KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ppreżentati fit-30 ta’ Jannar 2013 ( 1 )
Kawża C‑526/11
IVD GmbH & Co. KG
vs
Ärztekammer Westfalen-Lippe
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vergabesenat tal-Oberlandesgericht Düsseldorf – Vergabesenat (il-Ġermanja)]
“Kuntratti pubbliċi — Direttiva 2004/18/KE — Il-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(9) — Kunċetti ta’ “organu rregolat mid-dritt pubbliku” u ta’ finanzjament u kontroll mill-Istat — Kamra ta’ professjonisti awtorizzata bil-liġi biex tirċievi ħlasijiet mingħand il-membri tagħha, iżda li għandha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet”
I – Introduzzjoni
1.
Fit-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari, l-Oberlandesgericht Düsseldorf — Vergabesenat (Qorti kompetenti fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi tal-qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) (il-Ġermanja) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE ( 2 ), fir-rigward tal-kunċett ta’ “korp rregolati mil-liġi pubblika [organu rregolat mid-dritt pubbliku]”. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Ärztekammer Westfalen-Lippe (il-kamra tat-tobba ta’ Westphalie-Lippe, iktar ’il quddiem il-“kamra tat-tobba”), hijiex organu rregolat mid-dritt pubbliku u, għaldaqstant, awtorità kontraenti fis-sens ta’ dik id-Direttiva.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
2.
Skont it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18:
“Korp rregolati bil-liġi pubblika tfisser kull korp:
a)
stabbilit għall-għan speċifiku li jilħaq il-bżonnijiet fl-interess pubbliku, li m’għandhomx karattru industrijali jew kummerċjali;
b)
li għandhom personalità legali; u
c)
ffinanzjati, mill-biċċa l-kbira, mill-Istat, reġjonali jew awtoritajiet lokali, jew korpi oħra rregolati mill-liġi pubblika; jew suġġetti għas-supervizzjoni manigerjali minn dawk il-korpi; jew għandhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li iktar minn nofs il-membri tagħhom huma appuntati mill-autoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati bil-liġi pubblika.
Lista ta’ korpi li m’humiex eżawrjenti u kategoriji ta’ korpi rregolati bil-liġi pubblika li jissodisfaw il-kriterja riferuta fil-(a), (b) u (c) tat-tieni subparagrafu huma mniżżla fl-Anness III. […]”
3.
Fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-imsemmi anness jirreferi għall-assoċjazzjonijiet professjonali, u fosthom l-assoċjazzjonijiet tat-tobba, fost l-awtoritajiet maħluqa mill-Istat, il-Länder jew l-awtoritajiet lokali (parti III, kategorija 1.1, it-tieni inċiż).
B – Id-dritt Ġermaniż
4.
L-Artikolu 6(1), punti 1 sa 5, tal-liġi dwar il-professjonijiet tas-saħħa tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen (Heilberufsgesetz des Landes Nordrhein-Westfalen, iktar ’il quddiem il-“HeilBerG NRW”) jistabbilixxi b’mod ġenerali l-funzjonijiet tal-imsemmija professjonijiet, inkluż fosthom tal-kamra tat-tobba.
5.
Skont dik id-dispożizzjoni, dawn il-professjonijiet għandhom b’mod partikolari l-funzjoni li jsostnu s-servizz pubbliku tas-saħħa u s-servizz pubbliku veterinarju, li jagħtu pariri fuq talba tal-awtorità superviżorja, li jiżguraw servizz ta’ urġenza medika u dentali barra mill-ħinijiet tal-konsultazzjoni, li jiżguraw il-pubbliċità u jiddefinixxu l-proċeduri ta’ organizzazzjoni, li jiżguraw u jippromwovu t-taħriġ professjonali tal-membri kif ukoll li jiżguraw u jippromwovu l-kwalità tas-servizzi tas-saħħa u dawk veterinarji.
6.
Barra minn hekk, jirriżulta mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-HeilBerG NRW tagħti lill-kamra tat-tobba, sabiex tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet attribwiti lilha, id-dritt li tiġbor ħlasijiet mingħand il-membri tagħha [l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(4)], tipprovdi li l-ammont tal-ħlasijiet għandu jiġi ffissat minn regolament adottat mil-laqgħa ta’ dik l-assoċjazzjoni [Artikolu 23(1)] u tissuġġetta dak ir-regolament għall-approvazzjoni ta’ awtorità superviżorja [Artikolu 23(2)], b’dik l-approvazzjoni intiża unikament biex tiżgura l-bilanċ baġitarju ta’ dik l-assoċjazzjoni.
III – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
7.
Il-kamra tat-tobba nediet sejħa pubblika għall-offerti għall-istampar u l-impustar tal-ittra ta’ informazzjoni tagħha kif ukoll il-ħruġ ta’ avviżi u l-bejgħ ta’ abbonamenti, bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ sejħa għall-offerti fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-5 ta’ Novembru 2010. Wara li ġew eliminati żewġ offerenti oħrajn, l-għażla kellha ssir bejn IVD GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “IVD”) u WWF Druck + Medien GmbH, u finalment ġiet aċċettata l-offerta ta’ din tal-aħħar.
8.
IVD ikkontestat l-għoti ta’ dan il-kuntratt permezz ta’ oppożizzjoni, u sussegwentement b’rikors quddiem il-Vergabekammer (Qorti kompetenti tal-Bundeskartellamt fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi), fejn sostniet li l-offerent rebbieħ ma kienx ippreżenta ċerti referenzi meħtieġa mill-awtorità kontraenti. Ir-rikors tagħha ġie miċħud minn din l-awtorità, li ġġudikatu infondat.
9.
Il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Oberlandesgericht Düsseldorf – Vergabesenat, li ħadet konjizzjoni tal-kawża fl-istadju tal-appell, iddeċiediet li tissolleva ex officio l-kwistjoni tal-kwalità tal-kamra tat-tobba bħala awtorità kontraenti, kwistjoni li fuqha tiddependi l-ammissibbiltà tar-rikors imressaq minn IVD.
10.
Dik il-qorti tikkunsidra li l-funzjonijiet mogħtija lil dik l-assoċjazzjoni mill-punti 1 sa 5 tal-Artikolu 6(1) tal-HeilBerG NRW, huma funzjonijiet “ta’ interess ġenerali u mhux ta’ natura industrijali jew kummerċjali”. Hija tirrileva wkoll li dik l-assoċjazzjoni għandha personalità ġuridika. B’hekk, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-kundizzjonijiet li jidhru fil-punti (a) u (b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 huma sodisfatti.
11.
Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi jekk id-dritt tal-kamra tat-tobba li tirċievi ħlasijiet mingħand il-membri tagħha, jikkostitwixxix finanzjament statali indirett li jissodisfa l-kundizzjoni stipulata fil-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18.
12.
Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-HeilBerG NRW ma tiffissax l-ammont tal-ħlasijiet miġbura mill-kamra tat-tobba u lanqas ma tiddetermina l-grad u l-modalitajiet tal-eżekuzzjoni tal-missjonijiet assenjati lilha b’tali mod li dik l-assoċjazzjoni tista’ tiffissa l-ammont tal-ħlasijiet biss fi ħdan qafas strett. Għall-kuntrarju, peress li għandha diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tat-twettiq tal-funzjonijiet tagħha, l-assoċjazzjoni għandha diskrezzjoni wiesgħa biex tiddetermina l-bżonnijiet tagħha ta’ finanzjament, u b’hekk fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet. Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li, għalkemm teżisti sistema ta’ approvazzjoni mill-awtorità superviżorja, dik l-approvazzjoni hija intiża unikament biex tiżgura l-ekwilibriju tal-baġit tal-kamra tat-tobba.
13.
Fir-rigward ta’ dawn l-elementi speċifiċi kif ukoll tas-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2007, Bayerischer Rundfunk et ( 3 ), u tal-11 ta’ Ġunju 2009, Hans & Christophorus Oymanns ( 4 ), dik il-qorti tistaqsi jekk il-karatteristiċi rrilevati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawk is-sentenzi humiex indispensabbli sabiex tiġi sodisfatta l-kundizzjoni ta’ finanzjament statali indirett.
14.
F’dan il-kuntest, l-Oberlandesgericht Düsseldorf – Vergabesenat iddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni u li tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Korp irregolat bid-dritt pubbliku [Organu rregolat mid-dritt pubbliku] (hawnhekk: kamra ta’ professjonisti), fis-sens tal-punt ċ tat-tieni inċiż tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE […], huwa ‘[ffinanzjat] mill-biċċa l-kbira, mill-Istat’ jew ‘suġġetti għas-superviżjoni manigerjali’ mill-Istat:
—
meta l-liġi tawtorizza lill-korp [organu] inkwistjoni li jiġbor miżata mingħand il-membri tiegħu, mingħajr ma jiffissa l-ammont u lanqas ma jippreċiża l-portata tal-benefiċċji li dan huwa intiż li jiffinanzja,
—
iżda li l-iskala ta’ ħlasijiet ta’ taxxi u ta’ drittijiet għandha tiġi approvata mill-Istat?”
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
15.
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet mill-IVD, mill-kamra tat-tobba, mill-Gvern Ċek kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.
16.
Il-kamra tat-tobba u l-Kummissjoni nstemgħu fis-seduta tat-8 ta’ Novembru 2012.
V – Analiżi ġuridika
A – Il-portata tad-domanda preliminari
17.
L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Anness III tad-Direttiva 2004/18 isemmi l-kmamar Ġermaniżi tat-tobba fost l-awtoritajiet kontraenti li jitqiesu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet bażilari tal-imsemmija Direttiva ( 5 ).
18.
Dan b’hekk jinkludi l-kamra tat-tobba inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
19.
Għalkemm id-domanda mqajma mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18, indirettament din tpoġġi inkwistjoni l-validità tal-inklużjoni tal-imsemmija kamra fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva.
20.
Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża fis-sentenza Hans & Christophorus Oymanns, iċċitata iktar ’il fuq, l-inklużjoni ta’ organu fl-Anness III tad-Direttiva 2004/18 tikkostitwixxi unikament preżunzjoni sempliċi jew konfutabbli li dak l-organu huwa awtorità kontraenti, għall-finijiet ta’ dik id-Direttiva, b’mod li l-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura l-koerenza interna tal-att tal-Unjoni inkwistjoni, billi tivverifika jekk dik l-inklużjoni ssarrafx f’applikazzjoni korretta tal-kriterji bażiċi ddefiniti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 ( 6 ) ( 7 ).
21.
Effettivament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tenfasizza li d-Direttiva 2004/18 tinkludi kemm regoli sostantivi, bħat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(9) ta’ din id-direttiva, li jistipula l-kundizzjonijiet li organu għandu jissodisfa sabiex jiġi kkunsidrat bħala awtorità kontraenti fis-sens ta’ din id-direttiva, u regoli li jimplementaw dawn ir-regoli sostantivi, bħall-inklużjoni, fl-Anness III tal-istess direttiva, ta’ lista mhux eżawrjenti ta’ organi pubbliċi meqjusa li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet ( 8 ).
22.
Għaldaqstant, ir-risposta li ser tingħata għad-domanda preliminari ser tippermetti wkoll li jiġi ddeterminat jekk kienx korrett li l-kmamar Ġermaniżi tat-tobba, inkwantu jinkludu l-kamra tat-tobba inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tniżżlu fl-Anness III tad-Direttiva 2004/18.
23.
Dan premess, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li t-tlett kriterji ffissati mill-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 huma ta’ natura kumulattiva ( 9 ). B’mod li entità tikkostitwixxi organu rregolat mid-dritt pubbliku, suġġetta għall-proċeduri tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi, meta dik l-entità tkun inħolqot bl-għan speċifiku li taqdi l-bżonnijiet fl-interess ġenerali, mingħajr ma tkun ta’ natura industrijali jew kummerċjali [punt (a)]; ikollha personalità ġuridika [punt (b)]; u meta l-attività tagħha tkun iffinanzjata, mill-biċċa l-kbira, mill-Istat, awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew organi oħra rregolati mid-dritt pubblik; jew tkun suġġetta għal superviżjoni maniġerjali minn dawk l-organi; jew ikollha bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li iktar minn nofs il-membri tagħhom inħatru mill-awtoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, jew minn organi oħra rregolati mil-liġi pubblika [punt (c)].
24.
Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (a) u (b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 huma sodisfatti f’din il-kawża ( 10 ).
25.
Fit-tieni lok, għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni t-tliet kriterji alternattivi stabbiliti mill-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18.
26.
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tidher li kkunsidrat li la l-aħħar wieħed minn dawn il-kriterji, jiġifieri dak li huwa essenzjalment marbut mal-ħatra mill-awtoritajiet pubbliċi tal-maġġoranza tal-membri ta’ wieħed mill-organi tal-entità, u lanqas it-tieni wieħed, relatat mal-kontroll tal-ġestjoni tal-entità mill-imsemmija awtoritajiet pubbliċi, ma huma sodisfatti f’din il-kawża.
27.
Madankollu għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-kriterju marbut mal-kontroll mill-awtoritajiet pubbliċi tal-ġestjoni tal-organu, li għalkemm it-test tad-domanda preliminari rrinvjata lill-Qorti tal-Ġustizzja jsemmi dan il-kriterju, il-qorti tar-rinviju ma pprovdiet ebda raġuni li tispjega d-dubji li jista’ jkollha dwar l-applikazzjoni tiegħu f’din il-kawża.
28.
Din l-inċertezza għandha raġonevolment twassal biex wieħed jassumi li l-qorti tar-rinviju donnha teskludi l-applikazzjoni tal-imsemmi kriterju fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, kif irrilevaw il-kamra tat-tobba u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub rispettivi tagħhom, fid-dawl tal-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-ipoteżi ta’ kontroll tal-ġestjoni ta’ dik il-kamra għandha tiġi eliminata. Effettivament, waqt li l-eżistenza ta’ tali kontroll għandu jippermetti li jiġu influwenzati d-deċiżjonijiet dwar il-kuntratti pubbliċi tal-organu li jkun suġġett għal dak il-kontroll, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huwa eskluż li jiġi kkunsidrat li l-kriterju ta’ kontroll tal-ġestjoni huwa sodisfatt fl-ipoteżi ta’ sempliċi kontroll a posteriori ( 11 ). F’kull probabbiltà, jidher li din hija n-natura tal-kontroll tal-legalità, bi dritt għall-informazzjoni, eżerċitat fuq il-kamra tat-tobba mill-awtorità superviżorja, b’mod konformi mal-Artikolu 28(1) tal-HeilBerG NRW ( 12 ).
29.
Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, jidhirli li ma hemmx lok li nkomplu nitrattaw il-kwistjoni dwar jekk huwiex sodisfatt il-kriterju ta’ kontroll tal-ġestjoni mill-awtoritajiet pubbliċi tal-organu inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
30.
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi vverifikat jekk il-kriterju dwar il-finanzjament mill-biċċa l-kbira mill-awtoritajiet pubbliċi huwiex sodisfatt f’din il-kawża.
B – Fuq il-kriterju ta’ finanzjament mill-biċċa l-kbira mill-awtoritajiet pubbliċi
31.
Infakkar li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk huwiex sodisfatt il-kriterju ta’ finanzjament mill-biċċa l-kbira mill-awtoritajiet pubbliċi, previst fil-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18, meta kamra professjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkun iffinanzjata (mill-biċċa l-kbira) ( 13 ) bil-ħlasijiet tal-membri tagħha, meta l-liġi tkun tawtorizzaha li tirċievi dawk il-ħlasijiet, iżda mingħajr ma tiffissa l-ammont u mingħajr ma tippreċiża l-portata tas-servizzi li din hija intiża biex tiffinanzja.
32.
Fl-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom, il-kamra tat-tobba kif ukoll ir-Repubblika Ċeka jipproponu li tingħata risposta negattiva għal din id-domanda, waqt li l-Kummissjoni hija tal-fehma opposta.
33.
Kif spjegat f’aktar dettall fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tibbaża b’mod partikolari fuq l-argument li sempliċi “prossimità” mal-awtoritajiet statali hija biżżejjed sabiex ikun sodisfatt il-kriterju ta’ finanzjament mill-biċċa l-kbira mill-awtoritajiet pubbliċi.
34.
Huwa minnu, u jiena naqbel perfettament, li b’mod partikolari fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ din l-espressjoni, għandha ssir referenza għall-objettiv tad-Direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, u b’mod partikolari dak li jiġu esklużi kemm ir-riskju li tingħata preferenza lill-offerenti jew kandidati nazzjonali meta jingħata xi kuntratt mill-awtoritajiet kontraenti kif ukoll il-possibbiltà li xi organu ffinanzjat jew ikkontrollat mill-Istat, minn awtoritajiet territorjali jew minn organi oħrajn rregolati mid-dritt pubbliku jkun iggwidat minn kunsiderazzjonijiet oħrajn għajr dawk ta’ natura ekonomika ( 14 ).
35.
B’hekk, il-kunċett ta’ “awtorità kuntrattwali [kontraenti]”, inkluż dak ta’ “korp irregolat mil-liġi pubblika [organu rregolat mid-dritt pubbliku]”, għandhom jingħataw interpretazzjoni funzjonali, billi jitqies l-objettiv li jitneħħew l-ostakli għall-moviment liberu tas-servizzi u l-merkanzija kif ukoll għall-ftuħ ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni u kemm jista’ jkun wiesa’ fi ħdan l-Istati Membri ( 15 ).
36.
L-approċċ sostnut mill-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-objettivi segwiti mid-Direttiva 2004/18, b’hekk jista’ jwassal għal interpretazzjoni flessibbli jew wiesgħa tar-rabta li tgħaqqad lill-awtoritajiet pubbliċi mal-organu li l-finanzjament tiegħu — u b’hekk l-istatus ta’ “awtorità kuntrattwali [kontraenti]” — ikun inkwistjoni.
37.
Madankollu ma għandux jintesa l-fatt li jirriżulta mill-ġurisprudenza li t-tlett kriterji alternattivi li jinsabu fil-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18, huma ppreżentati bħala wieħed minn tliet varjanti ta’ “dipendenza stretta” fir-rigward ta’ awtorità kontraenti oħra, jiġifieri l-Istat, l-awtoritajiet territorjali jew organi oħrajn irregolati mid-dritt pubbliku ( 16 ).
38.
Interpretazzjoni wiesgħa żżejjed tat-tliet kriterji elenkati f’dik id-dispożizzjoni toħloq ir-riskju mhux biss li tiġi żnaturata n-neċessità li tintwera l-eżistenza ta’ dipendenza stretta tal-organu inkwistjoni fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi, iżda tneħħi wkoll l-effett utli taż-żewġ kriterji l-oħrajn stipulati fl-imsemmi Artikolu.
39.
B’hekk, ma nistax naqbel mal-interpretazzjoni wiesgħa b’mod sproporzjonat tal-kriterju ta’ finanzjament mill-biċċa l-kbira mill-awtoritajiet pubbliċi, kif issostni l-Kummissjoni, li jassimila d-“dipendenza stretta” ma sempliċi “prossimità” tal-organu inkwisjtoni mal-awtoritajiet pubbliċi.
40.
L-esklużjoni tal-interpretazzjoni wiesgħa żżejjed kif issostni l-Kummissjoni jidhirli li hija wisq aktar iġġustifikata peress li din il-kawża, bl-istess mod bħall-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bayerischer Rundfunk et u Hans & Christophorus Oymanns, tqajjem il-kwistjoni delikata ta’ finanzjament indirett mill-awtoritajiet pubbliċi u tal-limiti tal-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.
41.
Effettivament, abbażi tal-konstatazzjoni li l-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 ma jippreċiżax il-modalitajiet li abbażi tagħhom għandu jsir il-finanzjament inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat b’mod partikolari f’dawn iż-żewġ sentenzi li dik id-dispożizzjoni ma teħtieġx li l-attività tal-organi kkunsidrati tkun iffinanzjata direttament mill-Istat jew minn entità pubblika oħra, b’hekk li mod ta’ finanzjament indirett huwa suffiċjenti f’dan ir-rigward ( 17 ).
42.
Waqt li f’kull waħda minn dawn iż-żewġ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-organi inkwistjoni kienu effettivament iffinanzjati indirettament mill-awtoritajiet pubbliċi, iċ-ċirkustanzi preċiżi u rilevanti li wasslu għal dik il-konstatazzjoni huma dibattuti apertament f’din il-kawża bejn il-kamra tat-tobba u r-Repubblika Ċeka, minn naħa waħda, u l-Kummissjoni, min-naħa l-oħra.
43.
Dawn jimmeritaw ċerta attenzjoni.
44.
Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Bayerischer Rundfunk et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija dwar il-kwistjoni jekk l-organi pubbliċi tax-xandir fil-Ġermanja kinux jikkostitwixxu awtoritajiet kontraenti, waqt li l-attività tagħhom kienet iffinanzjata fil-biċċa l-kbira mil-liċenzji tat-televiżjoni li kellhom jitħallsu mill-individwi li għandhom apparat li jirċievi s-sinjali televiżivi.
45.
F’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-liċenzja tat-televiżjoni kienet issib l-oriġini tagħha fit-trattat tal-Istat dwar ix-xandir, jiġifieri f’att tal-Istat, u ma kinitx tirriżulta minn tranżazzjoni kontraenti konkluża bejn dawk l-organi u l-konsumaturi ( 18 ). L-ammont tal-ħlas kien iffissat minn deċiżjoni formali tal-parlamenti u tal-gvernijiet tal-Länder, adottata fuq il-bażi ta’ rapport miktub minn kummissjoni indipendenti ta’ esperti inkarigata biex teżamina l-estimi tal-bżonnijiet finanzjarji ddikjarati minn dawk l-organi. Il-parlamenti u l-gvernijiet ma setgħux imorru kontra dawk ir-rakkomandazzjonijiet, ħlief għal raġunijiet elenkati b’mod eżawrjenti ( 19 ).
46.
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, anki fl-ipoteżi li l-parlamenti u l-gvernijiet tal-Länder għandhom isegwu ir-rakkomandazzjonijiet mingħajr bidliet, xorta jibqa’ l-fatt li dan il-mekkaniżmu ta’ iffissar tal-ammont tal-ħlas tal-liċenzji huwa stabbilit mill-Istat, li kien ittrasferixxa prerogattivi ta’ awtorità pubblika lil kummissjoni ta’ esperti ( 20 ).
47.
Fir-rigward tal-modalitajiet tal-ġbir tal-ħlas, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li jirriżulta mit-trattat tal-Istat li dak il-ġbir isir permezz ta’ aggruppament stabbilit taħt id-dritt pubbliku, li l-missjoni tiegħu hija l-irkupru u l-iffatturar tal-ħlas, li jaġixxi f’isem l-organi tax-xandir pubbliċi, permezz ta’ avviż tat-taxxa ( 21 ). Bl-istess mod, f’każ ta’ dewmien fil-ħlas, l-avviżi ta’ tfakkir jagħmlu parti minn proċedura eżekuttiva b’mezzi amministrattivi, permezz tal-possibbiltà li jintużaw mezzi ta’ infurzar eżekuttiv fuq talba tal-organu tax-xandir ikkonċernat, b’mod li l-organi inkwistjoni jgawdu minn prerogattivi ta’ setgħa pubblika ( 22 ).
48.
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li għalkemm l-Istat jagħti lill-imsemmija organi d-dritt li jirċievu huma stess il-ħlas, il-fatt li l-oriġini tal-finanzjament tinsab f’att tal-Istat, kif ukoll il-fatt li huwa ggarantit mill-Istat u żgurat b’mezz ta’ impożizzjoni u ġbir li jaqa’ taħt il-prerogattivi tas-setgħa pubblika, jissodisfa l-kundizzjoni ta’ “finanzjament mill-Istati” għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 23 ).
49.
Fit-tieni sentenza ċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri s-sentenza Hans & Christophorus Oymanns, li barra minn hekk kienet tirrigwarda wkoll lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-qorti nazzjonali staqsiet b’mod partikolari jekk fir-rigward tal-mod ta’ finanzjament tagħhom, il-fondi pubbliċi ta’ assigurazzjoni tas-saħħa setgħux jitqiesu li huma ffinanzjati mill-biċċa l-kbira mill-Istat fis-sens tal-punt (c), tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18.
50.
Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ir-risposta negattiva tagħha fuq erba’ kunsiderazzjonijiet.
51.
Fl-ewwel lok, hija rrilevat li l-finanzjament tal-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa kien iggarantit fil-biċċa l-kbira tiegħu minn ħlasijiet obbligatorji tal-persuni assigurati li tħallsu mingħajr l-għoti ta’ servizz speċifiku, peress li l-persuni assigurati kienu obbligati bil-liġi li jħallsu l-kontribuzzjoni bis-sempliċi fatt li kienu assigurati, li kien ukoll impost bil-liġi ( 24 ).
52.
Fit-tieni lok, u waqt li b’differenza mill-kawża li tat lok għas-sentenza Bayerischer Rundfunk et, iċċitata iktar ’il fuq, ir-rata tal-ħlasijiet kienet iffissata mill-fondi nfushom, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali li l-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ dawk il-fondi tnaqqset estremament f’dan ir-rigward inkwantu dawn kellhom il-kompitu li jipprovdu s-servizzi previsti mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali. B’hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-benefiċċji u l-ispiża relatata magħhom kienu imposti bil-liġi u peress li l-imsemmija fondi operaw mingħajr skop ta’ lukru, ir-rata tal-kontribuzzjonijiet għandha tiġi stabbilita b’tali mod li d-dħul li jirriżulta minnha la jkun inqas u lanqas iktar mill-ispiża ( 25 ).
53.
Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-iffissar tar-rati tal-ħlasijiet mill-fondi pubbliċi ta’ assigurazzjoni tas-saħħa ħtieġ, fi kwalunkwe każ, l-awtorizzazzjoni tal-awtorità superviżorja ta’ kull waħda minnhom b’mod li dik ir-rata kienet sa ċertu punt imposta legalment, waqt li d-dħul l-ieħor (ħlasijiet diretti mill-awtoritajiet federali) kien mingħajr ebda dubju finanzjament dirett mill-Istat ( 26 ).
54.
Finalment, fir-raba’ lok, għal dak li jirrigwarda l-impożizzjoni tal-ħlasijiet u tal-irkupru tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li din tal-ewwel saret mingħajr ebda possibbiltà ta’ intervent tal-persuna assigurata waqt li t-tieni waħda saret ukoll b’mod obbligatorju, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt pubbliku ( 27 ).
55.
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-fondi pubbliċi ta’ assigurazzjoni tas-saħħa b’hekk kienu, għalkemm essenzjalment indirettament, fil-biċċa l-kbira ffinanzjati mill-awtoritajiet pubbliċi.
56.
X’nistgħu niddeduċu minn dawn iż-żewġ sentenzi?
57.
Fl-ewwel lok, huwa perfettament ċar li, biex jiġi kkonstatat li organu huwa ffinanzjat, b’mod indirett, mill-biċċa l-kbira mill-awtoritajiet pubbliċi, il-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi skont metodu ta’ “medda ta’ indizzji”.
58.
Dawn l-indizzji jistgħu, fil-fehma tiegħi, jiġu elenkati skont kif ġej. Fl-ewwel lok, jirrigwardaw l-oriġini pubbliku u vinkolanti tar-riżorsa inkwistjoni; sussegwentement, in-natura awtoritarja tal-ġbir tagħha mingħand il-persuni suġġetti għaliha u l-modalitajiet tal-iffissar tagħha kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-portata u l-intensità tal-kontroll li jsir fuq dawn tal-aħħar mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ superviżjoni; u finalment, il-prerogattivi tal-awtorità pubblika mogħtija lill-organi inkwisjtoni sabiex jiġi żgurat l-irkupru ta’ dik ir-riżorsa.
59.
Fit-tieni lok, jibqgħu mhux ippreċiżati l-kwistjonijiet dwar jekk il-preżenza ta’ kull wieħed minn dawn l-indizzji għandhiex tiġi kkonstatata f’sitwazzjoni partikolari u x’inhu l-piż relattiv li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil kull wieħed minnhom.
60.
Ir-risposta għal dawn id-domandi, fil-fehma tiegħi, għandha tinsab parzjalment fin-neċessità li tiġi kkonstatata “dipendenza stretta” tal-organu inkwistjoni fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi.
61.
Jidhirli li, fir-rigward tal-indizzji spjegati fil-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tali dipendenza stretta hija nieqsa fi ħdan l-organu inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
62.
Fl-ewwel lok, huwa minnu li hija l-HeilBerG NRW, jiġifieri l-liġi ta’ Land Ġermaniż, li tagħti lill-kamra tat-tobba d-dritt li tiġbor il-ħlas għall-finijiet li tiżgura l-finanzjament tal-missjonijiet li hija telenka fl-Artikolu 6(1) tagħha. L-impożizzjoni ta’ dik il-kontribuzzjoni, kif jammettu l-partijiet interessati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija ta’ oriġini pubblika, f’dan il-każ infrastatali. Barra minn hekk, il-kontribuzzjoni titħallas mingħajr ma jingħata servizz speċifiku.
63.
Madankollu, kif ġie osservat ġustament mir-Repubblika Ċeka, għandu jiġi rrilevat li, b’differenza mill-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bayerischer Rundfunk et u Hans & Christophorus Oymanns, dik il-kontribuzzjoni ma tinġabarx mingħand terzi (persuni taxxabbli jew konsumaturi), iżda mingħand il-membri stess tal-organu inkwistjoni.
64.
F’dan ir-rigward, il-kompetenza mogħtija lill-kamra tat-tobba ma tidhirx li hija differenti minn dik li għandhom il-kmamar kollha tal-hekk imsejħa professjonijiet “irregolati” sabiex jiġi żgurat il-finanzjament tal-funzjonijiet tagħhom li huma, inter alia, li jiżguraw r-regoli deontoloġiċi u etiċi tal-professjoni, livell għoli ta’ għarfien speċjalizzat kif ukoll it-taħriġ professjonali tal-membri tagħhom u li jieħdu ħsieb ir-relazzjonijiet bejn dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, jikkonsisti wkoll f’dan it-tip ta’ missjonijiet li jissemma fl-Artikolu 6 tal-HeilBerG NRW u li għandu jiġi ffinanzjat permezz tal-kontribuzzjoni miġbura mill-kamra tat-tobba.
65.
Barra minn hekk, u fuq il-bażi ta’ raġunament analogu, ma nistax naqbel mal-argument tal-Kummissjoni li hemm trasferiment tal-prerogattiva ta’ setgħa pubblika lill-kamra tat-tobba fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet. Effettivament, mid-definizzjoni tagħha stess, prerogattiva ta’ setgħa pubblika hija eżerċitata fil-konfront ta’ persuna, fiżika jew ġuridika, li ma jkollha ebda kapaċità li tinfluwenza l-ammont tal-ħlas mitlub, bħall-persuni taxxabbli u l-konsumaturi li wasslu għall-kawżi ċċitati iktar ’il fuq Bayerischer Rundfunk et u Hans & Christophorus Oymanns.
66.
Huwa paċifiku li, fil-kawża prinċipali, l-ammont tal-ħlasijiet huwa deċiż mill-assemblea tal-kamra tat-tobba li fiha jipparteċipaw il-membri kollha maħtura bħala rappreżentanti li jipparteċipaw bi dritt ta’ vot u li, għaldaqstant, kull wieħed mill-membri jista’ jinfluwenza għall-inqas indirettament. Kieku wieħed kellu jsegwi l-argument tal-Kummissjoni, dan ikun ifisser li l-membri tal-kamra tat-tobba, li jagħmlu parti mill-assemblea ta’ dik il-kamra, jistgħu jittrasferixxu l-prerogattiva ta’ setgħa pubblika li għandha tiġi eżerċitata, paradossalment, fuqhom infushom ( 28 ).
67.
Sussegwentement, u dan il-punt huwa naturalment marbut mill-qrib ma’ dak ta’ qabel, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-kamra tat-tobba fir-rigward tal-kalkolu tal-ħlasijiet jidhirli li hija, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, element importanti fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ “dipendenza stretta” ta’ dak l-organu fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi.
68.
Effettivament, inkwantu, kif tammetti l-Kummissjoni, il-missjonijiet tal-kamra tat-tobba huma ddefiniti b’mod pjuttost wiesa’ u vag, l-awtonomija li għandu dak l-organu fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni tippermettilu wkoll li jevalwa b’ċerta libertà l-portata u l-modalitajiet tal-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet li huwa jkun fi grad li jiffinanzja ( 29 ). Bl-istess mod, dik l-entità tista’ tagħżel li tagħti prijorità lil jew li tiżviluppa funzjoni partikolari skont l-ammont tal-ħlasijiet li tkun iddeċidiet li tiffissa.
69.
B’hekk jirriżulta mill-HeilBerG NRW kif ukoll mill-indikazzjonijiet tal-kamra tat-tobba fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-awtorità superviżorja ma għandha ebda setgħa ta’ intervent fir-rigward tal-ammont tal-ħlas mħallas mill-assemblea ta’ dak l-organu. Effettivament, l-unika kompetenza li dik l-awtorità teżerċita f’dan ir-rigward tinsab fil-kontroll legali tal-ekwilibriju baġitarju bejn id-dħul u l-ispejjeż li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-kamra tat-tobba.
70.
Din is-sitwazzjoni b’hekk tikkuntrasta ma’ dik fil-kawża li wasslet għas-sentenza Hans & Christophorus Oymanns, iċċitata iktar ’il fuq, fejn għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni “estremament imnaqqsa” fir-rigward tal-iffissar tar-rati tal-ħlasijiet tal-fondi pubbliċi ta’ assigurazzjoni tas-saħħa. Dik l-evalwazzjoni għandha, fil-fehma tiegħi, tinqara fid-dawl tal-punt 17 tal-istess sentenza li jistabbilixxi li dawk il-fondi kellhom jikkalkulaw il-ħlasijiet b’tali mod li, meta jiżdiedu ma’ riżorsi oħrajn, ikopru l-ispejjeż preskritti bil-liġi u jiggarantixxu li l-mezzi għall-operat u r-riżervi preskritti bil-liġi jkunu disponibbli.
71.
Jirriżulta mill-indikazzjonijiet, mogħtija mill-qorti tar-rinviju li l-kamra tat-tobba għandha diskrezzjoni importanti fir-rigward tal-portata tal-ispejjeż tagħha li huma ddeterminati skont il-modalitajiet magħżula minn dik il-kamra biex twettaq il-funzjonijiet tagħha, li, min-naħa l-oħra, huma ddefiniti mill-HeilBerG NRW b’mod pjuttost wiesa’ u vag.
72.
Barra minn hekk, fis-sentenza Hans & Christophorus Oymanns, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ dipendenza stretta tal-fondi pubbliċi ta’ assigurazzjoni tas-saħħa fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li dawn kienu ffinanzjati direttament mill-Istat, waqt li, fil-kawża prinċipali, ebda finanzjament ta’ dak it-tip ma huwa previst għall-benefiċċju tal-kamra tat-tobba.
73.
Barra minn hekk, jidher probabbli li, fir-rigward tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa li għandha l-kamra tat-tobba, il-membri tal-assemblea tagħha, jiġifieri r-rappreżentanti tal-membri li jħallsu, huma ggwidati b’kunsiderazzjonijiet essenzjalment ekonomiċi sabiex jistabbilixxu l-modalitajiet għat-twettiq tal-missjonijiet tagħhom u, b’hekk, sabiex jiddeterminaw l-ammont tal-ħlasijiet li l-membri tal-imsemmija kamra huma lesti li jħallsu ( 30 ).
74.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li tali organu ma jkunx dispost li jassumi spejjeż finanzjarji ogħla minn dawk imposti minn kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi meta jiddeċiedi li jirrikorri għas-suq, b’mod li rabta ta’ dipendenza stretta mal-Istat ma jidhirlix li hija prevedibbli, peress li huma l-membri stess li jiffissaw l-ammont tal-ħlasijiet li għandhom iħallsu.
75.
Finalment, fir-rigward tal-kompetenza tal-kamra tat-tobba li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ta’ natura interna, li tiffissa multi kontra l-membri tagħha li ma jirrispettawx l-obbligi legali jew statutarji tagħhom kif ukoll li tipproċedi għall-ġbir ta’ dik il-multa ( 31 ), għal darba oħra ma jidhirlix li dik l-attribuzzjoni hija wisq differenti minn dik mogħtija lill-kmamar professjonali fir-rigward tal-membri tagħhom, skont in-neċessità li jitħallew jagħmlu awtoregolamentazzjoni tal-professjoni li tagħha jiżguraw “l-ordni”.
76.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, nissuġġerixxi li r-risposta li tingħata għad-domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-fatt li att statali jawtorizza lil organu bħall-kamra tat-tobba li jimponi ħlas fuq il-membri tiegħu, mingħajr ma jiffissa l-ammont jew mingħajr ma jippreċiża l-portata tas-servizzi li din għandha tiffinanzja, ma hijiex suffiċjenti biex toħloq rabta ta’ dipendenza stretta mal-awtoritajiet pubbliċi fis-sens tal-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18.
77.
Għaldaqstant, wieħed jista’ jikkunsidra li l-preżunzjoni sempliċi ta’ rispett tal-kundizzjonijiet bażiċi previsti minn dik id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2004/18, li tirriżulta mill-inklużjoni tal-kamra tat-tobba inkwistjoni fil-kawża prinċipali fl-Anness III tal-imsemmija Direttiva, tista’ tiġi kkonfutata.
VI – Konklużjoni
78.
Fid-dawl ta’ dawn ir-raġunijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf – Vergabesenat:
“Il-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandu jiġi interpretat fis-sens li att statali li jawtorizza lil organu, bħall-Ärztekammer Westfalen-Lippe, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jimponi ħlas fuq il-membri tiegħu, mingħajr ma jiffissa l-ammont jew mingħajr ma jippreċiża l-portata tas-servizzi li din għandha tiffinanzja, ma hijiex kundizzjoni suffiċjenti sabiex toħloq rabta ta’ dipendenza stretta mal-awtoritajiet pubbliċi, li hija neċessarja sabiex ikun sodisfatt il-kriterju ta’ finanzjament tal-biċċa l-kbira mill-Istat, mill-awtoritajiet territorjali jew minn organi oħra rregolati mid-dritt pubbliku, previst mill-imsemmi Artikolu”.
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 06, Vol. 07, p. 132).
( 3 ) Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Bayerischer Rundfunk et (C-337/06, Ġabra p. I-11173).
( 4 ) Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Hans & Christophorus Oymanns (C-300/07, Ġabra p. I-4779).
( 5 ) Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha karatteristika partikolari meta mqabbla mal-Istati Membri l-oħra f’dak li jirrigwarda l-inklużjoni, taħt il-kategorija “awtorità”, tal-kmamar professjonali, inklużi l-kmamar tat-tobba.
( 6 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hans & Christophorus Oymanns, iċċitata iktar ’il fuq (punti 41 sa 47). Barra minn hekk, kif diġà ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali Mazák fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza, l-Istati Membri ma jistgħux jemendaw unilateralment l-Anness III tad-Direttiva 2004/18. Effettivament, jirriżulta mill-Artikolu 79 ta’ din id-Direttiva li l-Kummissjoni biss għandha l-poter li temenda “l-listi tal-korpi u kategoriji ta’ korpi [rregolati] mil-liġi pubblika fl-Anness III, meta, fuq il-bażi ta’ notifiki mill-Istati Membri, dawn jinstabu [li huma] neċessarji”.
( 7 ) Dan l-eżami mill-qorti tal-Unjoni jinftiehem ukoll fir-rigward tad-delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-validità ta’ att tal-Unjoni. Effettivament, għalkemm dawn tal-ewwel jistgħu, fil-prinċipju, jassumu responsabbiltà, it-tieni waħda hija min-naħa l-oħra l-unika waħda kompetenti biex tikkonstata l-invalidità ta’ tali att [ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest, C-143/88 u C-92/89, Ġabra p. I-415, punt 17, tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C-119/05, Ġabra p. I-6199, punt 53, u tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, (C-366/10, Ġabra p. I-13755, punti 47 u 48)].
( 8 ) Sentenza Hans & Christophorus Oymanns, iċċitata iktar ’il fuq (punt 45).
( 9 ) Sentenzi tal-15 ta’ Jannar 1998, Mannesmann Anlagenbau Austria et (C-44/96, Ġabra p. I-73, punt 21), tal-10 ta’ Novembru 1998, BFI Holding (C-360/96, Ġabra p. I-6821, punt 29), tal-10 ta’ Mejju 2001, Agorà u Excelsior (C-223/99 u C-260/99, Ġabra p. I-3605, punt 26), Bayerischer Rundfunk et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 48), kif ukoll tal-10 ta’ April 2008, Ing. Aigner (C-393/06, Ġabra p. I-2339, punt 36).
( 10 ) Fil-punti 7 sa 9 tal-osservazzjonijiet tagħha, ir-Repubblika Ċeka esprimiet dubji dwar il-fatt li l-kundizzjoni stabbilita fil-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 hija sodisfatta, u allegat b’mod partikolari li l-attivitajiet tal-kamra tat-tobba huma settorjali u ma għandhomx impatt ġenerali. Madankollu, din l-evalwazzjoni, li hija ta’ natura essenzjalment fattwali, taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju, li kif diġà ġie indikat, hija tal-fehma (ġustament) li, fir-rigward tal-funzjonijiet tal-kamra tat-tobba marbuta mas-saħħa pubblika, il-kundizzjoni li tidher fil-punt (a) hija sodisfatta.
( 11 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2003, Adolf Truley (C-373/00, Ġabra p. I-1931, punt 70).
( 12 ) Il-Kummissjoni tfakkar f’dan ir-rigward li l-Artikolu 28(1) tal-HeilBerG NRW għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 20(1) tal-liġi dwar l-organizzazzjoni amministrattiva tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen li jgħid li l-kontroll tal-awtoritajiet jirrigwarda l-konformità tal-missjonijiet imwettqa minn dawn tal-aħħar mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ kif ukoll mal-Artikolu 121 tal-kodiċi muniċipali tal-istess Land li jistabbilixxi li l-awtoritajiet superviżorji jistgħu f’kull mument jiksbu informazzjoni dwar l-affarijiet tal-awtoritajiet.
( 13 ) In-natura “maġġoritarja” tal-finanzjament tal-kamra tat-tobba permezz ta’ dawn il-ħlasijiet ġiet ikkonfermata mir-rappreżentant tal-imsemmija kamra fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod konformi mal-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bayerischer Rundfunk et iċċitata iktar ’il fuq, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), din il-kundizzjoni hija sodisfatta jekk aktar minn nofs id-dħul jiġi mir-riżorsa inkwistjoni.
( 14 ) Sentenza Bayerischer Rundfunk et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 15 ) Idem (punti 37 sa 39).
( 16 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Mannesmann Anlagenbau Austria et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 20); tat-3 ta’ Ottubru 2000, University of Cambridge (C-380/98, Ġabra p. I-8035, punt 20) u Bayerischer Rundfunk et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 53).
( 17 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bayerischer Rundfunk et (punti 34 u 49) u Hans & Christophorus Oymanns (punt 51).
( 18 ) Sentenza Bayerischer Rundfunk et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 41).
( 19 ) Ibidem (punt 42).
( 20 ) Ibidem (punt 43).
( 21 ) Ibidem (punt 44).
( 22 ) Ibidem (punt 44).
( 23 ) Ibidem (punti 47 u 48).
( 24 ) Sentenza Hans & Christophorus Oymanns, iċċitata iktar ’il fuq (punti 52 u 53).
( 25 ) Ibidem (punt 54).
( 26 ) Ibidem (punt 55).
( 27 ) Ibidem (punt 56).
( 28 ) Għall-kuntrarju tas-sitwazzjonijiet li wasslu għall-kawżi ċċitati iktar ’il fuq, Bayerischer Rundfunk et u Hans & Christophorus Oymanns, l-avviżi tal-ħlas maħruġa mill-kamra tat-tobba f’dan il-każ li, skont il-Kummissjoni, huma ekwivalenti għal ordnijiet ta’ rkupru, huma indirizzati lill-membri ta’ din l-ordni stess li stabbilixxew l-ammont tal-kontribuzzjonijiet inkwisjtoni u mhux lil terzi li ma għandhomx ebda influwenza fuq l-iffissar ta’ dak l-ammont.
( 29 ) Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-kamra tat-tobba ppreċiżat, bl-għajnuna ta’ eżempji, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha sabiex twettaq il-funzjonijiet tagħha. B’hekk, fir-rigward tal-funzjoni li tipprovdi informazzjoni lill-membri tagħha u lill-pubbliku dwar l-attivitajiet tal-kamra tat-tobba u fir-rigward tas-suġġetti relatati mal-professjoni li jagħmlu parti mill-funzjonijiet tal-kmamar, il-kamra tat-tobba stabbilixxiet, b’assoċjazzjoni mal-fondi tat-tobba ta’ Westfalen-Lippe, “ċentru ta’ konsulenza għall-pazjenti” li għandu tliet tobba u tliet aġenti amministrattivi. Il-lista li tidher fl-Artikolu 6(1) tal-HeilBerG NRW ma tipprevedix espressament il-ħolqien u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċentru ta’ konsulenza għall-pazjenti. Għaldaqstant, il-kamra tat-tobba għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tal-modalitajiet għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħha.
( 30 ) Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni, li jgħid li l-esklużività territorjali li għandha l-kamra tat-tobba għandha twassal biex tikkwalifikaha bħala awtorità kontraenti bil-għan li jitħeġġeġ il-ftuħ tas-suq, ma jidhirlix li hija rilevanti. Minbarra l-fatt li ma hijiex kriterju għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18, il-parteċipazzjoni tal-membri tal-kamra tat-tobba fid-definizzjoni tal-missjonijiet ta’ din tal-aħħar u fl-iffissar tal-kontribuzzjoni li timponi twassal lil dawk il-membri u b’hekk lill-Kamra nfisha biex jadottaw deċiżjonijiet fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet b’mod speċjali ta’ natura ekonomika meta tiddeċiedi li tirrikorri għas-suq.
( 31 ) Artikolu 58 tal-HeilBerG NRW.
Full & Egal Universal Law Academy