KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fil-21 ta’ Frar 2013 ( 1 )
Kawżi magħquda C‑512/11 u C‑513/11
Terveys- ja sosiaalialan neuvottelujärjestö TSN ry
vs
Terveyspalvelualan Liitto ry
u
Mehiläinen Oy
u
Ylemmät Toimihenkilöt YTN ry
vs
Teknologiateollisuus ry
u
Nokia Siemens Networks Oy
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Työtuomioistuin (il-Finlandja)]
“Leave tal-maternità — Direttiva 92/85/KEE — Kundizzjonijiet għaż-żamma sħiħa tas-salarju matul il-leave tal-maternità — Ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa — Direttiva 2006/54/KE — Leave parentali — Direttiva 96/34/KE — Ftehim kollettiv”
I – Introduzzjoni
1.
Fil-kawża Kiiski, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi li leave għal edukazzjoni ma jkunx jista’ jiġi interrott matul tqala ġdida sabiex ħaddiema mara tkun tista’ tieħu leave tal-maternità ( 2 ).
2.
Dawn il-kawżi jirrigwardaw żewġ ħaddiema Finlandiżi li ħarġu tqal matul leave għal edukazzjoni ( 3 ) u li ħadu mbagħad leave tal-maternità. Il-leġiżlazzjoni Finalndiża tiggarantixxi biss lill-ħaddiema nisa benefiċċju soċjali adegwat matul il-leave tal-maternità. Madankollu, il-ftehim kollettiv applikabbli għal kull waħda mill-ħaddiema nisa jistabbilixxi matul il-leave tal-maternità ż-żamma tal-parti tar-remunerazzjoni li taqbeż l-allowance tal-maternità bil-kundizzjoni, madankollu, li l-leave tal-maternità ma jibdiex matul leave mhux imħallas, kif inhu l-leave għal edukazzjoni.
3.
F’dawn il-kawżi, għandu jiġi ppreċiżat jekk ħaddiema mara li, matul il-leave għal edukazzjoni, teżerċita d-dritt li tirrikonoxxilha s-sentenza Kiiski li tibdlu fl-leave tal-maternità, tistax ukoll tislet mid-dritt tal-Unjoni dritt għaż-żamma tal-remunerazzjoni.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
4.
Skont id-dritt tal-Unjoni, il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża jinsab fid-Direttiva 92/85/KEE tal-Kunsill, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu ( 4 ).
5.
L-Artikolu 11 tagħha jistabbilixxi:
“[...]
2.
Fil-każ imsemmi fl-Artikolu 8, dan li ġej għandu jiġi żgurat:b)
il-
manteniment ta’ ħlas ta’, u/jew intitolament, għal allowance xierqa għal, ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2;
3.
l-allowance msemmija fil-punt 2(b) għandha titqies bħala xierqa jekk tiggarantixxi dħul mill-inqas ekwivalenti għal dak li l-ħaddiema kkonċernata kienet tirċievi kieku waqfet temporanjament mill-attivitajiet tagħha għal raġunijiet ta’ saħħa, soġġetta għal kull limitu stabbilit taħt il-leġislazzjoni nazzjonali;
4.
L-Istati Membri jistgħu jissoġġettaw id-dritt għall-ħlas jew għall-allowance msemmija fil-punti 1 u 2(b) għall-kundizzjoni li l-ħaddiema kkonċernata tissoddisfa l-kondizzjonijiet ta’ eliġibilità għal dawn il-benefiċċji skond il-leġislazzjoni nazzjonali.
Dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jipprovdu għal perijodi ta’ impjieg preċedenti iktar minn12-il xahar immedjatament qabel id-data preżunta tal-ħlas.”
6.
Barra minn hekk, id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) hija rilevanti wkoll ( 5 ).
7.
L-Artikolu 2 jistabbilixxi dawn id-definizzjonijiet:
“1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)
‘diskriminazzjoni diretta’: fejn persuna waħda tiġi trattata minħabba s-sess b’mod inqas favorevoli minn kif tiġi trattata, ġiet trattata jew kieku tiġi trattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli;
(b)
‘diskriminazzjoni indiretta’: fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament ġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa; [...]
2. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, diskriminazzjoni tinkludi:
[...]
(ċ)
kwalunkwe trattament anqas favorevoli ta’ mara li jkollu x’jaqsam ma’ tqala jew leave tal-maternità fis-sens d-Direttiva 92/85/KEE.”
8.
L-Artikolu 4 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fir-rigward tar-remunerazzjoni:
“Għandha tiġi eliminata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta fuq il-bażi ta’ sess fir-rigward ta’ l-aspetti u l-kondizzjonjiet kollha ta’ rimunerazzjoni għall-istess xogħol jew għal xogħol li jitqies li għandu valur ugwali. [...]”
B – Id-dritt nazzjonali
9.
Bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tat-Titolu 4 tat-työsopimuslaki ( 6 ) u dawk tat-Titolu 9 tas-sairausvakuutuslaki ( 7 ) il-ħaddiema nisa għandhom dritt għal leave tal-maternità ta’ 105 jum tax-xogħol, u wara li jispiċċa dan il-leave, leave parentali ta’ 158 jum tax-xogħol. Flimkien ma’ dan il-leave, il-ħaddiema nisa għandhom id-dritt, bis-saħħa tal-Artikolu 3 tat-Titolu 4 tal-liġi fuq il-kuntratt tax-xogħol, għal leave għal edukazzjoni li jista’ jdum sakemm il-wild jilħaq l-età ta’ tliet snin.
10.
Il-ħaddiema jibbenefikaw matul il-leave tal-maternità tagħhom jew il-leave parentali tagħhom minn allowance ta’ kuljum skont il-liġi fuq l-assigurazzjoni għall-mard. L-ebda allowance ta’ kuljum ma titħallas matul il-leave għal edukazzjoni.
11.
Skont l-Artikolu 8 tat-Titolu 4 tal-liġi fuq il-kuntratt tax-xoħol, il-persuna li timpjega ma hijiex obbligata tħallas remunerazzjoni lill-ħaddiem matul il-leave tal-familja deskritt hawn fuq.
12.
L-Artikolu 21(3) tal-ftehim kollettiv li japplika bejn il-partijiet fil-Kawża C‑512/11 fih dispożizzjoni li tipprovdi li l-persuna li timpjega għandha tħallas, matul il-leave tal-maternità, 72 jum ta’ salarju b’rata sħiħa. Jekk il-leave tal-maternità l-ġdid jibda matul leave mhux imħallas, u partikolarment matul il-leave għal edukazzjoni, is-salarju inkwistjoni ma jitħallasx, ħlief jekk jkun hemm dispożizzjoni legali li tipprovdi l-kuntrarju.
13.
Skont l-Artikolu 8 tal-ftehim kollettiv tal-persunal fi gradi għolja tal-industriji teknoloġiċi li japplika bejn il-partijiet fil-Kawża C‑513/11, matul il-leave tal-maternità, is-salarju jitħallas b’rata sħiħa għal tliet xhur. Il-qorti tar-rinviju tindika li kien ġie miftiehem bejn il-partijiet fil-ftehim kollettiv li l-Artikolu 8 jiġi interpretat bl-istess mod bħad-dispożizzjonijiet ekwivalenti ta’ kull ftehim kollettiv ieħor applikabbli għall-ħaddiema u għall-impjegati tas-settur. Skont il-linji gwida ta’ applikazzjoni relatati ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, jekk leave tal-maternità ġdid jibda waqt li jkun għaddej leave familjari preċedenti ieħor, il-persuna li timpjega ma jkollhiex l-obbligu li tħallas salarju għal-leave tal-maternità l-ġdid. Skont il-persuni li jimpjegaw, id-dispożizzjoni tal-ftehim kollettiv tal-persunal fi gradi għolja dejjem ġiet interpretata b’dan il-mod.
14.
L-għan komuni tal-partijiet fi ftehim kollettiv u l-prattika kostanti fl-applikazzjoni tiegħu għandhom, skont il-qorti tar-rinviju, rwol kunsiderevoli fl-interpretazzjoni ta’ ftehim. Madankollu s-sinjifikat tal-klawżoli tal-ftehim ma jistax imur kontra regoli ta’ dritt imperattivi.
III – It-talba għal deċiżjoni preliminari
15.
It-talba għal deċiżjoni preliminari C‑512/11 tidħol fil-kuntest li ġej: Noora Kultarinta, infermiera, kienet impjegata mingħajr interruzzjoni mill-15 ta’ Awwissu 2008 mill-kumpannija Mehiläinen Oy ( 8 ). Wara l-ewwel leave tal-maternità, hija ħadet leave għal edukazzjoni bejn is-7 ta’ Jannar 2010 u l-11 ta’ April 2012. N. Kultarinta reġgħet ħarġet tqila u ddikjarat lill-persuna li timpjegaha li kienet qed tinterrompi l-leave għal edukazzjoni sabiex terġa’ tieħu leave tal-maternità mid-9 ta’ April 2010.
16.
Hija talbet lil Mehiläinen tħallasha 72 jum ta’ salarju bir-rata sħiħa għal-leave tal-maternità skont il-ftehim kollettiv tas-settur tas-servizzi tas-saħħa. Il-persuna li timpjega aċċettat l-interruzzjoni tal-leave għal edukazzjoni ta’ N. Kultarinta iżda, b’riferiment għal restrizzjoni li kien hemm fil-ftehim kollettiv, irrifjutat li tħallas is-salarju matul il-leave tal-maternità.
17.
Fil-kawża prinċipali, it-Terveys- ja sosiaalialan Neuvottelujärjestö TSN ry ( 9 ) ressqet kawża kontra Terveyspalvelualan Liitto ry ( 10 ) u Mehiläinen. It-TSN titlob li l-persuna li timpjega lil N. Kultarinta tiġi kkundannata tħallas EUR 5 770.05 flimkien mal-interessi, bħala remumerazzjoni matul il-leave tal-maternità.
18.
Il-fatti li taw lok għat-talba għal deċiżjoni preliminari C‑513/11 huma analogi: Jenni Novamo ilha impjegata mis-6 ta’ Ġunju 2005 fil-kumpannija Nokia Siemens Networks Oy. Hija ħadet leave tal-maternità fit-8 ta’ Marzu 2008, imbagħad indikat li kienet ser tieħu leave għal edukazzjoni fil-perijodu bejn id-19 ta’ Marzu 2009 sal-4 ta’ April 2011. Fl-2010, J. Novamo infurmat lill-persuna li timpjegaha li kienet tqila u li xtaqet tinterrompi l-leave parentali tagħha fit-23 ta’ Mejju 2010 biex tibda leave tal-maternità fl-24 ta’ Mejju 2010.
19.
J. Novarno talbet lil Nokia Siemens Networks tħallasha, bis-saħħa tal-ftehim kollettiv, tliet xhur salarju matul il-leave tal-maternità tagħħa, wara li jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet soċjali għall-istess perijodu. Madankollu, billi rreferiet għal prattika ta’ interpretazzjoni tal-ftehim kollettiv, Nokia Siemens rrifjutat li tħallasha s-salarju tagħha matul il-leave tal-maternità għar-raġuni li l-leave tal-maternità ġdid tagħha kien beda meta hija kienet fuq leave għal edukazzjoni.
20.
Fil-kawża prinċipali, Ylemmät Toimihenkilöt YTN ry ( 11 ) ressqet kawża kontra Teknologiateollisuus ry ( 12 ) u Nokia Siemens Networks.
21.
It-Työtuomioistuin ( 13 ), adita biż-żewġ kawżi, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea d-domanda preliminari li ġejja, li hija essenzjalment analoga fiż-żewġ kawżi ( 14 ):
Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu, jipprekludu dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv nazzjonali, jew l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li jipprovdu li ħaddiema mara li tgħaddi minn leave għal raġunijiet ta’ tagħlim [edukazzjoni] mhux remunerat għal leave tal-maternità ma tibbenefikax, matul il-leave tal-maternità, mill-ħlas tar-remunerazzjoni prevista mill-ftehim kollettiv?
22.
Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub u orali konġuntament mit-TSN u l-YTN, konġuntament minn Terveyspalvelualan Liitto ry u Mehiläinen, konġuntament minn Teknologiateollisuus ry u Nokia Siemens Networks, mill-Gvern Finlandiż, il-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Gvern Spanjol u l-Gvern tal-Estonja ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.
IV – Il-kunsiderazzjonijiet legali
23.
Permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol jew l-applikazzjoni tagħha fil-prattika, li tipprovdi li nisa li jgħaddu direttament minn leave għal edukazzjoni għal-leave tal-maternità ma jibbenefikawx matul il-leave tal-maternità miż-żamma sħiħa tar-remunerazzjoni li l-ftehim kollettiv normalment jistabbilixxi matul il-leave tal-maternità.
24.
Qabelxejn għandha tiġi eżaminata d-Direttiva 92/85 li timplementa rekwiżiti partikolari fil-protezzjoni tal-ħaddiema tqal u tagħti prijorità lid-dispożizzjonijiet fuq l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja professjonali ( 15 ).
A – Id-Direttiva 92/85
25.
Hawnhekk qegħdin fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-direttiva. Skont id-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(a), ħaddiema tqila hija ddefinita bħala kull ħaddiema tqila li tinforma lil min jimpjegaha bil-kundizzjoni tagħha, skont il-liġi u/jew prattika nazzjonali.
26.
Iż-żewġ nisa inkwistjoni hawnhekk ma tilfux l-istatus tagħhom ta’ ħaddiema nisa li jinsabu fuq leave għal edukazzjoni qabel il-bidu tal-leave tal-maternità tagħhom fl-2010. Fil-fatt, kif iddeċidiet diġà l-Qorti tal-Ġustizzja, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur Komunitarju ried jeskludi l-benefiċċju tal-leave tal-maternità lil ħaddiema mara li, fil-mument meta tixtieq tkun taħt l-iskema ta’ dan il-leave, tkun diġà telqet temporanjament mill-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha għaliex kienet qegħda tibbenefika minn leave ieħor ( 16 ).
27.
Barra minn hekk, mid-Direttiva 96/34/KE tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC ( 17 ) jirriżulta li, matul il-perijodu ta’ dan il-leave, inżammet ir-relazzjoni tax-xogħol bejn il-ħaddiem u l-persuna li timpjegah ( 18 ). Fil-kawża Kiiski, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-leave għal edukazzjoni Finlandiż kien leave parentali msemmi fid-Direttiva 96/34 b’mod li ħaddiema mara Finlandiża hija, matul dan il-leave għal edukazzjoni, ħaddiema mara fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni u għalhekk anki għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-direttiva fuq il-leave tal-maternità.
28.
Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk id-Direttiva 92/85 tagħtix dritt għaż-żamma tar-remunerazzjoni matul il-leave tal-maternità.
29.
Għandu jiġi mfakkar li, għal dak li jirrigwarda l-ħaddiema nisa fuq leave tal-maternità, l-Artikolu 11(2)(b) tad-Direttiva 92/85 jipprovdi li għandhom jiġu żgurati fil-konfront tagħhom iż-żamma ta’ remunerazzjoni jew l-intitolament għal benefiċċju adegwat.
30.
Skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/85, il-benefiċċju jitqies adegwat meta jiżgura dħul mill-inqas ekwivalenti għal dak li kienet tirċievi l-ħaddiema mara kkonċernata fil-każ ta’ interruzzjoni tal-attivitajiet tagħha għal raġunijiet marbuta mal-istat ta’ saħħa tagħha ( 19 ). Dħul ta’ dan il-livell għandu jiġi żgurat lill-ħaddiema nisa matul il-leave tal-maternità tagħhom, irrispettivament minn jekk dan id-dħul jitħallas, skont l-Artikolu 11(2)(b) tad-Direttiva 92/85, f’forma ta’ benefiċċju, ta’ remunerazzjoni jew ta’ taħlita tat-tnejn. ( 20 )
31.
Il-premessa sbatax tenfasizza l-importanza tal-garanziji finanzjarji għall-effettività tal-leave tal-maternità.
32.
Madankollu, la mill-Artikolu 157 TFUE u lanqas mill-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva 92/85 ma jirriżulta li l-ħaddiema nisa għandhom id-dritt, matul il-leave tal-maternità tagħhom, għar-remunerazzjoni sħiħa li kienu jirċievu kieku attwalment ħadmu fil-post tax-xogħol tagħhom bħall-ħaddiema nisa l-oħra. ( 21 )
33.
Fid-Direttiva 92/85, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried fil-fatt jiggarantixxi lill-ħaddiema nisa matul il-leave tal-maternità tagħhom, bħala protezzjoni minima ( 22 ), remunerazzjoni mill-inqas ugwali għal benefiċċju soċjali adegwat. Id-direttiva ma tagħtix dritt għaż-żamma sħiħa tar-remunerazzjoni ( 23 ).
34.
Il-ftehim kollettiv applikabbli fil-kawżi prinċipali jmorru lil hinn mill-protezzjoni minima u jistabbilixxu ż-żamma sħiħa tar-remunerazzjoni matul il-leave tal-maternità. Madankollu, fiż-żewġ każijiet, din iż-żamma għandha l-kundizzjoni li l-leave tal-maternità ma jinbediex matul leave mhux imħallas. Skont l-osservazzjonijiet tal-Gvern Finlandiż, din hija r-raġuni għaliex N. Kultarinta u J. Novamo rċevew biss, matul il-leave tal-maternità tagħhom, benefiċċji soċjali li l-ammont tagħhom kien jissodisfa l-ħtiġijiet tal-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva 92/85.
35.
Għalhekk wieħed jistaqsi jekk id-Direttiva 92/85 tipprojbixxix kundizzjoni bħal dik fir-rigward ta’ benefiċċju li jmur lil hinn mid-drittijiet minimi tad-direttiva.
36.
Skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 92/85, l-Istati Membri għandhom l-għażla li jissuġġettaw id-dritt għar-remunerazzjoni jew għall-benefiċċju msemmi fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu għall-kundizzjoni li l-ħaddiema mara kkonċernata tissodisfa l-kundizzjonijiet tad-dritt għal dawn il-vantaġġi stabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ( 24 ). Il-partijiet fil-ftehim kollettiv għandu jkollhom a fortiori din l-għażla meta jmorru lil hinn mid-drittijiet minimi mogħtija mill-Istat Membru. Fi kwalunkwe każ, sakemm dawn il-kundizzjonijiet ma jiksrux dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni.
37.
Fil-kawża Boyle wkoll, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi jekk il-benefiċċji li jaqbżu l-minimu rikjest mid-Direttiva 92/85 jistgħux ikunu suġġetti għal kundizzjoni matul il-leave tal-maternità. F’din il-kawża, il-kundizzjoni stipulata fil-kuntratt tax-xogħol kienet tikkonsisti fil-fatt li l-ħaddiema mara kellha timpenja ruħha li terġa’ lura għal xogħolha wara li tispiċċa l-leave tal-maternità jekk hija riedet tibbenefika miż-żamma integrali tar-remunerazzjoni matulu. Jekk le, kien ikollha tirrimborsa d-differenza bejn ir-remunerazzjoni li kompliet tirċievi u l-benefiċċju soċjali mogħti minflokha.
38.
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kundizzjoni bħal din hija kompatibbli mad-Direttiva 92/85 sakemm dawn il-benefiċċji ma jkunux inqas mill-minimu meħtieġ mid-direttiva ( 25 ).
39.
Filwaqt li fil-kawża Boyle l-ħaddiema nisa kellhom jerġgħu jkomplu l-attività tagħhom wara l-leave ta’ maternità tagħhom sabiex ma jitilfux retroattivament id-dritt għaż-żamma tar-remunerazzjoni, f’din il-kawża, il-ħaddiema nisa kellhom jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom sa qabel il-bidu tal-leave tal-maternità sabiex jibbenefikaw miż-żamma sħiħa tar-remunerazzjoni. Fiż-żewġ każijiet, iż-żamma sħiħa tar-remunerazzjoni hija, għalhekk, marbuta mal-eżerċizzju tal-attività professjonali; f’każ qabel u f’ieħor wara l-leave tal-maternità.
40.
F’sentenza suċċessiva, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jistgħu jistabbilixxu liberament kundizzjonijiet sakemm dawn ma jipprovdux inqas protezzjoni minn dik minima tad-direttiva ( 26 ).
41.
Fid-dawl ta’ dawn is-sentenzi, nikkunsidra li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/85 ma jipprekludix kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta ż-żamma tar-remunerazzjoni, sakemm il-benefiċċji mogħtija indipendentement mill-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 11(2)(b) u (3) tad-Direttiva 92/85.
42.
Għaldaqstant, il-konklużjoni provviżorja hija li d-Direttiva 96/34 ma tipprekludix kundizzjonijiet għaż-żamma tar-remunerazzjoni bħal dawk fil-qofol ta’ din il-kawża.
B – Direttiva 2006/54
43.
Madankollu, il-kundizzjonijiet ma jistgħux jiksru dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni. L-ewwel nett għandha tiġi eżaminata d-Direttiva 2006/54 li l-qorti ssemmi fid-domandi tagħha.
44.
L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/54 jipprojbixxi kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess. Skont l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/54, id-diskriminazzjoni tinkludi kull trattament inqas favorevoli ta’ mara, marbut mat-tqala jew mal-leave tal-maternità skont id-Direttiva 92/85/KEE.
45.
Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jassumi importanza partikolari fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/54. Dan jiddisponi li għandha tiġi eliminata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta bbażata fuq is-sess fir-rigward tal-aspetti u l-kundizzjonijiet kollha ta’ remunerazzjoni għall-istess xogħol jew għal xogħol li jitqies li għandu valur ugwali.
46.
Billi huwa bbażat fuq ir-relazzjoni ta’ xogħol, il-benefiċċju li tħallas il-persuna li timpjega, minħabba l-ftehim kollettiv, lil ħaddiema mara matul il-leave tal-maternità tagħha jikkostitwixxi remunerazzjoni skont l-Artikolu 157 TFUE u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/54 ( 27 ).
47.
Skont ġurisprudenza stabbilita, diskriminazzjoni tinvolvi l-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal sitwazzjonijiet paragunabbli jew l-applikazzjoni tal-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti ( 28 ). Għalhekk, diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess tippresupponi li l-ħaddiema nisa kkonċernati u l-kollegi rġiel ikunu f’sitwazzjonijiet paragunabbli imma jkunu suġġetti għal sistemi differenti.
48.
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet li l-ħaddiema nisa fuq leave tal-maternità qegħdin f’sitwazzjoni speċifika li teħtieġ li tingħatalhom protezzjoni speċjali, imma ma tistax tiġi assimilata ma’ dik ta’ raġel u lanqas ma’ dik ta’ mara li effettivament tokkupa l-post tax-xogħol tagħha jew li qiegħda fuq leave tal-mard ( 29 ).
49.
Il-fatt biss li mara fuq leave tal-maternità ma tirċevix ir-remunerazzjoni sħiħa tagħha ma jikkonfermax li hemm diskriminazzjoni fil-konfront ta’ ħaddiem li effettivament jokkupa l-post tax-xogħol tiegħu.
50.
L-istruttura tad-Direttiva 92/85 fuq il-protezzjoni tal-maternità tenfasizza wkoll li ma huwiex meħtieġ speċifikament li tinżamm ir-remunerazzjoni matul il-perijodu kopert mill-protezzjoni imma tikkunsidra li l-ħlas ta’ benefiċċju soċjali jkun biżżejjed. Jekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kien jeħtieġ li l-ħaddiema nisa jirċievu r-remunerazzjoni sħiħa tagħhom anki matul dan il-perijodu, id-direttiva stess tkun qed tapplika ħażin il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
51.
Il-partikolarità ta’ din il-kawża qiegħda fil-fatt li l-ftehim kollettiv applikabbli jagħti bħala prinċipju lill-ħaddiema nisa dritt għaż-żamma tar-remunerazzjoni filwaqt li jeskludi dawk li jkunu fuq leave għal edukazzjoni mhux imħallas fil-bidu tal-leave tal-maternità.
52.
Sa fejn, bħala prinċipju, huma iktar in-nisa milli l-irġiel li jieħdu leave għal edukazzjoni, il-fatt li hemm marbut effett negattiv mal-benefiċċju tiegħu jista’ jirrappreżenta diskriminazzjoni indiretta ( 30 ). Ikun hemm diskriminazzjoni indiretta meta miżura nazzjonali, għalkemm ifformulata b’mod newtrali, fil-fatt tkun ta’ żvantaġġ għal numru ferm ogħla ta’ nisa milli ta’ rġiel ( 31 ).
53.
Fil-kawżi prinċipali, iż-żamma tar-remunerazzjonijiet hija prevista biss għan-nisa fuq leave tal-maternità. Din tingħata biss għal-leave tal-maternità. Fl-istat attwali tad-dritt al-Unjoni, il-ħaddiema rġiel jistgħu jitolbu leave għal edukazzjoni imma mhux leave tal-paternità analogu għal-leave tal-maternità ( 32 ). Lanqas il-leġiżlazzjoni Finlandiża ma tistabbilixxi leave tal-paternità analogu. Għalhekk l-irġiel ma jistgħux a priori jibbenefikaw miż-żamma inkwistjoni tar-remunerazzjoni. Għaldaqstant jidher li fost il-ħaddiema rġiel u dawk nisa ma hemmx sitwazzjoni paragunabbli li hija kundizzjoni indispensabbli sabiex ikun hemm diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Il-kundizzjonijiet marbuta maż-żamma tar-remunerazzjoni ma jistgħux, għalhekk, jirriżultaw fi żvantaġġ tan-nisa fil-konfront tal-irġiel.
54.
Madankollu jista’ jiġri li grupp ta’ nisa (ħaddiema nisa fuq leave għal edukazzjoni meta jieħdu l-leave tal-maternità tagħhom) ikollhom żvantaġġ f’relazzjoni ma’ grupp ieħor ta’ nisa (ħaddiema nisa li effettivament jeżerċitaw l-attività tagħhom meta jkunu qed jieħdu l-leave tal-maternità tagħhom). Iżda dan it-tip ta’ żvantaġġ ma jirrigwardax il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa.
55.
Il-qorti tar-rinviju jidhrilha li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex ċar jekk u kif hija tikkostitwixxi l-kategoriji ta’ riferiment meħtieġa sabiex tiġi kkunsidrata inugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa. Madankollu, jiena ma nistax naqbel ma’ din il-kunsiderazzjoni.
56.
Il-ġurisprudenza tippermetti li ssir distinzjoni bejn żewġ miżuri; minn naħa l-benefiċċji lill-ħaddiema nisa, fejn il-modalitajiet u l-ammonti huma marbuta direttament mal-maternità tagħhom qabel jew wara t-twelid u min-naħa l-oħra t-trattament tan-nisa fil-kuntest tal-impjieg tagħhom inġenerali, li jista’ jikkonċerna wkoll ħaddiem raġel u li huwa rilevanti fl-okkażjoni tal-maternità qabel jew wara t-twelid.
57.
Pereżempju jagħmlu parti minn dan il-qasam: ir-rifjut ta’ kandidata kkunsidrata adegwata, minħabba t-tqala tagħha ( 33 ), it-tnaqqis ta’ benefiċċji fil-każ ta’ marda marbuta mat-tqala ( 34 ), it-twarrib ta’ ħaddiema mara tqila mill-eżerċizzju annwali ta’ evalwazzjoni u tal-progressjoni tal-karriera li dan jippermetti ( 35 ), in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-tul ta’ leave tal-maternità fil-kalkolu tal-anzjanità ( 36 ), l-obbligu ta’ ħaddiema mara li tkun tixtieq terġa’ tidħol fil-post tax-xogħol tagħha wara leave tal-maternità li tiddikjara jekk hijiex tqila ( 37 ) jew it-tkeċċija minħabba t-tqala ta’ mara li tieħu post membru tal-persunal fuq leave tal-maternità ( 38 ).
58.
Il-miżuri jew il-benefiċċji inkwistjoni f’dawn il-kawżi jistgħu jirrigwardaw kull persuna li għandha l-kwalità ta’ ħaddiem, indipendentement mis-sess tagħha. Din hija r-raġuni għaliex f’dawn il-każijiet, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx esprimiet ruħha espressament fuq dan il-punt fis-sentenzi kollha tagħha, raġel jista’ jitqies bħala persuna ta’ riferiment.
59.
Iżda ma jistax jingħad l-istess fil-każ ta’ benefiċċji mogħtija lil ħaddiema nisa fejn il-modalitajiet jew l-ammonti huma marbuta direttament mat-tqala jew mal-maternità. Bħala eżempju jista’ jissemma t-tnaqqis ta’ salarju wara trasferiment lejn post ieħor tax-xogħol matul it-tqala ( 39 ) jew il-kundizzjoni li trid tissodisfa l-ħaddiema mara biex tibbenefika miż-żamma tar-remunerazzjoni sħiħa matul il-leave tal-maternità ( 40 ). Dawn huma benefiċċji li jingħataw b’rabta diretta mal-miżuri ta’ protezzjoni tal-ħaddiema nisa inkwistjoni minħabba t-tqala tagħhom jew il-maternità tagħhom. It-trasferiment ta’ ħaddiema mara tqila f’post tax-xogħol inqas perikoluż jew il-benefiċċju ta’ leave tal-maternità jservu biss sabiex jipproteġu n-nisa kkonċernati. Dawn il-miżuri u l-benefiċċji li huma marbuta magħhom huma intiżi biss għal ħaddiema nisa. Il-ħaddiema rġiel fil-prinċipju ma jistgħux jiksbu dan it-tip ta’ benefiċċju u għal din ir-raġuni l-ħaddiema rġiel ma jistgħux iservu bħala riferiment sabiex jiġi eżaminat jekk kienx hemm diskriminazzjoni.
60.
Din l-analiżi ma għandha xejn kontradittorju mas-sentenza Alabaster. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet: “sa fejn ir-remunerazzjoni rċevuta mill-ħaddiema mara matul il-leave tal-maternità tagħha hija ddeterminata għall-inqas parzjalment fuq il-bażi tas-salarju li hija rċeviet qabel ma bdiet il-leave tagħha [l-Artikolu 119 KE (li sar l-Artikolu 157 TFUE)] huwa meħtieġ li kull żieda fis-salarju li jkun hemm bejn il-bidu tal-perijodu kopert mis-salarju ta’ riferiment u t-tmiem ta’ dak il-leave tiġi integrata fl-elementi tas-salarju kkunsidrati għall-kalkolu tal-ammont ta’ dik ir-remunerazzjoni.” ( 41 ).
61.
Is-silta ċċitata tas-sentenza tikkonċerna l-ammont tar-remunerazzjoni mħallsa matul il-leave tal-maternità. Għalhekk wieħed jista’ jaċċetta li dawn huma benefiċċji mogħtija lill-ħaddiema nisa fejn il-modalitajiet jew l-ammonti huma marbuta direttament mat-tqala jew mal-maternità. Imma fil-mertu, il-kwistjoni hija dwar jekk żieda tas-salarju li għaliha l-ħaddiema mara jkollha dritt kieku ma kinitx fuq leave tal-maternità għandhiex tiġi kkunsidrata fil-kalkolu tar-remunerazzjoni mħallsa lill-ħaddiema mara matul il-leave tal-maternità.
62.
Il-kwistjoni jekk ħaddiema mara tibbenefikax minn żieda fis-salarju tikkonċernaha fir-rigward tal-impjieg tagħha inġenerali. Ħaddiem raġel jista’ jibbenefika wkoll minn żieda fis-salarju. Is-sistema inkwistjoni hawnhekk, jiġifieri ż-żieda fis-salarju, hija indipendenti mis-sess. Il-kwistjoni tal-kunsiderazzjoni taż-żieda ta’ salarju ma tqumx fil-kawża Alabaster ħlief fil-kuntest tal-leave tal-maternità. Għalhekk dan huwa eżempju ta’ każ fejn il-ħaddiem raġel jista’ jservi bħala punt ta’ riferiment.
63.
Fir-rigward tan-natura tal-miżura, din il-kawża hija differenti anki mill-kawża Kiiski. F’dik il-kawża, il-kwistjoni kienet tittratta dwar jekk tqala ġdida kellhiex tiġġustifika l-interruzzjoni tal-leave għal edukazzjoni. Il-ħaddiema rġiel u nisa setgħu jinterrompu l-leave għal edukazzjoni jew itemmuh pereżempju minħabba mewt jew separazzjoni. Iżda l-ħaddiema nisa ma jistgħux jagħmlu dan billi jinvokaw it-tqala tagħhom. Sa fejn it-tqala tikkostitwixxi sitwazzjoni analoga għal raġunijiet aċċettati biex jintemm il-leave għal edukazzjoni, teżisti diskriminazzjoni marbuta mat-tqala u, minn dan il-fatt, minħabba s-sess.
64.
Skont ir-raġunijiet tas-sentenza Kiiski, dak li kien determinanti kien il-fatt li d-Direttiva 92/85 trid tinnewtralizza l-kumulu tal-piżijiet fuq il-ħaddiema nisa tqal. Dan il-kumulu tal-piżijiet jista’ jirriżulta wkoll matul il-leave għal edukazzjoni fl-aħħar tat-tqala għaliex dejjem hemm bżonn li wieħed jieħu ħsieb l-ewwel tarbija. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-ħaddiema nisa ma jistgħux jiġu mċaħħda mill-vantaġġi stabbiliti mid-direttiva li huma marbuta mal-leave tal-maternità. Mad-daqqa ta’ għajn wieħed jista’ jikkonkludi li l-ħaddiema mara ma tistax tibqa’ tiġi mċaħħda mill-vantaġġ taż-żamma tar-remunerazzjoni. Iżda d-Direttiva 92/85 ma tistabbilixxi speċifikament l-ebda obbligu ta’ żamma ta’ remunerazzjoni imma benefiċċju soċjali adegwat. Il-fatt li remunerazzjoni li teċċedi dan il-benefiċċju soċjali titħallas f’ċerti każijiet skont klawżoli konkreti ta’ ftehim kollettiv ma jibdel xejn mill-fatt li d-direttiva tikkunsidra li l-benefiċċju soċjali adegwat ikun biżżejjed. Fil-kawża Kiiski, il-ħaddiema nisa li fil-konfront tagħhom ġie rrifjutat leave tal-maternità lanqas ma kienu jibbenefikaw mill-benefiċċju soċjali adegwat.
65.
Għaldaqstant ma hemmx ksur tad-Direttiva 2006/54.
C – Id-Direttiva 96/34
66.
Il-qorti tar-rinviju ma talbitx espliċitament li tiġi interpretata d-Direttiva 96/34 ( 42 ). Iżda peress li s-salarju ma jinżammx jekk il-ħaddiema nisa jkunu fuq leave għal edukazzjoni, l-evalwazzjoni eżawrjenti tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li tiġi eżaminata din id-direttiva jew iktar preċiżament l-ftehim qafas fuq il-leave parentali.
67.
Skont il-klawżola 2.2 ta’ dan il-ftehim, dritt individwali għal-leave parentali ta’ mill-inqas tliet xhur jingħata lill-ħaddiema, irġiel u nisa.
68.
L-ewwel domanda li tqum hija jekk il-leave għal edukazzjoni implementat fil-leġiżlazzjoni Finlandiża huwiex leave parentali skont id-Direttiva 96/34 u jekk dawn il-każijiet jaqgħux għal kollox taħt id-direttiva. L-ewwel nett, il-Finlandja tagħti leave parentali mħallas ta’ 158 jum tax-xogħol. Sussegwentement, dak il-leave jista’ jiġi segwit minn leave għal edukazzjoni mhux imħallas li jista’ jiġi estiż sakemm il-wild jagħlaq tliet snin. F’dawn il-kawżi prinċipali n-nisa qegħdin fuq dan il-leave għal edukazzjoni. Il-leave parentali Finlandiż diġà jmur lil hinn mill-perijodu minimu ta’ tliet xhur ta’ leave parentali stabbilit fid-direttiva. Dan japplika iktar u iktar għall-leave għal edukazzjoni.
69.
Fil-kawża Kiiski, li kienet tirrigwarda wkoll il-leave għal edukazzjoni Finlandiż, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-atti tal-proċess ma jwasslux għall-konklużjoni li l-leave għal edukazzjoni ma jirrigwardax is-sistema tal-leave parentali stabbilit fil-ftehim qafas. ( 43 )
70.
Għalhekk, fil-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Chatzi, jiena kkunsidrajt li leave parentali li jaqbeż il-perijodu minimu bħala prinċipju jirrigwarda wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/34 ( 44 ).
71.
Fir-rigward tad-direttiva fuq il-leave annwali, il-Qorti tal-Ġustizzja riċentement iddeċidiet, minkejja dan, li l-leave li jaqbeż il-perijodu minimu stabbilit fid-direttiva ma jirrigwardax is-sistema tagħha ( 45 ). Jekk wieħed japplika din l-idea għad-direttiva fuq il-leave parentali, dan ikollu bħala konsegwenza li d-Direttiva 96/34 tirregola biss l-ewwel tliet xhur tal-leave parentali filwaqt li l-garanziji li huma iktar estiżi jirrigwardaw biss il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri. Meta d-direttivi jistabbilixxu sempliċiment regoli minimi, il-kwistjoni dwar jekk is-sistemi iktar estiżi u ġenerużi tal-Istati Membri jibqgħux madankollu suġġetti għas-sistema tad-direttiva jew jekk dawn tal-aħħar humiex perfettament liberi li jiddelimitawhom kif jixtiequ, għadha qed tistenna, fil-fehma tiegħi, kjarifika globali u koerenti.
72.
Imma kif ma hemm l-ebda obbligu li jinżamm is-salarju anki jekk tiġi applikata d-Direttiva 96/34, kif ser nuri iktar ’l isfel, ma huwiex meħtieġ li f’dan il-każ jiġu kkjarifikati l-affarijiet.
73.
F’din il-kawża, hija l-ewwel nett il-klawżola 2(6) li jista’ jkollha rwol fejn tispeċifika li d-drittijiet kweżiti jew fil-proċess li jkunu kweżiti mill-ħaddiem fid-data li fiha jibda l-leave parentali għandhom jibqgħu kif inhuma sa meta jintemm il-leave parentali.
74.
Jirriżulta mill-għanijiet tal-ftehim qafas fuq il-leave parentali li l-kunċett ta’ “drittijiet kweżiti jew fil-proċess li jkunu kweżiti” ikopri l-kumpless tad-drittijiet u tal-vantaġġi, f’kontanti jew in natura, imnisslin direttament jew indirettament mir-relazzjoni tax-xogħol, li l-ħaddiem jista’ jippretendi fir-rigward tal-persuna li timpjegah fid-data tal-bidu tal-leave parentali ( 46 ). L-imsemmija drittijiet li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ impjieg huma dawk li l-ħaddiem kellu fid-data li fih beda l-leave. ( 47 )
75.
Madankollu, il-klawżola 2.6 tal-ftehim qafas fuq il-leave parentali ma tirregolax id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ impjieg matul il-perijodu tal-leave parentali, li huma ddefiniti, skont l-imsemmija klawżola 2.7, mill-Istati Membri u/jew mill-imsieħba soċjali ( 48 ).
76.
Id-dritt għal remunerazzjoni matul il-leave tal-maternità ma huwiex “dritt kweżit” tal-ħaddiema mara fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. L-ewwel nett, skont il-ftehim kollettiv dan id-dritt huwa speċifikament eskluż matul il-leave parentali. Għalhekk ma hemm l-ebda ksur tal-klawżola 2.6 tal-ftehim qafas fuq il-leave parentali.
77.
Il-verżjoni l-ġdida tad-Direttiva 96/34 jew tal-ftehim qafas ( 49 ) tipprovdi fil-klawżola 5.4 tagħha li sabiex l-ħaddiema jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal leave parentali, l-Istati Membri jew l-imsieħba soċjali għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tal-ħaddiema kontra trattament inqas favorevoli jew it-tkeċċija minħabba t-talba jew it-teħid tal-leave parentali.
78.
Billi l-leave parentali jew tal-maternità inkwistjoni hawnhekk ittieħdu fis-sena 2010, il-verżjoni l-ġdida tad-direttiva ma tapplikax ratione temporis f’dawn il-kawżi ( 50 ). Id-Direttiva 96/34 ma fihiex dispożizzjoni paragunabbli mal-klawżola 5.4 il-ġdida ( 51 ). Fil-fehma tiegħi, il-klawżola 5.4 tal-verżjoni l-ġdida tad-direttiva għandha sempliċiment valur spjegattiv. Fil-fatt diġà fil-verżjoni ta’ qabel, mill-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni, kif stabbilit ukoll fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jirriżulta li ħadd ma jista’ jiġi ddiskriminat minħabba l-eżerċizzju ta’ drittijiet, bħal f’dan il-każ tal-leave parentali, mogħtija mid-dritt tal-Unjoni.
79.
In-nisa li jkunu fuq leave għal edukazzjoni u li minħabba dan il-fatt ma għandhomx dritt għaż-żamma tas-salarju jekk jgħaddu għal-leave tal-maternità ma humiex, madankollu, vittmi ta’ diskriminazzjoni meta mqabbla ma’ nisa li ħarġu tqal meta kienu qed jeżerċitaw effettivament l-attività professjonali tagħhom.
80.
Diġà hemm dubju serju jekk iż-żewġ kategoriji humiex paragunabbli. Ħaddiema mara li diġà qiegħda fuq leave għal edukazzjoni mhux imħallas, għandha bżonn inqas ta’ appoġġ finanzjarju matul il-leave tal-maternità milli ħaddiema mara li effettivament teżerċita l-attività professjonali tagħha meta tkun tqila. Fil-fatt, il-ħaddiema mara li diġà qiegħda fuq leave għal edukazzjoni mhux imħallas diġà ħadet ħsieb l-affarijiet tagħha biex tibqa’ mingħajr riżorsi matul perijodu partikolari; għalhekk ma tgħaddi mill-ebda telf f’daqqa ta’ dħul.
81.
Sabiex tiġi ġġustifikata r-restrizzjoni inkwistjoni hawnhekk għaż-żamma tas-salarju, il-konvenuti qalu li din riedet toħloq inċentiv sabiex in-nisa jerġgħu lura lejn il-post tax-xogħol tagħhom wara ċertu żmien qabel assenza ġdida minħabba t-tfal. Għaliex altrimenti, is-sensiela ta’ diversi perijodi ta’ leave parentali jew tal-maternità jistgħu jżommu ’l bogħod il-ħaddiema nisa mill-post tax-xogħol mingħajr interruzzjoni għal diversi snin.
82.
L-inċentivi għar-ritorn għall-ħajja professjonali huma għan li jikkonforma mad-Direttiva 96/34, li anki fil-ħames punt tal-premessi tal-anness tagħha hemm imsemmija l-importanza tar-ritorn lejn il-ħajja professjonali, u għal din ir-raġuni huma leġittimi.
83.
Jidhirli li l-miżura hija meħtieġa u proporzjonata wkoll f’sens strett. Is-sitt punt tal-premessi tal-anness fid-Direttiva 96/34 jenfasizza li l-miżuri għar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u familjari għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-bżonnijiet tal-impriżi kif ukoll dawk tal-ħaddiema.
84.
Id-Direttiva 96/34 lanqas ma timponi, bħal f’dawn il-kawżi, li jinżamm is-salarju matul il-leave ta’ maternità.
V – Konklużjoni
85.
Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta segwenti għad-domanda tal-qorti tar-rinviju:
“Id-Direttivi 92/85/KEE, 2006/54/KE u 96/34/KE ma jipprekludux dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv nazzjonali jew l-interpretazzjoni tagħhom intiżi sabiex ħaddiema mara, li tgħaddi minn leave għal edukazzjoni mhux imħallas għal leave tal-maternità, ma jkollhiex dritt, matul il-leave tal-maternità, għar-remunerazzjoni prevista fil-ftehim kollettiv, li tkun ogħla mill-allowances previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-leave tal-maternità.”
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Kiiski (C-116/06, Ġabra p. I-7643).
( 3 ) Bil-Finlandiż “hoitovapaa”. Fil-Finlandja jeżisti wkoll il-leave parentali msejjaħ bil-Finalndiż “vanhempainloma”.
( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110. Iktar ’il quddiem id- “Direttiva 92/85”. Mil-lat kronoloġiku, hija l-verżjoni tagħha fis-seħħ fl-2010 li tapplika għaliex in-nisa kkonċernati fil-kawża prinċipali kienu bdew il-leave tal-maternità tagħhom f’dik is-sena.
( 5 ) ĠU L 204, p. 23. Iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/54”.
( 6 ) Liġi fuq il-kuntratt tax-xogħol.
( 7 ) Liġi fuq l-assigurazzjoni għall-mard.
( 8 ) Iktar ’il quddiem “Mehiläinen”.
( 9 ) Organizzazzjoni sindakali tas-settur soċjali, iktar ’il quddiem it-“TSN”.
( 10 ) Organizzazzjoni sindakali tas-settur tas-servizzi tas-saħħa.
( 11 ) Sindakat tal-persunal fi gradi għolja. Iktar ’il quddiem il-“YTN”.
( 12 ) Assoċjazzjoni tal-industrija teknoloġika.
( 13 ) Qorti tax-xogħol.
( 14 ) Fil-Kawża C‑513/11 id-domanda preliminari ma tindikax espressament li kien leave għal edukazzjoni li ma ġiex imħallas iżda dan jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju.
( 15 ) Ara l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2006/54 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5).
( 16 ) Sentenza Kiiski (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 31).
( 17 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285.
( 18 ) Sentenza Kiiski (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 32).
( 19 ) Jekk ikun il-każ, dejjem skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/85, fil-limitu eventwali li jiġi ddeterminat mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.
( 20 ) Sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1998, Boyle et, C-411/96, Ġabra p. I-6401, punt 33; tal-21 ta’ Ottubru 1999, Lewen, C-333/97, Ġabra p. I-7243, punt 22; u tal-1 ta’ Lulju 2010, Gassmayr, C-194/08, Ġabra p. I-6281, punt 84.
( 21 ) Sentenzi tat-13 ta’ Frar 1996, Gillespie et, C-342/93, Ġabra p. I-475, punt 20; tat-30 ta’ Marzu 2004, Alabaster, C-147/02, Ġabra p. I-3101, punt 46; u Gassmayr, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 82.
( 22 ) Sentenza Gassmayr (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 88).
( 23 ) Sentenza Gassmayr (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 86).
( 24 ) Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Parviainen, C-471/08, Ġabra p. I-6533, punt 51.
( 25 ) Sentenza Boyle et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 36).
( 26 ) Sentenza Gassmayr (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 90): Meta sistema ta’ remunerazzjoni stabbilita minn leġiżlazzjoni nazzjonali taqbeż l-protezzjoni minima stabbilita mid-direttiva, l-esklużjoni ta’ ċerti elementi tar-remunerazzjoni mill-kalkolu tad-dħul dovut matul il-leave ma jmurx kontra d-Direttiva 92/85.
( 27 ) Sentenza Alabaster (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 44).
( 28 ) Ara s-sentenzi Gillepsie et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 6); Boyle et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 39) u Alabaster (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 45).
( 29 ) Ara l-formulazzjonijiet adottati fis-sentenzi Gillespie (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 17); Boyle et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 40); Alabaster (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 46); tat-8 ta’ Settemnbru 2005, McKenna (C-191/03, Ġabra p. I-7631, punt 50) u Parviainen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 40).
( 30 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza Lewan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 35).
( 31 ) Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Gómez-Limón Sánchez-Camacho, C-537/07, Ġabra p. I-6525, punt 54.
( 32 ) Sentenza tat-12 ta’ Lulju 1984, Hofmann, 184/83, Ġabra p. 3047, punt 28.
( 33 ) Sentenza tat-8 ta’ Novembru 1990, Dekker, C-177/88, Ġabra p. I-3941.
( 34 ) Sentenza McKenna (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29).
( 35 ) Sentenza tat-30 ta’ April 1998, Thibault, C-136/95, Ġabra p. I-2011.
( 36 ) Sentenza tas-16 ta’ Frar 2006, Sarkatzis Herrero, C-294/04, Ġabra p. I-1513.
( 37 ) Sentenza tas-27 ta’ Frar 2003, Busch, C-320/01, Ġabra p. I-2041.
( 38 ) Sentenza tal-14 ta’ Frar 1994, Webb, C-32/93, Ġabra p. I-3567.
( 39 ) Sentenza Parviainen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24).
( 40 ) Sentenza Boyle et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20).
( 41 ) Sentenza Alabaster (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 50 u d-dispożittiv).
( 42 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17. Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE sussegwenti, tat-8 ta’ Marzu 2010, li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU L 68, p. 13) ma tapplikax kronoloġikament f’din il-kawża, ara l-Artikolu 4: “Id-Direttiva 96/34/KE għandha titħassar b’effett mit-8 ta’ Marzu 2012.” Il-leave parentali inkwistjoni f’dawn il-kawżi ttieħed qabel din id-data.
( 43 ) Sentenza Kiiski (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 20).
( 44 ) Konklużjonijiet ippreżentati fis-7 ta’ Lulju 2010 fil-kawża Chatzi, punt 56 (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2010, Chatzi, C-149/10, Ġabra p. I-8489).
( 45 ) Sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, punt 49): “Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas mogħti mid-dritt nazzjonali jvarja skont l-oriġini tal-assenza tal-ħaddiem għal raġuni ta’ saħħa, kemm-il darba dan il-leave ikun dejjem marbut ma’ perijodu itwal jew ugwali għall-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.”
( 46 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Meerts, C-116/08, Ġabra p. I-10063, punt 43.
( 47 ) Sentenza Gómez-Limón Sánchez-Camacho (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 39).
( 48 ) Sentenza Gómez-Limón Sánchez-Camacho (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 40).
( 49 ) Direttiva 2010/18 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42).
( 50 ) Ara l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2010/18.
( 51 ) Il-klawżola 2.4 tad-Direttiva 96/34 għandha bħala għan uniku l-protezzjoni kontra t-tkeċċija.
Full & Egal Universal Law Academy