SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
12 ta’ Lulju 2012 ( *1 )
“Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura magħquda — Intestaturi tariffarji 3002 u 3502 — Albumina tad-demm ippreparata għal użi terapewtiċi jew profilattiċi — Ipproċessar tal-prodott”
Fil-Kawża C-291/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Ġunju 2011, fil-proċedura
Staatssecretaris van Financiën
vs
TNT Freight Management (Amsterdam) BV,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, G. Arestis (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
—
għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti,
—
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u L. Bouyon, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 14, p. 3, iktar ’il quddiem in-“NM”), u b’mod iktar partikolari, tan-Noti 1(g) tal-Kapitolu 30 u 1(b) tal-Kapitolu 35 tan-NM.
2
Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-kawża bejn Staatssecretaris van Financiën (Segretarju tal-Istat għall-Finanzi) u TNT Freight Management (Amsterdam) BV (iktar ’il quddiem “TNT”) dwar il-ħlas tad-dazji doganali mitluba lil TNT għall-importazzjoni ta’ albumina tad-demm.
Il-kuntest ġuridiku
Is-sistema armonizzata
3
Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u l-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni fuq is-SA”) ġew approvati f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987, dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti u tal-Protokoll li Jemendaha (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).
4
Skont l-Artikolu 3(1)(a) tal-Konvenzjoni fuq is-SA, kull parti kontraenti tintrabat li n-nomenklaturi tariffarji u tal-istatistika tagħha jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żieda jew modifika, kif ukoll il-kodiċijiet konnessi magħhom, u li ssegwi l-ordni numeriku ta’ din is-sistema. L-istess dispożizzjoni tipprovdi li kull parti kontraenti tintrabat ukoll li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA u li ma timmodifikax il-portata tagħhom.
5
Bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-SA, kumitat imsemmi “Kumitat tas-Sistema Armonizzata”, kompost mir-rappreżentanti ta’ kull parti kontraenti, twaqqaf fi ħdan il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali. Ix-xogħol tiegħu jikkonsisti, b’mod partikolari, f’li jipproponi emendi għall-imsemmija konvenzjoni u f’li jifformula noti ta’ spjega, opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni u opinjonijiet oħra dwar l-interpretazzjoni tas-SA.
6
In-nota ta’ spjega tas-SA li tikkonċerna l-intestatura 3002 tindika li din il-pożizzjoni tinkludi l-albumina tad-demm (pereżempju, l-albumina umana miksuba mit-tqassim tal-plażma ta’ demm uman) ippreparata għal skopijiet terapewtiċi jew profilattiċi u tippreċiża li l-albumina tad-demm li ma hijiex ippreparata għal dawn l-iskopijiet speċifiċi hija kklassifikata fl-intestatura 3502.
7
In-nota ta’ spjega tas-SA li tikkonċerna l-intestatura 3502 tindika, fil-punt 1 tagħha, li l-albumini kkonċernati f’din l-intestatura huma proteini tal-annimali jew veġetali li jintużaw b’mod partikolari fil-preparazzjoni ta’ adeżivi, ta’ ikel jew ta’ prodotti farmaċewtiċi. Minn din in-nota jidher ukoll li l-albumina tad-demm ippreparata għall-użi terapewtiċi jew profilattiċi hija eskluża mill-intestatura 3502.
In-nomenklatura magħquda
8
Ir-Regolament Nru 2658/87 introduċa n-NM, li tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt figuri tas-SA, peress li huma biss is-seba’ u t-tmien figuri li jifformaw is-subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha.
9
Għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, il-verżjonijiet applikabbli tan-NM huma dawk li jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001, tas-6 ta’ Awwissu 2001, li jemenda l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), (KE) Nru 1832/2002, tal-1 ta’ Awwissu 2002, li jemenda l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 (JO L 279, p. 1), u Nru 1789/2003. Għal dak li jikkonċerna l-kawża preżenti, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn it-tliet verżjonijiet huma identiċi.
10
Sabiex tiżgura, sa fejn huwa possibbli, applikazzjoni uniformi tat-Tariffa Doganali Komuni, l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali inkludiet fis-SA numru ta’ dispożizzjonijiet preliminari vinkolanti, li ġew riprodotti fuq livell tal-Unjoni fir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM. Dawn tal-aħħar, li jidhru fl-ewwel parti, Titolu I, Taqsima A, tan-NM jipprovdu:
“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin.
1.
It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin
[...]
6.
Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subintestatura ta’ intestatura għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subintestaturi u kwalunkwe noti ta’ subintestaturi relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kundizzjoni li subintestaturi fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitolu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor;”
11
It-tieni parti tan-NM tinkludi l-Kapitolu 30, intitolat “Prodotti farmaċewtiċi”, li jinkludi l-intestatura 3002, li taqra hekk:
“3002
Demm uman; demm ta’ annimali ppreparat għall-użi terapewtiċi, profilattiċi jew dijanjostiċi; antisera u frazzjonijiet oħrajn tad-demm u prodotti immunoloġiċi modifikati, miksubin permezz ta’ proċessi bijoteknoloġiċi jew le; vaċċini, tossini, kulturi ta’ mikro-organiżmi (ħlief ħmira) u prodotti simili:
3002 10
‐ Antisera u frazzjonijiet oħrajn tad-demm u prodotti immunoloġiċi modifikati, miksubin permezz ta’ proċessi bijoteknoloġiċi:
3002 10 10
‐ ‐ Antisera
‐ ‐ oħrajn:
3002 10 91
‐ ‐ ‐ Emoglobina, globulini tad-demm u globulini tas-serum
‐ ‐ ‐ oħrajn:
3002 10 95
‐ ‐ ‐ ‐ ta’ oriġini umana
3002 10 99
‐ ‐ ‐ ‐ oħrajn
3002 20 00
‐ Vaċċini għall-mediċina umana
3002 30 00
‐ Vaċċini għall-mediċina veterinarja
3002 90
‐ oħrajn:
3002 90 10
‐ ‐ Demm uman
3002 90 30
‐ ‐ Demm tal-annimali ppreparat għall-użi terapewtiċi, profilattiċi jew ta’ dijanjosi [...]”
12
Min-nota 1(g) tal-Kapitolu 30 tan-NM jirriżulta li din tal-aħħar ma tinkludix l-“albumina tad-demm mhux ippreparata għal użi terapewtiċi jew profilattiċi (titlu 3502)”.
13
L-intestatura 3502 tal-Kapitolu 35 tan-NM, intitolata “Sustanzi albuminojdali; lamti modifikati; kolol; enzimi”, taqra kif ġej:
“3502
Albumini (inklużi konċentrati ta’ iktar proteini tax-xorrox, li fihom bil-piż iktar minn 80 % ta’ proteini tax-xorrox, meqjusin fuq il-materjal xott), albuminati u derivattivi oħrajn ta’ albumina:
‐ Albumina tal-bajd:
[...]
3502 20
‐ Albumina tal-ħalib, inklużi konċentrati ta’ żewġ proteini jew iktar tax-xorrox:
[...]
3502 90
‐ oħrajn:
‐ ‐ Albumini, ħlief albumina tal-bajd u albumina tal-ħalib
3502 90 20
‐ ‐ ‐ Mhux tajbin, jew biex jingħamlu mhux tajbin, għall-konsum uman
3502 90 70
‐ ‐ ‐ oħrajn
[...]”
14
B’mod partikolari, min-nota 1(b) tal-Kapitolu 35 tan-NM jirriżulta li din tal-aħħar ma tinkludix il-“frazzjonijiet ta’ demm (ħlief l-albumina tad-demm mhux ippreparata għall-użi terapewtiċi jew profilattiċi), medikamenti jew prodotti oħrajn ta’ Kapitlu 30”.
15
Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni Ewropea għandha tadotta n-noti ta’ spjega tan-NM wara li dawn jiġu eżaminati mit-Taqsima tan-Nomenklatura tat-Tariffa u tal-Istatistika tal-Kumitat tal-Kodiċi tad-Dwana. Dawn in-noti ta’ spjega jinkludu l-indikazzjonijiet segwenti:
“3002 10 95 oħrajn
u
3002 10 99 Dawn is-subtitli jinkludu sera “normali”, plażma, fibrinoġena, fibrina u, sakemm dan kien preparat għal użi terapewtiċi jew profilattiċi, albumina tad-demm (eż., miksub mit-tqassim tal-plażma ta’ demm uman).
Albumin tad-demm mhux preparat għal użi terapewtiċi jew profilattiċi huma għalhekk esklużi (nota 1(g) għal dan il-kapitlu) (titlu 3502).”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
16
Matul is-snin 2002, 2003 u 2004, TNT ippreżentat numru ta’ dikjarazzjonijiet bil-għan tar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera ta’ merkanzija bl-isem “Bovuminar Cohn Fraction V ph. 7.0”. Din tikkonsisti f’albumina tad-demm, meħuda mid-demm tal-bovini u miksuba permezz tat-trasformazzjoni tal-plażma tad-demm b’żieda ta’ etanol u ta’ melħ u bl-adattazzjoni tal-grad ta’ aċidità (iktar ’il quddiem il-“prodott inkwistjoni”). Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, dan il-prodott ma huwiex adattat għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali. Dan jintuża bħala “bażi” għaċ-ċelloli u jikkostitwixxi wieħed mill-erbatax-il komponent fil-preparazzjoni ta’ ċerti proteini speċifiċi, imsejħa wkoll “antikorpi”, li jintużaw fit-trattament ta’ ċertu mard u kundizzjonijiet. Barra minn hekk, min din l-informazzjoni jirriżulta li l-prezz fis-suq tal-prodott imsemmi huwa ta’ madwar USD 600 kull kilo, filwaqt li dak tal-albumina tad-demm użata fl-industrija tal-ikel hija ta’ USD 6 kull kilo.
17
Fid-dikjarazzjonijiet tagħha, TNT kienet għażlet, f’dak li jikkonċerna l-prodott inkwistjoni, is-Subintestatura 3002 10 10 tan-NM, li b’konsegwenza rriżulta f’eżenzjoni mid-dazji doganali għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera tagħha.
18
Wara dikjarazzjoni magħmula fid-19 ta’ Diċembru 2004, ġie analizzat kampjun tal-imsemmi prodott. Mir-rapport stabbilit abbażi ta’ din l-analiżi jirriżulta li dan il-kampjun kien jikkonsisti f’albumina tad-demm ippreżentata f’forma ta’ trab ta’ kulur beige bil-qxur u ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li dan il-prodott ġie ppreparat għal skopijiet terapewtiċi jew profilattiċi. Skont dan ir-rapport, it-tikketta mwaħħla fuq dan il-prodott kienet turi li seta’ jintuża biss għal skopijiet ta’ riċerka u ta’ trasformazzjoni supplimentari u li ma kienx intenzjonat għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali. B’riżultat ta’ din l-analiżi, ġiet applikata s-subintestatura tariffarja 3502 90 70 tan-NM għall-prodott inkwistjoni u għalhekk TNT ġiet mitluba tħallas id-dazji doganali korrispondenti abbażi ta’ kont tat-taxxa tal-25 ta’ Lulju 2005.
19
Billi l-ilment imressaq kontra dan il-kont tat-taxxa ġie miċħud, TNT ippreżentat rikors quddiem ir-Rechtbank te Haarlem (Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Haarlem).
20
Din il-qorti ddikjarat ir-rikors fondat u annullat l-imsemmi kont tat-taxxa. L-awtorità doganali appellat mid-deċiżjoni tar-Rechtbank te Haarlem quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam (Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) li kkonfermat din id-deċiżjoni.
21
Il-Gerechtshof te Amsterdam qieset li l-użu tal-prodott inkwistjoni bħala “bażi” għall-koltivazzjoni ta’ ċelloli kienet inerenti għal dan il-prodott u li użu ieħor, anki li kieku kien possibbli, ma kienx ikun, fi kwalunkwe każ, ta’ natura u ta’ qies tali li jaffettwa l-klassifikazzjoni tal-imsemmi prodott fin-NM. Din il-qorti kkunsidrat li, għalkemm il-prodott inkwistjoni ma kellux fih innifsu effett terapewtiku jew profilattiku, kien essenzjali għall-produzzjoni tal-antikorpi, li kellhom effett terapewtiku, u li għalhekk kien ippreparat għall-użu terapewtiku, fis-sens tan-nota 1(g) tal-Kapitolu 30 tan-NM. Għalhekk, l-imsemmija qorti kkunsidrat li dan il-prodott kellu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 3002 90 tan-NM.
22
Id-deċiżjoni tal-Gerechtshof te Amsterdam kienet is-suġġet ta’ appell fuq punt ta’ liġi quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden. Skont din tal-aħħar, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-qasam hija kontradittorja. Minn naħa, ċerti sentenzi jindikaw li l-prodotti kklassifikati fil-Kapitolu 30 tan-NM kellhom ikollhom fihom infushom proprjetajiet mediċinali. Min-naħa l-oħra, mis-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1995, Thyssen Haniel Logistic (C-459/93, Ġabra p. I-1381), jirriżulta li prodotti mingħajr proprjetajiet mediċinali li, minħabba l-użu inerenti tagħhom u l-karatteristiċi partikolari tagħhom, huma intiżi sabiex jintużaw għal skopijiet mediċinali, jistgħu jiġu kklassifikati fil-Kapitolu 30 tan-NM.
23
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“In-nota 1(g) tal-Kapitolu 30 tas-[SA], moqrija flimkien man-nota 1(b) tal-Kapitolu 35 tal-istess [SA], għandha tiġi interpretata fis-sens li l-albumina tad-demm, li fiha nnfisha ma għandha l-ebda effett terapewtiku jew profilattiku, iżda li ġiet ippreparata bil-għan ta’, u hija indispensabbli għall-preparazzjoni tal-prodotti li għandhom effett profilattiku jew terapewtiku, u li, min-natura tagħha, tista’ tintuża biss għal dan il-għan, ġiet ippreparata għal użu terapewtiku jew profilattiku fis-sens ta’ din in-nota?”
Osservazzjonijiet preliminari
24
Għandu jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju, għalkemm tagħmel riferiment għall-intestaturi tariffarji tan-NM fid-deċiżjoni ta’ rinviju, titlob, permezz tad-domanda tagħha, l-interpretazzjoni tan-nota tal-kapitolu tas-SA.
25
Mingħajr ma hemm bżonn li tittieħed pożizzjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-Qorti Ġenerali hijiex kompetenti, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali kif stabbilit fl-Artikolu 267 TFUE, sabiex tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-SA, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, ma huwiex neċessarju f’dan il-każ li tipproċedi għal tali interpretazzjoni peress li l-imsemmija dispożizzjonijiet huma applikabbli, fuq livell tal-Unjoni, biss permezz tan-NM, li hija stabbilita fuq il-bażi tas-SA (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2001, Tridon, C-510/99, Ġabra. p. I-7777, punt 24).
26
Konsegwentement, din id-domanda għandha tiġi kkunsidrata bħala li tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-nota 1(g) tal-Kapitolu 30 tan-NM, li hija identika għan-nota 1(g) tal-Kapitolu 30 tas-SA.
Fuq id-domanda preliminari
27
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk albumina tad-demm li ma għandhiex, fiha nfisha, effett terapewtiku jew profilattiku, iżda li ġiet immanifatturata għall-preparazzjoni ta’ prodotti li għandhom effett terapewtiku jew profilattiku u hija indispensabbli għal din il-preparazzjoni, u li, min-natura tagħha stess, tista’ tintuża biss għal dan l-iskop, ġietx ippreparata għall-użu terapewtiku jew profilattiku, fis-sens tan-nota 1(g) tal-Kapitolu 30 tan-NM, u li tidħol għalhekk fl-intestatura 3002 tan-NM.
28
Il-Gvern Olandiż isostni li l-albumina tad-demm għandha jkollha fiha nnifisha effett terapewtiku jew profilattiku sabiex tiġi kklassifikata fl-intestatura 3002. Huwa jqis li din l-interpretazzjoni toħroġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, Colin u Dupré (C-106/94 u C-139/94, Ġabra p. I-4759); tal-10 ta’ Diċembru 1998, Glob-Sped (C-328/97, Ġabra p. I-8357), u tas-7 ta’ Marzu 2002, Biochem (C-259/00, Ġabra p. I-2461).
29
Il-Kummissjoni tqis, min-naħa l-oħra, li albumina tad-demm li ma tistax tintuża direttament għal skopijiet terapewtiċi jew profilattiċi, iżda li hija madankollu intenzjonata għall-istess skopijiet wara li tkun suġġetta għal-preparazzjoni speċifika, tista’ tiġi kklassifikata fl-intestatura tariffarja 3002, madankollu bil-kundizzjoni li dan il-prodott ikun jeħtieġ biss operazzjoni sempliċi sabiex jikseb valur terapewtiku jew profilattiku.
30
Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanziji għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, hekk kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli. (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2000, Peacock, C-339/98, Ġabra p. I-8947, punt 9; tas-16 ta’ Settembru 2004, DFDS, C-396/02, Ġabra p. I-8439, punt 27; tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C-495/03, Ġabra p. I-8151, punt 47, u tat-18 ta’ Lulju 2007, Olicom, C-142/06, Ġabra p. I-6675, punt 16).
31
Effettivament, mir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM Nru 1 u Nru 6 jirriżulta li l-klassifikazzjoni tal-merkanziji hija ddeterminata legalment kemm mill-kliem tal-intestaturi u tas-subintestaturi kif ukoll min-noti tat-taqsimiet u tal-kapitoli ta’ nomenklatura li għandhom saħħa legali vinkolanti.
32
Barra minn hekk, in-noti ta’ spjega mfassla, għal dak li jikkonċerna n-NM, mill-Kummissjoni u, għal dak li jikkonċerna s-SA, mill-Organizzazzjoni Doganali Dinjija jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji mingħajr madankollu ma huma legalment vinkolanti (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Turbon International, C-250/05, Ġabra p. I-10531, punt 16).
33
Għandu jitfakkar ukoll li l-użu tal-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sakemm dan ikun inerenti għall-imsemmi prodott, peress li din in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (ara s-sentenzi Thyssen Haniel Logistic, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13; tal-15 ta’ Frar 2007, RUMA, C-183/06, Ġabra p. I-1559, punt 36, u Olicom, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).
34
F’dan il-każ, il-prodott inkwistjoni huwa albumina tad-demm ta’ oriġini bovinali li tikkostitwixxi wieħed mill-erbatax-il komponent fil-preparazzjoni ta’ ċerti proteini speċifiċi, imsejħa wkoll “antikorpi”, li jintużaw fit-trattament ta’ ċertu mard u kundizzjonijiet. Huwa stabbilit li dan il-prodott, indispensabbli għall-produzzjoni ta’ dawn l-antikorpi, huwa intenzjonat għal użu terapewtiku.
35
Għandu jiġi rrilevat li fin-NM hemm riferiment espliċitu għall-albumina tad-demm. B’hekk, in-nota 1(g) tal-Kapitolu 30 tagħha tiddikjara li dan il-kapitolu ma jinkludix l-“albumina tad-demm mhux ippreparata għal użi terapewtiċi jew profilattiċi (titlu 3502).” B’mod parallel, in-nota 1(b) tal-Kapitolu 35 tan-NM jipprovdi li dan tal-aħħar ma jinkludix “frazzjonijiet ta’ demm (ħlief albumina ta’ demm mhux ippreparata għal użi terapewtiċi jew profilattiċi), medikamenti jew prodotti oħrajn ta’ Kapitlu 30”.
36
Għalhekk, il-formulazzjoni ta’ dawn in-noti tagħti importanza determinanti lill-użu tal-albumina tad-demm. Din tal-aħħar għandha tkun ippreparata “għall-użi terapewtiċi jew profilattiċi” sabiex tiġi kklassifikata fil-Kapitolu 30 u, b’mod iktar preċiż, fl-intestatura 3002 tan-NM.
37
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li la n-noti tal-kapitoli msemmija iktar ’il fuq u lanqas in-noti ta’ spjega dwar l-intestaturi tariffarji 3002 u 3502 ma jindikaw li l-albumina tad-demm imsemmija fin-nota 1(g) tal-Kapitolu 30 tan-NM għandu jkollha, fiha nnifisha, proprjetajiet terapewtiċi jew profilattiċi.
38
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 ta’ din is-sentenza tikkonċerna prodotti li jaqgħu taħt il-Kapitolu 30 tan-NM li effettivament għandhom proprjetajiet kurattivi jew preventivi, dan ma jippermettix l-esklużjoni minn dan il-kapitolu ta’ prodotti li, mingħajr ma huma intrinsikament ta’ natura terapewtika jew profilattika, huma intenzjonati għall-skopijiet terapewtiċi jew profilattiċi wara li jiġu suġġetti għal-preparazzjoni speċifika.
39
Kif jingħad mill-Kummissjoni, l-espressjoni “ippreparata għal” għandha tinftiehem bħala li għandha żewġ aspetti. Għalhekk, prodott jista’ jew, min-natura tiegħu stess, jintuża direttament għal skopijiet terapewtiċi jew profilattiċi, jew ikun ippreparat għal dawn l-istess skopijiet. Konsegwentement, il-fatt li l-prodott inkwistjoni ma jistax jintuża direttament għal tali skopijiet ma jeskludix li, meta jgħaddi mid-dwana, dan jista’ minkejja kollox ikun ikkunsidrat, abbażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu, bħala li huwa ppreparat għall-użi terapewtiċi jew profilattiċi.
40
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, sabiex tikklassifika prodotti fil-Kapitolu 30 tan-NM, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk dawn il-prodotti kellhomx profil terapewtiku jew profilattiku nettament iddefinit, li l-effett tagħhom jiffoka fuq funzjonijiet preċiżi tal-organiżmu uman jew inkella jekk setgħux jiġu applikati fil-prevenzjoni jew fit-trattament ta’ marda jew kundizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 1997, LTM, C-201/96, Ġabra p. I-6147, punti 37 u 45, kif ukoll tat-12 ta’ Marzu 1998, Laboratoires Sarget, C-270/96, Ġabra p. I-1121, punti 39 u 48).
41
Mis-sentenza Thyssen Haniel Logistic, iċċitata iktar ’il fuq, jista’ jiġi wkoll dedott li prodott li, minħabba l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu, huwa naturalment intenzjonat għall-użu mediku, jista’ jiġi kklassifikat fil-kapitolu 30 tan-NM. Fl-imsemmija sentenza, kien hemm inkwistjoni trab sterili kompost minn taħlita ta’ amino aċidi li, wara ż-żieda tal-ilma, kien jiġi amministrat f’forma ta’ soluzzjoni għall-perfużjonijiet, fil-kuntest ta’ trattament mediku. Għalhekk, dan il-prodott kien nieqes, inkwantu tali, minn proprjetajiet mediċinali, iżda madankollu ġie kklassifikat fil-Kapitolu 30 tan-NM minħabba l-użu tiegħu.
42
Għandu għalhekk jiġi deċiż li albumina tad-demm li ma għandhiex, fiha nnifisha, effett terapewtiku iżda li tiġi applikata fil-prevenzjoni jew fit-trattament ta’ xi marda jew kundizzjoni, għandha, sakemm hija tkun intenzjonata speċifikament għal dan l-użu, tkun ikkunsidrata bħala ppreparata għall-użi terapewtiċi, fis-sens tan-nota 1(g) tal-Kapitolu 30 tan-NM.
43
Min-naħa l-oħra, ma tistax tiġi aċċettata l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li huwa biss prodott li jkun għadda minn operazzjoni sempliċi sabiex jikseb valur terapewtiku jew profilattiku li jista’ jiġi kklassifikat fl-intestatura tariffarja 3002.
44
Effettivament, la n-NM applikabbli fid-data ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, la n-noti ta’ spjega dwar l-intestaturi 3002 u 3502, u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettu d-definizzjoni ta’ “operazzjoni sempliċi” u li jiġi ddeterminat sa liema stadju t-trasformazzjoni ta’ prodott tista’ titqies bħala sostanzjali.
45
Barra minn hekk, kriterju ta’ klassifikazzjoni bħal dak issuġġerit mill-Kummissjoni la jippermetti li tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u lanqas li tiġi żgurata l-faċilità tal-kontrolli. Effettivament, peress li l-introduzzjoni min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ kriterji marbuta mat-trasformazzjoni ta’ prodott għal skopijiet terapewtiċi jew profilattiċi, tirrigwarda b’mod partikolari qasam suġġett għall-iżvilupp tat-teknoloġiji, dan jista’ jagħti lok għal evalwazzjonijiet li ma jaqblux bejniethom u għalhekk li jinkludi l-applikazzjoni uniformi tan-NM fl-Unjoni Ewropea.
46
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha, abbażi tal-indikazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, tikklassifika l-prodott inkwistjoni, billi tivverifika jekk, waqt id-dikjarazzjoni tad-dwana deherx li, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu, dan il-prodott kien intenzjonat għall-preparazzjoni ta’ prodotti li għandhom effett terapewtiku jew profilattiku.
47
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li n-nota 1(g) tal-Kapitolu 30 tan-NM, moqrija flimkien man-nota 1(b) tal-Kapitolu 35 ta’ din in-nomenklatura, għandha tiġi interpretata fis-sens li albumina tad-demm li fiha nnifisha ma għandha l-ebda effett terapewtiku jew profilattiku, iżda li ġiet prodotta għall-preparazzjoni ta’ prodotti li għandhom effett profilattiku jew terapewtiku u hija indispensabbli għal din il-preparazzjoni, u li, min-natura tagħha stess, tista’ tintuża biss għal dan il-għan, ġiet ippreparata għal użu terapewtiku jew profilattiku, fis-sens ta’ din in-nota.
Fuq l-ispejjeż
48
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
In-nota 1(g) tal-Kapitolu 30 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003, moqrija flimkien man-nota 1(b) tal-Kapitolu 35 ta’ din in-nomenklatura, għandha tiġi interpretata fis-sens li albumina tad-demm li fiha nnifisha ma għandha l-ebda effett terapewtiku jew profilattiku, iżda li ġiet prodotta għall-preparazzjoni tal-prodotti li għandhom effett profilattiku jew terapewtiku u hija indispensabbli għal din il-preparazzjoni, u li, min-natura tagħha stess, tista’ tintuża biss għal dan il-għan, ġiet ippreparata għal użu terapewtiku jew profilattiku, fis-sens ta’ din in-nota.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy