement imsemmija mill-Kummissjoni li hija speċifikament attiva fis-settur tal-azzar, u l-ebda evidenza li hija tagħmel riferiment għaliha ma tidher li tikkonċerna l-attività tal-impriża. Dwar il-bqija, hemm ftehim komplet dwar l-ammonti u d-dati kkonċernati fi tliet każijiet, hemm diverġenzi żgħar dwar id-dati tal-irkupru f’żewġ każijiet; u hemm differenza ta’ opinjoni rigward l-ammont li għandu jiġi eskluż mill-irkupru f’każ wieħed ( 50 ), li jammonta għal madwar EUR 4 miljun. Madankollu, xejn fid-dokumenti msemmija mill-partijiet ma jindika li d-diskrepanza hija relatata man-natura tas-settur li fih il-benefiċjarju huwa attiv.
63.
Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni elenkat ukoll tliet benefiċjarji tal-kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % fil-provinċja ta’ Guipúzcoa li hija qieset li huma attivi fis-settur tal-azzar. Fir-risposta tagħha, Spanja pproduċiet ċertifikati dwar l-attivitajiet ta’ dawk il-benefiċjarji, li jista’ jkun preżunt li l-Kummissjoni aċċettat, peress li fit-tabella tagħha tal-2013 ma indikatx lil xi wieħed minn dawn it-tlieta bħala li huma kkonċernati bil-kwistjoni legali tal-attività fis-settur tal-azzar.
64.
Jien nikkonkludi li ma hemm l-ebda kwistjoni pendenti li għandha tiġi indirizzata dwar jekk ġietx mogħtija għajnuna lil impriżi attivi fis-settur tal-azzar.
Proġetti ta’ investiment kbir
65.
Fir-rigward ta’ wieħed mill-benefiċjarji tal-kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % fil-provinċja ta’ Vizcaya ( 51 ), il-Kummissjoni sostniet fir-rikors tagħha li l-awtoritajiet Spanjoli kienu naqsu mill-ammont li kellu jiġi rkuprat proporzjon ikbar minn dak awtorizzat mill-qafas multisettorjali tal-1998 ( 52 ). Minkejja nuqqas ta’ qbil apprezzabbli fis-sottomissjonijiet bil-miktub, jidher ċar mit-tabelli tal-2013 li l-partijiet issa jaqblu fuq l-ammont li kellu jiġi rkuprat, indipendentement mill-bażi ta’ evalwazzjoni, u l-Kummissjoni taċċetta li l-ammont fil-fatt kien irkuprat sa mill-20 ta’ Lulju 2011.
66.
Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni sostniet ukoll li l-benefiċjarji tat-taxxa ta’ kreditu ta’ 45 % fil-provinċja ta’ Álava kienu wettqu proġetti kbar ta’ investiment mingħajr ma l-awtoritajiet Spanjoli kienu werew li l-kundizzjonijiet fil-qafas multisettorjali kienu ntlaħqu. Din l-affermazzjoni ma tidhirx fit-tabella tal-Kummissjoni tal-2013, u jien inqis li din ma ġietx sostnuta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
67.
Għaldaqstant, ma hemm l-ebda kwistjonijiet pendenti li għandhom jiġu indirizzati fir-rigward tal-applikabbiltà tal-qafas multisettorjali tal-1998.
Tnaqqis ta’ għajnuna taħt il-limitu de minimis
68.
Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 69/2001 ( 53 ), miżuri ta’ għajnuna ma tqisux li jissodisfaw il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) TFUE, u li ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) TFUE, jekk, b’mod partikolari, l-għajnuna totali mogħtija lil xi impriża partikolari ma kinitx teċċedi EUR 100 000 gross (jew ekwivalenti gross tal-għajnuna) fuq perijodu ta’ tliet snin. L-Artikolu 3 ta’ dak ir-regolament jobbliga lill-Istati Membri biex jivverifikaw li kull għotja ta’ għajnuna de minimis tissodisfa dawk il-kriterji f’kull każ u biex iżżomm reġistri rilevanti għal 10 snin, u li tipproduċiehom jekk issir talba. Regoli simili kienu ġew stabbiliti fl-Avviż tal-Kummissjoni tal-1996 dwar ir-regola de minimis għal għajnuna mill-Istat ( 54 ), għalkemm ma kien hemm l-ebda obbligu ta’ żamma ta’ reġistri.
69.
Meta rkupraw l-għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fil-bażi taxxabbli għal negozji ġodda, l-awtoritajiet Spanjoli oriġinarjament naqsu EUR 100 000 għal kull perijodu ta’ tliet snin mill-ammont li kellu jiġi rkuprat minn kull benefiċjarju, li għal parti kbira minnhom l-għajnuna kienet taqbeż dik is-somma.
Trattazzjoni
70.
Il-Kummissjoni ssostni li hija biss għajnuna li t-total tagħha huwa taħt EUR 100 000 fuq perijodu ta’ tliet snin li tista’ tikkwalifika għal għajnuna de minimis; barra minn hekk, l-awtoritajiet Spanjoli ma ppreżentaw ebda dokumenti biex juru li l-għajnuna kienet de minimis. Għajnuna ma tistax tinqasam f’parti li tkun taħt il-limitu de minimis u parti ’il fuq minnha. Bħala deroga mill-Artikolu 107(1) TFUE, il-konċessjoni de minimis trid tiġi interpretata b’mod strett, kemm jekk fis-sens tal-Avviż tal-1996 jew fis-sens tar-Regolament Nru 69/2001. L-għan tagħha li tissimplifika l-proċeduri ma jintlaħaqx jekk tiġi applikata għal ammonti ikbar li fi kwalunkwe każ jeħtieġu investigazzjoni. Jekk il-benefiċjarji kellhom ikunu ċerti li jżommu l-parti tal-għajnuna taħt il-limitu, ma jkun hemm l-ebda inċentiv li jillimita l-ammonti jew li joqgħod lura milli jqiegħed l-għajnuna fis-seħħ qabel l-approvazzjoni ( 55 ). Id-deċiżjoni WAM li għaliha Spanja tagħmel riferiment ( 56 ) ma kinitx l-uniku preċedent disponibbli ( 57 ).
71.
Spanja ssostni li t-test applikabbli huwa l-Avviż tal-1996, li taħtu ma kien hemm ebda obbligu li jinżammu reġistri biex jiġi stabbilit l-istatus de minimis fuq perijodu ta’ tliet snin. Fi kwalunkwe każ, ma jista’ jkun hemm ebda akkumulazzjoni ta’ għajnuna preċedenti fil-każ ta’ negozji ġodda. Barra minn hekk, l-għan tal-irkupru huwa li tiġi restawrata sitwazzjoni fejn ma jkun hemm ebda distorsjoni ta’ kompetizzjoni, u r-raġunament wara d-deroga de minimis huwa li l-għajnuna taħt il-limitu ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri ( 58 ). Peress li għajnuna taħt EUR 100 000 fuq tliet snin titqies li ma tikkawżax distorsjoni tal-kompetizzjoni, huwa biżżejjed li jiġi rkuprat l-ammont ’il fuq minn dik is-somma. Ikun sproporzjonat jekk għajnuna ta’ EUR 100 000 ma jkunx hemm bżonn li tiġi nnotifikata filwaqt li għajnuna mhux notifikata ta’ EUR 100 000.01 ikollha tiġi rkuprata kompletament. Fid-deċiżjoni WAM, il-Kummissjoni ordnat l-irkupru biss tal-għajnuna li kienet taqbeż il-limitu. Dik id-deċiżjoni ġiet annullata, imma mhux għal raġunijiet rilevanti għar-regola de minimis. Fl-aħħar nett Spanja tallega li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. F’każ preċedenti ( 59 ), Spanja kienet irkuprat biss dawk l-ammonti li jeċċedu EUR 100 000 għal kull perijodu ta’ tliet snin, proċedura li dwarha l-Kummissjoni kienet issodisfatta.
Evalwazzjoni
72.
L-ewwel nett, jien inqis li din il-kwistjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Avviż tal-1996. F’kull waħda mit-tliet deċiżjonijiet li jikkonċernaw tnaqqis fil-bażi taxxabbli, il-Kummissjoni għamlet riferiment speċifikament għal dak l-avviż meta kkonkludiet li l-għajnuna skont l-iskemi rilevanti ma kinitx tissodisfa r-regola de minimis ( 60 ). Hija qalet ukoll li r-riżultat ikun l-istess taħt ir-Regolament Nru 69/2001 ( 61 ), imma dak ir-regolament kien japplika biss għal għajnuna mogħtija wara d-dħul fis-seħħ tiegħu fit-2 ta’ Frar 2001 ( 62 ). Il-Kummissjoni ma għamlet ebda talbiet speċifiċi dwar għajnuna mogħtija bejn dik id-data u s-soppressjoni tal-iskemi ta’ għajnuna kkontestati ( 63 ).
73.
L-obbligu li wieħed iżomm u jippreżenta reġistri ma kienx jeżisti fl-Avviż tal-1996. Madankollu, jien ma nistax naċċetta li Spanja ma kinitx obbligata li tistabbilixxi jekk il-limitu kumulattiv ta’ tliet snin kienx osservat fil-każ ta’ għajnuna li, abbażi tar-regola de minimis, ma ġietx irkuprata. Hija għalhekk kellha tippreżenta dokumentazzjoni rilevanti. L-argument li l-iskemi kienu japplikaw biss għal negozji ġodda ma jiswa xejn, peress li kollha kemm huma kienu applikaw “fuq erba’ perijodi ta’ taxxa, li jibdew bl-ewwel wieħed meta, fi żmien erba’ snin mill-bidu tagħhom, [in-negozji] jiksbu bażi taxxabbli pożittivi […]” ( 64 ), biex b’hekk kienu involuti perijodi ta’ iktar minn tliet snin. Il-Kummissjoni ssostni li ma ġiet ippreżentata ebda dokumentazzjoni. Spanja rribattiet biss billi qalet li hija bagħtet lill-Kummissjoni d-dikjarazzjonijiet fiskali tan-negozji konċernati, li kienu juru li ma kienet ingħatat ebda għajnuna oħra. Jien ma nqisx li l-preżentazzjoni ta’ dokumenti li ma jurux l-eżistenza ta’ għajnuna bħala suffiċjenti biex jipprovaw l-eżistenza ta’ għajnuna jew biex jistabbilixxu li l-limitu de minimis ma kienx ġie maqbuż b’għajnuna kumulattiva fuq perijodu ta’ tliet snin.
74.
Fir-rigward tal-possibbiltà li l-għajnuna tinqasam f’parti de minimis u parti mhux de minimis, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1998/2006 ( 65 ) jistipula: “Meta ammont totali ta’ għajnuna mogħtija taħt miżura ta’ għajnuna jaqbeż dan il-limitu, dak l-ammont ta’ għajnuna ma jistax jibbenefika minn dan ir-Regolament, anki għal frazzjoni li ma taqbiż dak il-limitu. […]”. Is-sitwazzjoni legali matul il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għallinqas sa dik id-data li fiha l-għajnuna kkontestata kollha kienet irkuprata ( 66 ), kienet dik kif ġie argumentat mill-Kummissjoni, imma r-regola espliċita kienet ġdida fl-2006.
75.
Il-Kummissjoni lanqas ma dejjem qablet mal-approċċ li hija favur tagħha llum, u d-deċiżjoni WAM ma hijiex l-unika istanza. Pereżempju fl-2005, hija qalet: “L-obbligu li tirkupra l-għajnuna ma […] jeskludix il-possibbiltà li l-għajnuna kollha jew parti minnha mogħtija lil benefiċjarji individwali tista’ tkun kompatibbli skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001[…]” ( 67 ). U f’każ li kien jikkonċerna l-irkupru ta’ għajnuna li tqieset li kienet inkompatibbli mas-suq komuni ħlief sa fejn kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet de minimis, il-Kummissjoni staqsiet għalfejn ma għandux ikun possibbli li jintalab ir-rimbors tal-ammont kollu tal-għajnuna, u l-benefiċjarju jitħalla jistabbilixxi dik il-parti tal-għajnuna li fil-fatt taqa’ taħt l-eżenzjonijiet għal għajnuna de minimis ( 68 ).
76.
Għalhekk, filwaqt li wieħed ta’ min ifaħħar il-fatt li ġiet stabbilita regola ċara permezz tar-Regolament Nru 1998/2006, wieħed ma jistax jassumi li l-kontenut ta’ dik ir-regola kien japplika qabel il-promulgazzjoni formali tagħha. Imma allura liema regola kienet applikabbli?
77.
Iż-żewġ għanijiet tar-regoli de minimis – li tiġi identifikata dik l-għajnuna li ma għandha l-ebda effett perċettibbli fuq il-kompetizzjoni jew il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li tħalli lill-Kummissjoni tikkonċentra fuq għajnuna li taqbeż il-limitu – wasslet għal fehmiet kontradittorji li tressqu mill-partijiet, li t-tnejn li huma għandhom xi ġustifikazzjoni.
78.
Madankollu, jien inqis, li l-Kummissjoni hija korretta. L-argument tagħha kien approvat, b’mod ċar u fid-dettall, mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Regione autonoma della Sardegna vs Il‑Kummissjoni ( 69 ), li trid titqies bħala stqarrija korretta tal-liġi kif kienet anki qabel ir-Regolament Nru 1998/2006. Dik l-istqarrija kienet tikkonċerna r-Regolament Nru 69/2001, li ma hijiex applikabbli fil-każ preżenti, imma r-raġunament tagħha kien ibbażat fuq il-prinċipji ġenerali inerenti fid-deroga de minimis. Il-fatt li s-sentenza inkwistjoni ma kinitx għadha ngħatat fiż-żmien meta Spanja kienet meħtieġa tirkupra l-għajnuna inkwistjoni ma jinvalidahiex bħala stqarrija korretta tal-istat preeżistenti tal-liġi. Lanqas ma tista’ Spanja tinvoka xi indikazzjoni ċara li s-sitwazzjoni qabel ir-Regolament Nru 1998/2006 ma kinitx l-istess kif hija llum, imma biss nuqqas ta’ ċarezza dwar is-sitwazzjoni. F’dawk iċ-ċirkustanzi, hija setgħet biss tikkopera mal-Kummissjoni, konformi mal-prinċipju ta’ koperazzjoni sinċiera li issa huwa inkoporat fl-Artikolu 4(3) TUE, sabiex titneħħa kull inċertezza.
79.
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, Spanja qajmet il-kwistjoni fil-kontroreplika tagħha biss, mingħajr ma ppreżentat xi evidenza li, fil-każ preċedenti msemmi, hija kienet fil-fatt irkuprat biss ammonti li jaqbżu EUR 100 000 għal kull perijodu ta’ tliet snin. Għalhekk, l-argument ma jistax jiġi aċċettat.
80.
Jekk wieħed iżomm f’moħħu li l-iskemi ta’ għajnuna kienu, b’mod ġenerali, illegali, jien għalhekk nasal għall-konklużjoni li l-awtoritajiet Spanjoli ma għandhomx dritt jeskludu mill-irkupru ammonti ta’ għajnuna li kienu jaqgħu taħt il-limitu de minimis ta’ EUR 100 000, fejn it-total tal-għajnuna lill-benefiċjarju kien jaqbeż dak il-limitu.
Applikazzjoni retrospettiva ta ’ tnaqqis ieħor fiskali
Trattazzjoni
81.
Il-Kummissjoni tgħid li fir-rigward tal-għajnuna skont l-iskema ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % fil-provinċji ta’ Álava u ta’ Guipúzcoa u skont it-tnaqqis tal-bażi taxxabbli għal negozji ġodda fil-provinċja ta’ Álava, Spanja naqset l-ammont li tiegħu qiegħda titlob l-irkupru billi tapplika retrospettivament ċertu tnaqqis fiskali f’ċirkustanzi fejn ma kinux, jew fejn ma huwiex stabbilit li dawn kienu, mogħtija kif kien xieraq skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, jiġifieri l-Artikoli 37 u 45 tal-Liġi Provinċjali 24/1996 fil-provinċja ta’ Álava u l-Artikolu 37 tal-Liġi Provinċjali 7/1996 f’Guipúzcoa li huwa “prattikament identika”.
82.
L-Artikolu 37 ta’ kull waħda minn dawn il-liġijiet tagħti tnaqqis fiskali ta’ 15 % tal-ammont ta’ investiment f’assi fissi ġodda (eskluża l-art) allokati għall-iżvilupp tal-attività ekonomika tagħhom, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet. L-Artikolu 45(1) tal-liġi tal-provinċja ta’ Álava jagħti tnaqqis ta’ ESP 600 000 (EUR 3 606) għal kull impjieg maħluq, sakemm dan jinżamm għal sentejn. Fejn żieda ta’ 10 % fl-impjegati tkun akkumpanjata minn tnaqqis ta’ 10 % fis-sigħat ta’ xogħol, l-Artikolu 45(2) jirrinunzja għal ċerti kundizzjoniijet skont l-Artikolu 37 u żżid it-tnaqqis taħt iż-żewġ artikoli, sakemm il-pjanijiet iddettaljati jiġu ppreżentati lill-awtorità fiskali.
83.
Il-Kummissjoni ma tiċħadx il-possibbiltà li dak it-tnaqqis jiġi applikat b’mod retrospettiv. Madankollu, għal għadd ta’ benefiċjarji tal-għajnuna li nstab li kienet illegali, il-Kummissjoni ssostni li Spanja ma pprovdietx provi li t-tnaqqis kien ingħata konformi mal-kundizzjonijiet applikabbli. Spanja wieġbet li l-provi rilevanti kienu ngħataw matul il-proċedura prekontenzjuża, u ppreżentat dokumentazzjoni ulterjuri fil-kors ta’ dawn il-proċedimenti. Il-Kummissjoni ma taċċettax li dawk il-provi huma suffiċjenti fir-rigward tal-provinċja ta’ Álava, imma taċċetta li l-ksur ġie fi tmiemu fil-provinċja ta’ Guipúzcoa meta ġiet ippreżentata r-risposta.
Evalwazzjoni
84.
Fil-fehma tiegħi dan l-aspett tal-każ tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud. Ma ġiex allegat li t-tnaqqis inkwistjoni jifforma parti minn xi skemi ta’ krediti ta’ taxxa li nstab li jikkostitwixxu għajnuna illegali mill-Istat. Dawn ma ġewx imsemmija fid-deċiżjonijiet tal-2001 jew fis-sentenza tal-2006, u l-ksur allegat fil-kawża preżenti huwa nuqqas ta’ konformità ma’ din tal-aħħar. Għalhekk, jekk it-tnaqqis kienx (jew kienx intwera li kien) mogħti b’mod korrett konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali hija kwistjoni li taqa’ barra mill-iskop ta’ din il-kawża.
85.
Ċertament, l-ilment tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward hu konness mal-irkupru tal-għajnuna fil-forma ta’ kreditu ta’ taxxa li nstab li kienet illegali bid-deċiżjonijiet tal-2001. Huwa konness mal-ammonti ta’ għajnuna li ma ġewx irkuprati, għar-raġuni li l-benefiċjarji setgħu jitolbu ammonti ugwali li kieku l-għajnuna illegali ma kinitx teżesti imma kienu miżmuma milli jitolbuha għax kienu rċevew dik l-għajnuna. Imma hija ma tallegax li dawk l-ammonti ġew stmati b’mod żbaljat bħala għajnuna li kienet inkompatibbli u li għalhekk ma kellhiex għalfejn tiġi rkuprata.
86.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni taċċetta li l-approċċ ta’ Spanja bħala prinċipju huwa validu. Pereżempju, hija ma ssostniex li l-għajnuna illegali kollha għandha l-ewwel tiġi rkuprata, imbagħad it-tnaqqis inkwistjoni jiġi implementat separatament (li wkoll seta’ jkun approċċ validu). Li kieku kien ittieħed dan l-approċċ, jew saret insistenza fuqu mill-Kummissjoni, ma għandu jkun hemm ebda dubju li l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ġie implementat it-tnaqqis kienu pjuttost mhux relatati mal-konformità mas-sentenza tal-2006 (anki jekk, jiġi stmat separatament, dak it-tnaqqis minnu nnifsu ġie pprovat li jikkostitwixxi għajnuna illegali). Jien ma narax li l-analiżi tista’ tkun differenti għax, minflok, sett wieħed ta’ benefiċċji ta’ taxxa (it-tnaqqis) ġie paċut kontra l-ieħor (il-krediti), jekk it-tpaċija tiġi aċċettata bħala proċedura valida.
Ammonti li jridu jiġu rkuprati taħt kull deċiżjoni
87.
Jien wasalt għall-konklużjonijiet li ġejjin: (1) li l-ħtieġa li tiġi rkuprata l-għajnuna kkontestata trid tiġi evalwata skont il-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali; (2) li l-obbligu tal-effett ta’ inċentiv f’dawk il-linji gwida jippermetti biss in-nuqqas ta’ rkupru tal-għajnuna li fir-rigward tagħha jiġi stabbilit li l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata qabel ma jkun inbeda l-proġett ta’ investiment; (3) li ma jkun hemm ebda kwistjonijiet legali pendenti bejn il-partijiet dwar l-applikabbiltà tar-regoli settorjali jew multisettorjali speċifiċi; (4) li l-awtoritajiet Spanjoli ma kellhomx dritt li jeskludu mill-irkupru ammonti tal-għajnuna kkontestata li kienu jaqgħu taħt il-limitu de minimis ta’ EUR 100 000 għal kull perijodu ta’ tliet snin; imma (5) li l-Kummissjoni hija żbaljata meta ssostni li ammonti li jikkorrispondu għat-tnaqqis fiskali mogħtija retrospettivament, li għalihom il-benefiċjarji ma kinux jikkwalifikaw sakemm kienu qegħdin jirċievu l-għajnuna kkontestata, kellhom jiġu rkuprati.
88.
Fid-dawl ta’ dawn il-konklużjonijiet, jifdal li jiġi stabbilit kemm għajnuna kienet suġġetta għal obbligu legali ta’ rkupru fir-rigward ta’ kull waħda mid-deċiżjonijiet tal-2001. Dan ikun jinvolvi li jitqiesu ċ-ċifri mressqa miż-żewġ partijiet fit-tabelli tagħhom għal 2013 u – fejn ikun xieraq u fejn ikun possibbli – jirriżolvu d-diskrepanzi.
89.
Iċ-ċifri li niċċita iktar ’l isfel mhux kollha kemm huma ġew mogħtija bħala tali mill-partijiet, imma jirriżultaw minn paraguni bejn iċ-ċifri li huma jagħtu.
Deċiżjoni 2002/820 (il-kreditu ta ’ taxxa ta ’ 45 % fil-provinċja ta ’ Álava)
90.
Mit-tabelli tal-2013, jidher li, l-ewwel, l-uniku nuqqas ta’ qbil dwar l-ammont ta’ għajnuna mogħtija oriġinarjament jikkonċerna differenza ta’ EUR 2 048.87 għal Martínez Bujanda. Jien nipproponi li dik id-differenza tiġi riżolta favur Spanja ( 70 ). It-tieni, il-Kummissjoni tqis li EUR 10 683 553.22 kellhom jiġu rkuprati fir-rigward tat-tnaqqis fiskali retrospettiv ( 71 ). Mill-bqija (konformità mal-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali), il-Kummissjoni tqis li kellhom jiġu rkuprati EUR 207 461 498.01. Jien ħadt il-pożizzjoni li huma biss ammonti li fir-rigward tagħhom ġie stabbilit minn Spanja li l-applikazzjoni kienet ippreżentata qabel ma nbeda x-xogħol fuq il-proġett tal-investiment li ma għandhom jiġu kkunsidrati ( 72 ). Ma ġietx allegata minn Spanja l-eżistenza ta’ xi każijiet bħal dawn fil-provinċja ta’ Álava.
91.
Għaldaqstant, wara li ħadt kont tad-differenza rigward Martínez Bujanda, jien inqis li kellhom jiġu rkuprati EUR 207 459 449.14.
92.
Ma huwiex ikkontestat li t-totalità ta’ dik is-somma (flimkien mal-imgħax) kienet ġiet irkuprata sal-15 ta’ Ottubru 2013. Mid-dati mogħtija mill-partijiet, jidher li l-irkupru kien sar fil-parti l-kbira tiegħu minn Marzu 2012 ’il quddiem u kien madwar 90 % komplut sa Marzu 2013.
Deċiżjoni 2002/892 (tnaqqis tal-bażi taxxabbli fil-provinċja ta ’ Álava)
93.
Fir-rigward tat-tnaqqis li sar oriġinarjament minn Spanja bis-saħħa tar-regoli de minimis, it-tabelli tal-2013 juru qbil bejn il-partijiet dwar ammont totali ta’ EUR 2 316 461.49, irkuprati bejn Settembru 2011 u Settembru jew Diċembru 2012. Hemm xi nuqqas ta’ qbil rigward tnaqqis fiskali retrospettiv, imma jien nipproponi fi kwalunkwe każ li dawk l-ammonti jiġu injorati ( 73 ).
94.
Tibqa’ kwistjoni dwar l-irkupru ta’ EUR 2 586 312.37, flimkien mal-imgħax, minn kumpannija fi stralċ ( 74 ). Il-Kummissjoni tgħid li hija ma kinitx informata sal-21 ta’ Jannar 2013 li t-talba tal-awtoritajiet kienet ġiet ippreżentata kif xieraq, filwaqt li Spanja tgħid li hija kienet ġiet infurmata fit-28 ta’ Ġunju 2010. Il-bażi fiż-żewġ każijiet hija ittra li allegatament intbagħtet mill-awtoritajiet Spanjoli imma li fl-ebda wieħed minn dawn il-każijiet ma kienet identifikata fost l-għexieren ta’ eluf ta’ paġni ta’ evidenza ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. F’dawk iċ-ċirkustanzi, jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti qies tal-ewwel data.
Deċiżjoni 2003/27 (il-kreditu ta ’ taxxa ta ’ 45 % fil-provinċja ta ’ Vizcaya)
95.
L-ewwel punt inkwistjoni fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni jikkonċerna d-data meta l-awtoritajiet Spanjoli stabbilixxew li s-somma ta’ EUR 6 194 944.87 ġiet imnaqqsa b’mod korrett mill-ammont irkuprat minn Norbega ( 75 ). Jien nikkonkludi mis-sottomissjonijiet u mit-tabelli tal-2013 li s-somma li attwalment kellha tiġi rkuprata ( 76 ) fil-fatt kienet ġiet irkuprata f’Novembru 2007, imma dik il-prova tal-korrettezza tat-tnaqqis ma ġietx ipprovduta qabel Lulju 2012, meta saret permezz tar-risposta fil-kawża preżenti. L-ammont tal-għajnuna (biż-żewġ partijiet jaqblu li kien EUR 59 247 555.26) li huwa kkontestat fir-rigward tal-obbligu tal-effett ta’ inċentiv irid jitqies li huwa suġġett għall-irkupru ( 77 ).
96.
Għaldaqstant, fid-dawl tal-proċess, jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tqis li kellhom jiġu rkuprati EUR 66 664 908.29 konformi mad-Deċiżjoni 2003/27, li minnhom EUR 54 261 801.88 kienu rkuprati bejn Settembru u Novembru 2011, EUR 7 417 353.03 f’Lulju 2012, u EUR 4 985 753.38 ( 78 ) fi Frar 2013, flimkien mal-imgħax.
Deċiżjoni 2002/806 (tnaqqis tal-bażi taxxabbli fil-provinċja ta ’ Vizcaya)
97.
L-unika kwistjoni fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni tikkonċerna t-tnaqqis li kien sar oriġinarjament minn Spanja bis-saħħa tar-regoli de minimis. L-ammont totali involut hemm qbil li kien EUR 2 004 658.60, li ġie rkuprat kollu kemm hu (flimkien mal-imgħax) bejn it-30 ta’ Settembru u l-14 ta’ Novembru 2011 ( 79 ).
Deċiżjoni 2002/894 (il-kreditu ta ’ taxxa ta ’ 45 % fil-provinċja ta ’ Guipúzcoa)
98.
Il-kwistjonijiet fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni huma: l-ewwel, l-esklużjoni ta’ tliet impriżi fis-settur tal-azzar, kwistjoni li jien inqis li kienet ġiet abbandunata mill-Kummissjoni ( 80 ); it-tieni, tnaqqis fiskali retrospettiv ieħor ta’ EUR 4 110 495.50, li jien nipproponi li għandha tiġi injorata ( 81 ); it-tielet, konformità mal-obbligu tal-effett ta’ inċentiv, fir-rigward tal-għajnuna ta’ EUR 5 909 830.30 lill-impriża GKN ( 82 ); ir-raba’, l-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u l-istrutturar ta’ impriżi f’diffikultà ( 83 ) għal għajnuna ta’ madwar EUR 20 miljun lill-impriża Papresa ( 84 ).
99.
It-tabelli tal-2013 juru għadd ta’ diskrepanzi bejn iċ-ċifri mogħtija mill-partijiet; dawk ipprovduti minn Spanja f’xi każijiet huma diffiċli li jiġu rikonċiljati internament, filwaqt li dawk tal-Kummissjoni huma xi kultant iktar favorevoli għal Spanja. F’dawk iċ-ċirkustanzi, jien nippreferi nieħu ċ-ċifri tal-Kummissjoni bħala bażi. Hija tqis li kellhom jiġu rkuprati EUR 39 900 773.41. Jien ser nieħu dan bħal li huwa l-każ, suġġett għal differenza ta’ opinjoni rigward EUR 5 909 830.30 għal GKN u EUR 20 miljun għal Papresa.
100.
Fir-rigward ta’ GKN, Spanja ssostni li l-unika spiża qabel ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal għajnuna kienet negliġibbli u kienet tikkonċerna studji ta’ fattibbiltà; il-Kummissjoni ma taċċettax l-evidenza li ġiet ipprovduta; Spanja tagħmel riferiment għal dokumenti fl-annessi mar-rikors tal-Kummissjoni, li jien ma stajtx insib meta segwejt l-indikazzjonijiet li tat ( 85 ). Għalhekk jien ma naċċettax li Spanja stabbiliet li l-obbligu tal-effett ta’ inċentiv ġie ssodisfatt.
101.
Fir-rigward ta’ Papresa, Spanja tissottometti li l-impriża hija s-suċċessur ta’ La Papelera Española SA, li l-istatus tagħha bħala impriża f’diffikultà ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni fl-1993 ( 86 ). Hija tagħmel riferiment għall-punt 99 tad-Deċiżjoni 2002/894, fejn il-Kummissjoni għamlet riferiment għad-dikjarazzjoni tagħha fil-Linji Gwida dwar salvataġġ u ristrutturar li hija “tqis li għajnuna għas-salvataġġ u ristrutturar tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi mingħajr ma tolqot ħażin l-interessi Komunitarji jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-linji gwida jintlaħqu”.
102.
Madankollu, dak l-argument tqajjem biss fil-kontroreplika u l-Kummissjoni ma kellhiex l-opportunità li twieġeb għalih. Barra minn hekk, Spanja naqset li tirrileva li l-punt 99 tad-Deċiżjoni 2002/894 kompliet tgħid kif ġej: “Jekk dawk il-kundizzjonijiet ma jintlaħqux, l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni fejn tkun maħsuba għal impriżi f’diffikultà. Għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna fiskali inkwistjoni, meta tiġi mogħtija lil impriżi fid-diffikultà, ma hijiex kompatibbli mas-suq komuni skont id-deroga fl-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat dwar il-promozzjoni ta’ ċerti attivitajiet.” Biex turi l-konformità mal-kundizzjonijiet fil-Linji Gwida tal-1994 dwar salvataġġ u ristrutturar, Spanja ppreżentat rapport ta’ esperti li huwa maħsub biex jiċċertifika l-konformità mal-kundizzjonijiet ġenerali f’punt 3.2.2 ta’ dawk il-linji gwida. Madankollu, eżami ta’ dak ir-rapport juri li l-kundizzjonijiet huma ċċitati biss f’forma mqassra u li ċerti aspetti ma kinux eżaminati.
103.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jien ma nqisx li Spanja stabbiliet li l-għajnuna lil Papresa tista’ titqies li leħqet il-kundizzjonijiet fil-Linji Gwida dwar salvataġġ u ristrutturar.
104.
Jien nikkonkludi li kellhom jiġu rkuprati EUR 39 900 773.41 skont id-Deċiżjoni 2002/894. Il-partijiet jaqblu li, bl-eċċezzjoni tal-għajnuna lil Papresa, l-ammonti inkwistjoni kienu rkuprati, flimkien mal-imgħax, bejn Novembru 2011 u Ottubru 2012. L-għajnuna pendenti lil Papresa (EUR 19 448 623.59, flimkien mal-imgħax) ġiet irkuprata bejn Marzu u Settembru 2013.
Deċiżjoni 2002/540 (tnaqqis fil-bażi taxxabbli fil-provinċja ta ’ Guipúzcoa)
105.
Fit-tabelli tal-2013, il-Kummissjoni ssostni li ġew esklużi b’mod żbaljat mill-irkupru EUR 211 159.23 bħala tnaqqis fiskali b’mod retrospettiv. Jien nipproponi li dak l-ammont għandu jiġi injorat ( 87 ).
106.
Il-partijiet jaqblu li l-ammont ikkonċernat bit-tnaqqis de minimis kien EUR 1 344 192.60, ammont li, fl-analiżi tiegħi, kellu jiġi rkuprat. Skont il-Kummissjoni, l-ammont kollu kien irkuprat, bl-imgħax, matul 2012. Spanja tagħti dati iktar bikrija għat-tlestija tal-irkupru, imma dawn jidhru li jirrigwardaw l-irkupru ta’ ammonti differenti minn dawk imnaqqsa bħala de minimis. Għalhekk jien nipproponi li jiġu aċċettati d-dati tal-Kummissjoni.
107.
Fl-aħħar nett, hemm ammont kurjuż ta’ EUR 8.74, li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni ssostni li l-ordni ta’ ħlas ma kinitx segwita. Peress li l-Kummissjoni wkoll tgħid f’tabella differenti li l-istess ammont kellu jiġi eskluż mill-irkupru, jien nipproponi li dan għandu jiġi injorat.
Konklużjoni dwar l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati
108.
Jien nikkonkludi li, kellha tiġi rkuprata bħala ċifra tonda s-somma kapitali ta’ EUR 322 miljun fid-data tas-sentenza tal-2006, madwar 10 % inqas minn EUR 358 miljun indikati mill-Kummissjoni. Jien ma nistax nikkalkola l-ammont ta’ imgħax dovut bi preċiżjoni, imma nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dan, ukoll, ikun 10 % inqas miċ-ċifri mogħtija mill-Kummissjoni.
109.
Skont il-Kummissjoni, madwar 13 % tat-total kien ġie rkuprat sad-data meta kienet ġiet ippreżentata din il-kawża. Minħabba n-nuqqas tal-Kummissjoni li tistabbilixxi b’mod ċar it-talba tagħha fir-rigward ta’ Gasteiz Desarrollo ( 88 ), jien nipproponi li jiġi meqjus li ċ-ċifra reali kienet 14 %. Is-86 % rimanenti kienu ġew irkuprati wara li ġiet mibdija din il-kawża, bejn Settembru 2011 u Ottubru 2013.
Penali finanzjarja (somma f’daqqa)
Trattazzjoni
110.
Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għal-Linji Gwida tagħha kurrenti dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 260 TFUE ( 89 ), fejn tgħid li hija se titlob kemm somma f’daqqa biex tippenalizza l-kontinwazzjoni tal-ksur bejn l-ewwel u t-tieni sentenza u l-ħlas ta’ penali għal kull ġurnata ta’ iktar dewmien wara t-tieni sentenza. F’din il-kawża, hija rtirat it-talba għat-tieni penali. Il-Kummissjoni tikkalkola s-somma f’daqqa jew bħala minimu stabbilit għal kull Stat Membru bbażata fuq l-fattur ‘n’ tiegħu ( 90 ) jew billi timmultiplika ammont standard b’rata fissa għal kuljum ( 91 ) bin-numru ta’ ġranet bejn id-data tal-ewwel sentenza u dak tat-tmiem tal-ksur, jekk dik il-multiplikazzjoni twassal għal total ikbar.
111.
Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni tqis li l-koeffiċjenti ta’ gravità għandha tiġi stabbilità li kienet 9, fuq skala ta’ 1 sa 20. Hija tenfasizza n-natura fundamentali tad-dispożizzjonijiet dwar għajnuna mill-Istat u l-ħtieġa li tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-għajnuna, il-fatt li ’il fuq minn 100 benefiċjarju bbenefikaw, l-ammont li kien għadu ma ġiex irkuprat fiż-żmien meta ġiet ippreżentata din il-kawża (EUR 569 miljun, skont il-kalkoli tagħha) u l-fatt li Spanja diġà kienet instabet li ma rkupratx għajnuna illegali fil-Pajjiż Bask f’żewġ okkażjonijiet ( 92 ).
112.
Għaldaqstant, hija tipproponi somma f’daqqa ta’ EUR 25 817.40 ( 93 ) għal kull ġurnata, mid-data tas-sentenza tal-2006 sa meta ntemm il-ksur fil-15 ta’ Ottubru 2013. Hija tikkalkola n-numru ta’ ġranet ikkonċernati li huma 2500 u li għalhekk it-total huwa EUR 64543500.
113.
Spanja tissottometti li ġew adottati sitt skemi differenti minn tliet awtoritajiet infra-Statali differenti, li trid tgħaddi sehem mill-penali lil kull waħda minnhom. Peress li l-għajnuna kienet tikkonċerna biss lill-Pajjiż Bask, li tgħodd 6.24 % tal-PGD ta’ Spanja, l-ammont kurrenti ta’ EUR 210 għal kull jum għandu jiġi mmultiplikat b’6.24 %, li jwasslu għal EUR 13 kuljum.
114.
Fir-rigward tal-gravità, Spanja tissottometti li għandu jiġi applikat il-koeffiċjenti minimu, peress li l-Kummissjoni qatt qabel f’40 sena ma kienet eżerċitat il-poteri tagħha fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ miżuri fiskali. Barra minn hekk, il-miżuri inkwistjoni kienu kollha adottati qabel l-avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar għajnuna mill-Istat relatati mat-tassazzjoni diretta tan-negozju ( 94 ), u l-awtoritajiet Baski abrogaw l-iskemi meta saru jafu li l-Kummissjoni qisiethom li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.
115.
Abbażi ta’ dan, Spanja tipproponi penali ta’ EUR 177.58 ( 95 ) għal kull ġurnata.
116.
Il-Kummissjoni tiċħad l-idea li l-ammont standard b’rata fissa għandu jiġi mmultiplikat b’6.24 %. L-ammonti inkwistjoni huma l-istess għall-Istati Membri kollha (u jridu jkunu għoljin biżżejjed biex iżommu l-pressjoni fuqhom) ( 96 ) u preċedentement il-Qorti tal-Ġustizzja ma aġġustatx il-penali biex tieħu kont tal-qasam limitat li fih iseħħ il-ksur.
117.
Fir-rigward tal-gravità, il-Kummissjoni tiċħad li preċedentement ma kinitx eżerċitat il-poteri tagħha dwar għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ miżuri fiskali ( 97 ) jew li l-Avviż tal-1998 biddel is-sitwazzjoni ( 98 ).
118.
Fil-kontroreplika, Spanja tagħmel riferiment għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja ( 99 ), fejn enfasizzat li hija l-Qorti tal-Ġustizzja waħidha li għandha tistabbilixxi l-ammont ta’ xi penali. Fejn għajnuna trid tiġi rkuprata minn għadd kbir ta’ benefiċjarji, penali li tagħti qies tal-progress li jkun sar mill-Istat Membru biex jikkonforma mal-obbligi tiegħu tista’ tkun xierqa u għalhekk proporzjonata man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat ( 100 ). Meta tapplika l-kriterji tal-gravità u tal-kapaċità tal-Istat Membru li jħallas, il-Qorti tal-Ġustizzja trid tqis l-effetti tan-nuqqas ta’ konformità fuq interessi pubbliċi u privati u l-urġenza tal-konformità mill-Istat Membru ( 101 ). Kull penali fil-forma ta’ somma f’daqqa trid tiddependi fuq il-fatturi kollha li jirrigwardaw il-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u tal-aġir tal-Istat Membru, bil-Qorti tal-Ġustizzja jkollha diskrezzjoni wiegħsa ( 102 ). Fil-każ preżenti l-awtoritajiet aġixxew b’mod kuxjenzjuż. Kemm l-awtonomija tal-awtoritajiet tal-Pajjiż Bask ( 103 ) u l-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex timmodula kwalunkwe penali, wara li tagħti qies taż-żona ġeografika affettwata.
119.
Fir-rigward tal-gravità, Spanja tissottometti b’mod partikolari li s-sentenza ( 104 ) li għamlet riferiment għaliha l-Kummissjoni b’konnessjoni mal-Avviż tal-1998 kienet ġiet mogħtija f’ċirkustanzi kompletament differenti, u li l-assenza ta’ xi preċedent f’każijiet simili tikkomplika l-kalkolu kemm tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati u tal-imgħax li għandu jintalab, u dan jagħmel il-konformità mas-sentenza tal-2006 iktar ikkomplikata. Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali pprovaw japplikaw in bona fides l-kriterji li huma ħasbu li kienu korretti meta ddeċidew jekk għajnuna speċifika kellhiex tiġi rkuprata.
Stima
120.
Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi u l-grad ta’ deterrent li jidher li huwa meħtieġ, il-penali finanzjarja xierqa għal prevenzjoni ta’ ksur simili biex ma jerġax iseħħ. Il-linji gwida u s-suġġerimenti tal-Kummissjoni ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja, imma jistgħu jikkostitwixxu punt ta’ riferiment utli u jistgħu jikkontribwixxu biex jiżguraw li l-azzjonijiet tal-Kummissjoni stess ikunu trasparenti, prevedibbli u konsistenti maċ-ċertezza legali. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-penali f’livell xieraq għaċ-ċirkustanzi u proporzjonat mal-ksur u mal-kapaċità tal-Istat Membru li jħallas. Kunsiderazzjonijiet rilevanti jinkludu l-gravità tal-ksur u t-tul ta’ żmien li ppersista matulu wara li kienet ingħatat is-sentenza li stabbiliet dan ( 105 ).
121.
Fil-kawża preżenti, għalija huwa ċar li l-impożizzjoni ta’ penali bħala somma f’daqqa hija xierqa bħala miżura dissważiva. L-ammont ta’ għajnuna illegali kkonċernata u d-dewmien fl-irkupru huma t-tnejn kunsiderevoli, u jidher mill-ħafna dokumenti fil-proċess li l-awtoritajiet Spanjoli ddedikaw ħafna ħin u enerġija biex jipprovaw jimminimizzaw l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati, ħafna drabi billi jidħlu f’dettalji eċċessivi li jinvolvu iktar dewmien.
122.
Il-Kummissjoni qiegħda titlob bħala penali somma f’daqqa ta’ EUR 64 543 500, li tinkiseb billi tiġi mmultiplikata b’ammont standard b’rata fissa ta’ EUR 210 b’koeffiċjenti ta’ 9 (ta’ gravità), bil-fattur ‘n’ ta’ 13.66 u b’2 500 ġurnata.
123.
Skont il-qafas ta’ kriterji ppubblikati mill-Kummissjoni stess, ma hemm ebda skop li jiġi varjat l’ammont standard b’rata fissa ta’ EUR 210 għal kull ġurnata. Dik ir-rata baqgħet kostanti matul iż-żmien materjali kkonċernat bil-proċeduri preżenti. Is-suġġeriment ta’ Spanja li dan għandu jiġi mmultiplikat b’6.24 % kien ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑610/10 ( 106 ).
124.
Madankollu, il-koeffiċjenti ta’ gravità għandu jiġi mnaqqas proporzjonalment minn 9 għal 8 fuq skala ta’ 20, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-istima tiegħi tal-ammonti li kellhom fil-fatt jiġu rkuprati ( 107 ). Il-fattur ‘n’ jista’ wkoll jiġi mnaqqas għal 13.28, fid-dawl taċ-ċifri aġġornati tal-Kummissjoni ( 108 ). Dan jagħti somma f’daqqa ta’ EUR 22 310.40 għal kull ġurnata, imqabbel ma’ EUR 25 817.40 oriġinarjament mitlub mill-Kummissjoni.
125.
Il-Kummissjoni tikkalkola li għaddew 2500 ġurnata bejn l-għoti tas-sentenza tal-2006 fl-14 ta’ Diċembru 2006 u l-irkupru finali u komplut tal-għajnuna inkwistjoni. Dan il-kalkolu jidhirli li huwa korrett jekk jittieħed kont tal-perijodu kollu sat-18 ta’ Ottubru 2013, meta l-Kummissjoni qieset li kienet sodisfatta li l-għajnuna kollha u l-imgħax fuqha kienu ġew irkuprati. Dan jirriżulta, f’EUR 22 310.40 għal kull ġurnata, f’penali totali bħala somma f’daqqa ta’ EUR 55776000.
126.
Madankollu, huwa ċar mill-ġurisprudenza li qatt ma kienet il-prattika tal-Qorti tal-Ġustizzja li jiġu segwiti l-kalkoli dettaljati tal-Kummissjoni biex jiġi stabbilit l-ammont ta’ somma f’daqqa imma li jiġi stabbilit ammont xieraq, wara li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha, bħala ċifri tondi. Meta għamlet dan, b’mod ġenerali ma pprovdietx dettalji preċiżi dwar ir-raġunament tagħha imma sempliċement indikat id-diversi fatturi aggravanti u mitiganti li tqiesu (bħal, rispettivament aġir li jittawwal jew bona fides min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali). Barra minn hekk, minn analiżi tal-każijiet fejn il-Kummissjoni talbet u l-Qorti tal-Ġustizzja imponiet penali bħal din, jirriżulta li, f’kull każ, l-ammont impost mill-Qorti tal-Ġustizzja kien sostanzjalment inqas minn dak mitlub mill-Kummissjoni – u kien ivarja bejn 8 % u 62 % tal-aħħar ammont u b’medja ta’ 40 % tiegħu ( 109 ). Mingħajr ma nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja hija b’xi mod marbuta bil-prattika tagħha fl-imgħoddi f’dak ir-rigward ( 110 ), jien inqis li dawk iċ-ċifri jipprovdu sfond utli, partikolarment meta wieħed jaraha kontra fatturi bħall-gravità u t-tul tal-ksur li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni.
127.
Dan huwa r-raba’ każ li fih il-Kummissjoni fittxet li timponi somma f’daqqa bħala penali fuq Stat Membru biex tiġi rkuprata għajnuna mill-Istat (il-każijiet l-oħra fejn fittxet li timponi penali jirrigwardaw essenzjalment nuqqas li jiġu trasposti direttivi jew nuqqas ta’ konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-UE, u għalhekk huma inqas komparabbli). L-ammont involut hawnhekk huwa, skont l-istima tiegħi, EUR 322 miljun u t-tul tal-ksur huwa 6 snin u 10 xhur.
128.
B’paragun ma’ dan, fil-Kawża C‑369/07 Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja ( 111 ), in-nuqqas li jiġu rkuprati madwar EUR 23 miljun fuq perijodu ta’ erba’ snin ta lok għal penali ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 2 miljun (madwar 13 % tal-ammont mitlub mill-Kummissjoni); fil-Kawża C‑496/09 Il‑Kummissjoni vs L‑Italja ( 112 ), in-nuqqas li jiġu rkuprati madwar EUR 188 miljun fuq madwar seba’ snin u nofs ta lok għal penali ta’ EUR 30 miljun (madwar 43 % tal-ammont mitlub mill-Kummissjoni); u, fil-Kawża C‑610/10 Il‑Kummissjoni vs Spanja ( 113 ), in-nuqqas li jiġi rkuprati madwar EUR 23 miljun fuq perijodu ta’ iktar minn 10 snin ta lok għal penali ta’ EUR 20 miljun (madwar 38 % tal-ammont mitlub mill-Kummissjoni).
129.
Meqjusa b’mod ieħor, l-ammonti għal kull xahar ta’ dewmien u għal kull EUR 1 miljun li għandu jiġi rkuprat huma notevolment simili għall-ewwel żewġ każijiet (bejn EUR 1 730 u EUR 1 740) filwaqt li l-ammont fl-aħħar każ huwa ħafna ogħla (madwar EUR 8 333). Jekk wieħed jieħu l-ewwel ċifra bħala bażi dan jirriżulta f’ammont ta’ madwar EUR 50 miljun, filwaqt li jekk wieħed jieħu l-aħħar ċifra din tagħti madwar EUR 220 miljun.
130.
Jidher li fattur aggravanti sinjifikattiv li kien meqjus mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑610/10 Il‑Kummissjoni vs Spanja kien il-fatt li konformità mal-ewwel sentenza “ma kelliex tiltaqa’ ma xi diffikultajiet kbar, peress li l-benefiċjarji tal-għajnuna illegali inkwistjoni kienu ftit fin-numru, huma kienu identifikati bl-isem u l-ammonti li kellhom jiġu rkuprati kienu speċifikati f’dik id-deċiżjoni” ( 114 ).
131.
F’dan il-każ, din l-aħħar kunsiderazzjoni ma treġġix. Il-benefiċjarji kienu numerużi, u l-ammonti ta’ għajnuna li kellhom, rispettivament, jiġu rkuprati jew esklużi mill-irkupru, la kienu identifikati u lanqas kienu immedjatament ovvji. Għalhekk jien nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu approċċ simili għal dak fil-Kawża C‑369/07 Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja u fil-Kawża C‑496/09 Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, u tieħu s-somma ta’ EUR 50 miljun bħala punt ta’ tluq.
132.
Lanqas nara xi raġuni konvinċenti biex jiżdied jew jitnaqqas dak l-ammont. Hija somma sinjifikattiva – ogħla minn kull somma f’daqqa preċedentement imposta mill-Qorti tal-Ġustizzja – li probabbli jkollha effett dissważiv qawwi fuq l-Istati Membri kollha mingħajr ma jkun hemm bżonn li din togħla. Madankollu il-ksur huwa wieħed serju, li jinvolvi għajnuna mill-Istat f’ammonti – ogħla minn kull għajnuna li ġiet ikkontestata qabel f’każijiet simili – tali li taffettwa serjament il-kummerċ bejn Stati Membri, matul perijodu kunsiderevoli ta’ żmien (l-irkupru ma kienx beda jseħħ b’xi mod sinjifikattiv sakemm iktar minn erba’ snin kienu għaddew wara s-sentenza tal-2006).
Konklużjoni
133.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jien tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
—
tiddikjara li, meta naqas li jikkonforma fi żmien xieraq mas-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006 fil-Kawżi magħquda C‑485/03 sa C‑490/03 Il‑Kummissjoni vs Spanja, ir-Renju ta’ Spanja naqas li jwettaq l-obbligi li għandu skont id-deċiżjonijiet tal-2001 li dwarhom ingħatat dik is-sentenza, kif ukoll taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.
—
tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja jħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, somma f’daqqa ta’ EUR 50 miljun;
—
tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Għall-fini ta’ konsistenza, jien inżomm mal-ortografija Spanjola użata fi stadji preċedenti tal-proċedimenti, għalkemm l-ortografija Baska hija differenti u l-ortografija uffiċjali Spanjola issa tieħu kont tal-ortografija Baska.
( 3 ) Ara ĠU 1999 C 351, p. 29, ĠU 2000 C 55, p. 2, u ĠU 2000 C 71, p. 8.
( 4 ) Id-Deċiżjoni 2002/820/KE, tal-11 ta’ Lulju 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur l-impriżi fil-provinċja ta’ Álava fil-forma ta’ kreditu ta’ taxxa li jammonta għal 45 % tal-investimenti (ĠU 2002, L 296, p. 1); id-Deċiżjoni 2002/892/KE, tal-11 ta’ Lulju 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur ċertu impriżi ġodda maħluqa fil-provinċja ta’ Álava (ĠU 2002, L 314, p. 1); id-Deċiżjoni 2003/27/KE, tal-11 ta’ Lulju 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja għall-impriżi fil-provinċja ta’ Vizcaya fil-forma ta’ kreditu ta’ taxxa li jammonta għal 45 % tal-investimenti (ĠU 2003, L 17, p. 1); id-Deċiżjoni 2002/806/KE, tal-11 ta’ Lulju 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat applikata minn Spanja favur ċertu impriżi ġodda maħluqa fil-provinċja ta’ Vizcaya (ĠU 2002, L 279, p. 35); id-Deċiżjoni 2002/894/KE, tal-11 ta’ Lulju 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur l-impriżi fil-provinċja ta’ Guipúzcoa bħala kreditu ta’ taxxa li jammonta għal 45 % tal-investimenti (ĠU 2002, L 314, p. 26); u d-Deċiżjoni 2002/540/KE, tal-11 ta’ Lulju 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur ċertu impriżi ġodda maħluqa fil-provinċja ta’ Guipúzcoa (ĠU 2002, L 174, p. 31) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet tal-2001”).
( 5 ) Id-Deċiżjoni 2002/820, punt 76; id-Deċiżjonijiet 2002/892, 2002/806 u 2002/540, punt 78; id-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894, punt 83.
( 6 ) Id-Deċiżjoni 2002/820, punt 98; id-Deċiżjonijiet 2002/892, 2002/806 u 2002/540, punt 90; id-Deċiżjoni 2003/27, punt 105; id-Deċiżjoni 2002/894, punt 107.
( 7 ) Id-Deċiżjoni 2002/820, punti 76 sa 94; id-Deċiżjonijiet 2002/894 u 2003/27, punti 83 sa 100.
( 8 ) ĠU 1998, C 74, p. 9 (emendat bi ĠU 2000, C 258, p. 5, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali”).
( 9 ) Id-Deċiżjoni 2002/820, punt 83; id-Deċiżjonijiet 2002/894 u 2003/27, punt 89.
( 10 ) Punti 78 sa 90 f’kull deċiżjoni (2002/540, 2002/806 u 2002/892).
( 11 ) Il‑Kummissjoni vs Spanja, Kawżi magħquda C‑485/03 sa C‑490/03 (Ġabra p. I‑11887, iktar ’ il quddiem is-“sentenza tal-2006”).
( 12 ) Punt 81 tas-sentenza tal-2006.
( 13 ) Għall-iskemi ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 %, sentenza tad-9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda T-227/01 sa T-229/01, T-265/01, T-266/01 u T-270/01, Ġabra p. II-3029); għat-tnaqqis fil-bażi taxxabbli, sentenza tad-9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda T‑230/01 sa T‑232/01 u T‑267/01 sa T‑269/01).
( 14 ) Għall-iskemi ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 %, sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011 Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda C-471/09 P sa C-473/09 P, Ġabra p. I-111); għat-tnaqqis fil-bażi taxxabbli, sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda C-474/09 P sa C-476/09 P, Ġabra p. I-113).
( 15 ) Kawżi magħquda C‑471/09 P sa C‑473/09 P, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 iktar ’il fuq, punti 98, 99 u 102, li tagħmel riferiment għas-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato ‘Venezia vuole vivere’et vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda C-71/09 P, C-73/09 P u C-76/09 P, Ġabra I-4727, punti 63, 64, 115 u 130) u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 16 ) SEC(2005) 1658 tat-13 Diċembru 2005, kif aġġornata bis-SEC(2010) 923 tal-20 ta’ Lulju 2010.
( 17 ) Punt 15 iktar ’il fuq.
( 18 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 KE (ĠU 1999, L 83, p. 1).
( 19 ) ĠU 1979, C 31, p. 9.
( 20 ) ĠU 2002, C 119, p. 22.
( 21 ) Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda C-465/09 P sa C-470/09 P, Ġabra p. I-83, punti 121 u 122).
( 22 ) Ara b’mod partikolari in-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 fid-Deċiżjoni 2002/820, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 33 fid-Deċiżjoni 2002/894, u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 34 fid-Deċiżjoni 2003/27.
( 23 ) Punti 31 u 32 iktar ’il fuq.
( 24 ) ĠU 1999, C 351, p. 33, l-aħħar paragrafu; ĠU 2000, C 71, p. 13, it-tielet paragrafu; id-Deċiżjoni 2002/820, punt 83; id-Deċiżjonijiet 2002/894 u 2003/27, punt 89.
( 25 ) Punt 32 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 iktar ’il fuq.
( 26 ) Punti 12 u 50 tas-sentenza tal-2006.
( 27 ) Ara wkoll sentenza tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast (Kawża C-390/06, Ġabra p. I-2577, punt 69).
( 28 ) Punti 27 fid-Deċiżjoni 2002/820, u 23 fid-Deċiżjonijiet 2002/894 u 2003/27.
( 29 ) Punt 31 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 iktar ’il fuq.
( 30 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1628/2006, tal-24 ta’ Ottubru 2006, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għal għajnuna nazzjonali reġjonali (ĠU L 302, p. 29).
( 31 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008, tas-6 ta’ Awwissu 2008, li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (ĠU L 214, p. 3).
( 32 ) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/795/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1999, dwar għajnuna mill-Istat implementata minn Commission Ramondín SA u Ramondín Cápsulas SA (ĠU 2000, L 318, p. 36), punt 134 u l-Artikolu 1).
( 33 ) L-Artikolu 1 u l-premessa 7 fil-preambolu.
( 34 ) Sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda C‑630/11 P, C‑631/11 P, C‑632/11 P u C‑633/11 P, punt 105).
( 35 ) Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Freistaat Sachsen et vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda C-57/00 P u C-61/00 P, Ġabra p. I-9975, punt 52).
( 36 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35.
( 37 ) Id-Deċiżjoni 2002/820, punt 83; id-Deċiżjonijiet 2002/894 u 2003/27, punt 89.
( 38 ) Id-Deċiżjoni 2002/820, punti 25, 27, 33, 87, 90 u 91; id-Deċiżjonijiet 2002/894 u 2003/27, punti 1, 7, 21, 23, 43, 49, 93, 96 u 97.
( 39 ) Punt 6 iktar ’il fuq.
( 40 ) Id-Deċiżjoni 2002/820, punti 84 sa 87; id-Deċiżjonijiet 2002/894 u 2003/27, punti 90 sa 93.
( 41 ) Punt 37 u n-noti ta’ qiegħ il-paġni 30 u 31 iktar ’il fuq.
( 42 ) Punt 8 ta’ kull waħda mid-deċiżjonijiet relatati mal-iskemi ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 %.
( 43 ) Punt 63 tas-sentenza tal-2006.
( 44 ) Punt 98 et seq. iktar ’l isfel.
( 45 ) Punt 37 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 iktar ’il fuq.
( 46 ) Pereżempju, sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, The Rank Group (Kawżi magħquda C-259/10 u C-260/10, Ġabra p. I-10947, punt 62) u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 47 ) Il-Linji Gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali, punt 2 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.
( 48 ) Jiġifieri, subsetturi identifikati fil-Qafas għal ċerti setturi tal-azzar mhux koperti bit-Trattat tal-KEFA (ĠU 1988, C 320, p. 3, iktar ’il quddiem il-“qafas tal-azzar tal-1988”).
( 49 ) Il-qafas tal-azzar tal-1988, punt 4.
( 50 ) Condesa Fabril SA.
( 51 ) Compañía Norteña de Bebidas Gaseosas Norbega SA (iktar ’il quddiem “Norbega”).
( 52 ) Qafas multisettorjali għal għajnuna reġjonali lil proġetti kbar (ĠU 1998, C 107, p. 7).
( 53 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001, tat-12 ta’ Jannar 2001, dwar it-tħaddim tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE dwar għajnuna de minimis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 138). Dan ir-regolament ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006, tal-15 ta’ Diċembru 2006, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar għajnuna de minimis (ĠU 2007 L 314M, p. 654), li huwa stess ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013, tat-18 ta’ Diċembru 2013, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, p. 1).
( 54 ) ĠU 1996, C 68, p. 9 (iktar ’il quddiem l-“Avviż tal-1996”).
( 55 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, Regione autonoma della Sardegna vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda T-394/08, T-408/08, T-453/08 u T-454/08, Ġabra p. II-6255, punti 299 sa 311). L-appelli minn dik is-sentenza (HGA et vs Il‑Kummissjoni, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34) ma kinux jikkonċernaw il-kwistjoni de minimis.
( 56 ) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/177/KE, tad-19 ta’ Mejju 2004, dwar għajnuna mill-Istat Nru C 4/2003 (ex NN 102/2002) implementata mill-Italja għal WAM SpA (ĠU 2006, L 63, p. 11). Din ġiet annullata bis-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2006, L‑Italja u WAM vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda T-304/04 u T-316/04, Ġabra p. II-64*) u kkonfermata bis-sentenza tat-30 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Kawża C-494/06, Ġabra p. I-3639), imma mingħajr ma sar riferiment għar-regola de minimis.
( 57 ) Il-Kummissjoni tiċċita d-Deċiżjonijiet 2000/46/KE (ĠU 2001, L 18, p. 18), 2002/142/KE (ĠU 2002, L 48, p. 20), 2003/643/KE (ĠU 2003, L 227, p. 12) u 2006/937/KE (ĠU 2006, L 366, p. 1). Fl-ebda waħda minn dawn id-deċiżjonijiet, hija tgħid, ma kienet ħadet l-istess approċċ bħal fid-deċiżjoni WAM.
( 58 ) Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98, tas-7 ta’ Mejju 1998, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Volum 1, p. 312), li kien il-bażi legali għar-Regolament Nru 69/2001; ara b’mod partikolari l-premessa 9 fil-preambolu u l-Artikolu 2.
( 59 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Kawża C-177/06, Ġabra p. I-7689).
( 60 ) Punti 20 u 75 f’kull waħda mit-tliet deċiżjonijiet, u n-noti ta’ qiegħ il-paġna għalihom.
( 61 ) In-nota ta’ qiegħ il-paġna 75 f’kull waħda mit-tliet deċiżjonijiet.
( 62 ) L-Artikolu 4 ta’ dak ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1998/2006, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52 iktar ’il fuq.
( 63 ) Ara wkoll punti 23 u 24 tar-rikors tagħha fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-2006, fejn aċċettat li l-ebda għajnuna oħra ma setgħet tingħata wara t-23 ta’ Ottubru 2001 l-iktar tard.
( 64 ) Punt 7 ta’ kull waħda mit-tliet deċiżjonijiet.
( 65 ) Iċċitat fin-nota f’qiegħ il-paġna 52.
( 66 ) Din l-istess regola espliċita ma tidhirx li hija preżenti fir-Regolament Nru 1407/2013 (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53), minkejja li l-Artikolu 3(7) tiegħu jipprovdi: “Fejn il-limitu massimu […] jinqabeż permezz tal-għotja ta’ għajnuna ġdida de minimis, l-ebda waħda mill-għajnuna l-ġdida ma tista’ tibbenefika minn dan ir-Regolament.”
( 67 ) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/638/KE, tas-6 ta’ Settembru 2005, dwar l-iskema ta’ għajnuna implementata mill-Italja għal ċerti impriżi għall-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli speċjalizzati f’ishma ta’ kumpanniji ta’ kapitalizzazzjoni żgħira jew medja kkwotati fis-swieq regolati (ĠU 2006, L 268, p. 1), punt 60, enfażi miżjuda.
( 68 ) Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza (Kawża C-214/07, Ġabra p. I-8357); ara r-risposta tal-Kummissjoni, f’punt 25.
( 69 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54;
( 70 ) Punt 59 iktar ’il fuq.
( 71 ) Punti 81 sa 86 iktar ’il fuq.
( 72 ) Punt 38 et seq. iktar ’il fuq.
( 73 ) Punti 81 sa 86 iktar ’il fuq.
( 74 ) Gasteiz Desarrollo Industrial e Ingeniería SA (iktar ’il quddiem “Gasteiz Desarrollo”).
( 75 ) Punt 63 iktar ’il fuq.
( 76 ) Kien hemm qbil li din kienet EUR 7 417 353.03.
( 77 ) Punt 38 et seq. iktar ’il fuq.
( 78 ) Għajnuna lil Industrias de Maderas Aglomeradas.
( 79 ) Fir-rigward ta’ somma waħda EUR 200 000 (Ingenería y Construcción de Matrices), il-Kummissjoni tafferma li l-irkupru ma ġiex effettwat (jew ipprovat) sal-11 ta’ Lulju 2012, imma l-evidenza li tagħmel riferiment għaliha ma ġietx ippreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja.
( 80 ) Punt 63 iktar ’il fuq.
( 81 ) Punti 81 sa 86 iktar ’il fuq.
( 82 ) GKN Driveline Zumaia SA. Fi tliet każijiet oħra, il-Kummissjoni aċċettat li l-obbligu tal-effett ta’ inċentiv kien ġie ssodisfatt u fi tmienja oħra Spanja ma sostnietx li l-applikazzjoni għal għajnuna kienet ġiet ippreżentata qabel ma nbeda x-xogħol fuq il-proġett (punt 38 et seq. iktar ’il fuq).
( 83 ) ĠU 1994 C 368, p. 12 (li ġie sostitwit bi ĠU 1999, C 288, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida [1994/1999] dwar salvataġġ u ristrutturar”).
( 84 ) Papresa SA. Hemm diskrepanza ta’ xi EUR 500 000 bejn iċ-ċifri mogħtija mill-Kummissjoni u minn Spanja għall-ammonti ta’ għajnuna.
( 85 ) Jien nirrikonoxxi li l-preżentazzjoni ta’ dawn l-annessi, fil-forma ta’ DVDs li fihom ‘zipped’ folders ta’ paġni pdf li ma tistax issir tfittxija fihom, tagħmilha iktar diffiċli biex jiġi identifikat xi dokument partikolari, imma Spanja kienet infurmata li hija trid tispeċifika b’mod ċar l-evidenza li qiegħda tibbaża fuqha (punt 17 iktar ’il fuq).
( 86 ) L-Avviż tal-Kummissjoni C 29/92 (NN 12/92), ĠU 1993, C 123, p. 7.
( 87 ) Punti 81 sa 86 iktar ’il fuq.
( 88 ) Punt 94 iktar ’il fuq.
( 89 ) SEC(2005) 1658 (ĠU 2007 C 126, p. 15), aġġornata bi SEC(2010) 923/3.
( 90 ) Definit bħala medja ġeometrika bbażata in parti fuq il-PGD tal-Istat Membru u in parti fuq l-ippeżar tad-drittijiet tal-vot fil-Kunsill. Għal Spanja, fiż-żmien meta kienet tressqet il-kawża preżenti, il-fattur ‘n’ kien ta’ 13.66 u s-somma f’daqqa minima EUR 7 215 000. Fil-preżent, iċ-ċifri huma 13.28 u EUR 7 036 000 rispettivament (C(2012) 6106 finali tal-31 ta’ Awwissu 2012).
( 91 ) Fil-preżent, minimu ta’ EUR 210, immultiplikat b’koeffiċjent ta’ gravità.
( 92 ) Sentenzi tat-2 ta’ Lulju 2002, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Kawża C-499/99, Ġabra p. I-6031) u Il‑Kummissjoni vs Spanja ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 58.
( 93 ) Jiġifieri, EUR 210 immultiplikati b’koeffiċjenti ta’ 9 ta’ gravità u bil-fattur ‘n’ għal Spanja ta’ 13.66.
( 94 ) ĠU 1998, C 384, p. 3 (iktar ’il quddiem l-“avviż tal-1998”).
( 95 ) EUR 13 immultiplikati b’koeffiċjenti ta’ 1 ta’ gravità u bil-fattur ‘n’ għal Spanja ta’ 13.66.
( 96 ) SEC(2005) 1658, punt 15.
( 97 ) Hija tiċċita d-Deċiżjoni 93/337/KEE, tal-10 ta’ Mejju 1993, dwar skema ta’ konċessjonijiet fiskali għal investiment fil-Pajjiż Bask (ĠU, L 134, p. 25).
( 98 ) Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda T-30/01 sa T-32/01 u T-86/02 sa T-88/02, Ġabra p. II-2919, punti 314 u 315) u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 99 ) Sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Kawża C-496/09, Ġabra p. I-11483).
( 100 ) Ibid., punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 101 ) Ibid., punti 56 and 57 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 102 ) Ibid., punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 103 ) Spanja tiċċita s-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2006, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (Kawża C-88/03, Ġabra p. I-7115), u tal-11 ta’ Settembru 2008, UGT‑Rioja et (Kawżi magħquda C-428/06 sa C-434/06, Ġabra p. I-6747).
( 104 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 96.
( 105 ) Pereżempju, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 97, punti 35 sa 37, u s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Kawża C‑610/10, punt 115 et seq.).
( 106 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 103, punt 132.
( 107 ) Punti 108 u 109 iktar ’il fuq.
( 108 ) In-nota ta’ qiegħ il-paġna 88 iktar ’il fuq; fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Kawża C‑533/11, punt 35), il-Kummissjoni nnifisha bbażat fuq ċifri li kienu ġew aġġornati minn meta ressqet il-kawża tagħha.
( 109 ) Sentenzi tad-9 ta’ Dicembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza (Kawża C-121/07, Ġabra p. I-9159); tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Kawża C-109/08, Ġabra p. I-4657); tas-7 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Kawża C-369/07, Ġabra p. I-5703); tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Kawża C-568/07, Ġabra I-2467); tal-31 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Kawża C-407/09, Ġabra p. I-2467; Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Kawża C‑496/09), iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 97; Il‑Kummissjoni vs Spanja (Kawża C‑610/10), iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 103; tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Kawża C‑279/11); tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Kawża C‑374/11); tal-25 ta’ Ġunju 2013, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (Kawża C‑241/11); tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Kawża C‑533/11), iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 106; u tat-28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (Kawża C‑576/11).
( 110 ) Jew li – kuntrarju għas-sitwazzjoni skont l-Artikolu 260(3) TFUE – il-Qorti tal-Ġustizzja hija eskluża milli timponi ammont ogħla minn dak mitlub mill-Kummissjoni.
( 111 ) Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 107.
( 112 ) Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 97.
( 113 ) Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 103.
( 114 ) Ibid., fil-punt 145.
Full & Egal Universal Law Academy