SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
19 ta’ Lulju 2012 ( *1 )
“Tariffa Doganali Komuni — Klassifika tat-tariffi — Nomenklatura magħquda — Bċejjeċ għall-illostrar esklużivament intiżi għal magna li tillostra d-diski ta’ materjal semikonduttur — Intestaturi tariffarji 3919 u 8466 (jew 8486) — Kunċetti ta’ ‘partijiet’ u ta’ ‘aċċessorji’”
Fil-Kawża C-336/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari bbażata fuq l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour d’appel de Lyon (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Lulju 2011, fil-proċedura
Receveur principal des douanes de Roissy Sud,
Receveur principal de la recette des douanes de Lyon Aéroport,
Direction régionale des douanes et droits indirects de Lyon,
Administration des douanes et droits indirects
vs
Rohm & Haas Electronic Materials CMP Europe GmbH,
Rohm & Haas Europe SARL,
Rohm & Haas Europe Trading APS-UK Branch,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, L. Bay Larsen u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ April 2012,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
—
għal Rohm & Haas Electronic Materials CMP Europe GmbH, Rohm & Haas Europe SARL u Rohm & Haas Europe Trading APS-UK Branch, minn P. De Baere u F. Citron, avukati,
—
għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, C. Candat u M. Perrot, bħala aġenti,
—
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u L. Bouyon, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestaturi 3919 u 8466 (jew 8486 sa mis-sena 2007) tan-nomenklatura magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tariffarja u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjonijiet tiegħu kif jirriżultaw suċċessivament mir-regolamenti, li jemendaw l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2658/87, tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 14, p. 3), tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004, tas-7 ta’ Settembru 2004 (ĠU L 327, p. 1), tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005 (ĠU L 286, p. 1) u tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006, tas-17 ta’ Ottubru 2006 (ĠU L 301, p. 1).
2
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kwistjoni bejn Rohm & Haas Electronic Materials CMP Europe GmbH, Rohm & Haas Europe SARL u Rohm & Haas Europe Trading APS-UK Branch (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kumpanniji Rohm & Haas”) u l-awtorità doganali dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tal-bċejjeċ għall-illostrar importat mill-kumpanniji Rohm & Haas u t-talba għal rimbors tad-dazji doganali li huma jikkalkolaw li indebitament ħallsu bejn is-snin 2004 u 2007.
Il-kuntest ġuridiku
In-NM
3
In-NM, stabbilita permezz tar-Regolament Nru 2658/87, hija intiża sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tat-Tariffa Doganali Komuni kif ukoll tal-istatistiċi tal-kummerċ estern tal-Komunità Ewropea. Hija bbażata fuq is-Sistema Armonizzata Dinjija għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija (aktar ’il quddiem is-“SA”) imħejjija mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwani, u hija stabbilita mill-Konvenzjoni Internazzjonali konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, f’isem il-Komunità, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU L 198, p. 1).
4
L-ewwel parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. Fit-Titolu I tan-NM, iddedikat għar-regoli ġenerali, it-Taqsima A tipprovdi regoli differenti konformi sa fejn il-klassifikazzjoni tal-merkanzija fin-NM hija affettwata. B’hekk, huwa previst b’mod partikolari li għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni hija ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u li l-klassifikazzjoni tal-merkanzija fis-subintestaturi ta’ intestatura nnifisha hija ddeterminata wkoll għal għanijiet legali skont it-termini tas-subintestaturi u tan-noti tas-subintestaturi, tan-noti tat-taqsimiet u tal-kapitoli li fil-prinċipju għandhom ikunu wkoll applikabbli.
5
It-tieni parti tan-NM tinkludi Taqsima VII, li għandha Kapitolu 39 intitolat: “Plastik u oġġetti tiegħu”. Skont in-nota 2(p) [jew (s) tar-Regolament Nru 1549/2006] tal-Kapitolu 39 tan-NM, dan il-kapitolu ma jkoprix “oġġetti ta’ Taqsima XVI (magni u għodod mekkaniċi jew elettriċi)”.
6
L-intestazzjoni 3919 tan-NM taqra kif ġej:
“3919 Pjanċi, folji, film, fojl, tejp, strixxa u forom oħrajn ċatti li jeħlu waħedhom, tal-plastiks, f’rombli jew le:
[...]
3919 90 — oħrajn:
3919 90 10 ‐ ‐ Maħdumin aktar milli fil-wiċċ biss, jew maqtugħin f’forom ħlief rettangulari (inklużi kwadri)
[...]”.
7
In-nota 2(b) tat-Taqsima XVI tat-tieni parti tan-NM, intitolata “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; partijiet tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u partijiet u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”, tipprovdi li “[s]uġġett għal nota 1 għal din it-taqsima, nota 1 għal Kapitlu 84 u nota 1 għal Kapitlu 85, partijiet ta’ magni (li mhumiex bċejjeċ tal-oġġetti ta’ titlu 8484, 8544, 8545, 8546 jew 8547) għandhom ikunu kklassifikati skond dawn ir-regoli: [...] Bċejjeċ oħrajn, jekk tajbin għal użu biss jew prinċipalment ma’ tip partikulari ta’ magna, jew ma’ numru ta’ magni tal-istess titlu [...], għandhom ikunu kklassifikati mal-magni ta’ dak it-tip jew f’titlu 8409, 8431, 8448, 8466, 8473, 8503, 8522, 8529 jew 8538 V kif xieraq [...]”.
8
L-intestatura 8464 tan-NM, li kienet fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2006, taqra kif ġej:
“għodod tal-magni biex jinħadmu ġebel, ċeramika, konkrit, konkrit-asbestos jew materjal minerali simili jew għal ħġieġ biex jinħadem kiesaħ:
8464 20 — Magni għal ħakk jew illustrar:
8464 20 05 ‐ ‐ għall-ħdim ta’ wejfers ta’ semikondutturi
[...]”.
9
L-intestatura 8466 tan-NM, li kienet fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2006, tipprovdi:
“Partijiet u aċċessorji tajbin biss jew prinċipalment għal użu mal-magni ta’ titli 8456 sa 8465, inklużi ħowlders għax-xogħol jew għodda, irjus ta’ forom (dieheads) jinfetħu waħedhom, irjus li jifirdu u żjidiet oħrajn speċjali għal għodod ta’ magni; ħowlders għall-għodda għal kull tip ta’ għodda biex taħdem fl-idejn:
[...]
8466 30 00 ‐ Dividing heads u aċċessorji speċjali oħra għall-għodod tal-magni.
‐ oħrajn:
[...]
8466 91 ‐ ‐ Għall-magni tal-intestatura 8464:
8466 91 15 ‐ ‐ ‐ Għall-magni tas-subintestaturi 8464 10 10, 8464 20 05 jew 8464 90 10”.
10
Ir-Regolament Nru 1549/2006, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007, ħoloq l-intestatura 8486 tan-NM, li taqra kif ġej:
“8486 Magni u apparat ta’ tip użat biss jew b’mod prinċipali għall-manifattura ta’ boules jew wejfers semikondutturi, apparat semikonduttur, ċirkuwiti integrati elettroniċi jew displejs b’pannelli ċatti; magni u apparat speċifikat fin-Nota 9(C) għal dan il-kapitolu; partijiet u aċċessorji:
[...]
8486 90 ‐ Partijiet u aċċessorji:
[...]
8486 90 90 ‐ ‐ ‐ oħrajn”.
In-noti ta’ spjega tas-SA
11
Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, approva, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA.
12
In-noti ta’ spjega tas-SA għall-intestatura 8466 huma redatti kif ġej:
“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ġenerali li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-partijiet […], u bl-eċċezzjoni tal-għodod ta’ Kapitolu 82, din l-intestatura tkopri:
A)
Il-partijiet tal-għodod ta’ magni li jaqgħu taħt l-għaxar intestaturi preċedenti (Nru 8456 sa 8465).
B)
L-aċċessorji għal dawn il-magni, jiġifieri partijiet ta’ tagħmir interkambjabbli li jippermettu li dawn il-magni jiġu adattati għat-tip ta’ xogħol li jrid isir, il-mekkaniżmi li jagħtu possibbiltajiet addizzjonali jew preċiżjoni ikbar u dispożittivi intiżi li jagħtu servizz partikolari flimkien mal-funzjoni prinċipali tal-magna.
[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
13
In-noti ta’ spjega tas-SA li jikkonċernaw l-intestatura 8486 fil-verżjoni applikabbli tagħhom għall-fatti tal-kawża prinċipali sa mis-sena 2007 jipprovdu:
“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-klassifikazzjoni tal-bċejjeċ (ara l-kunsiderazzjonijiet ġenerali tat-taqsima), huma inklużi hawnhekk il-partijiet u l-aċċessorji tal-magni u apparat tal-intestatura preżenti. Il-partijiet u l-aċċessorji kklassifikati fl-intestatura preżenti jinkludu b’mod partikolari ħowlders tax-xogħol u ħowlders tal-għodda u dispożittivi speċjali oħra intiżi esklużivament jew prinċipalment għall-magni u apparat ta’ din l-intestatura.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
14
Il-kumpanniji Rohm & Haas importaw fi Franza bċejjeċ għall-illostrar intiżi għall-magni li jillostraw diski ta’ materjal semikonduttur, liema diski kienu normalment jissejħu “wafers” u b’mod partikolari użati fil-manifattura ta’ ċirkwiti integrati. Dawn huma bċejjeċ tal-kolla magħmulin minn saffi tal-plastik differenti, li jidhru bħala diski ta’ dijametru ta’ madwar 40 cm u ta’ ħxuna ta’ 3 mm, intiżi sabiex jintramaw fuq l-imsemmija magni.
15
Il-kumpannija Acta, b’dikjarazzjoni doganali tat-3 ta’ Ġunju 2004, għaddiet mid-dwana f’isem il-kumpanniji Rohm & Haas, żewġ pakketti ta’ “feltri li joborxu” fuq l-intestatura tariffarja 5911 10 00, li tapplika għal “Drappijiet ta’ tessuti, feltru u drappijiet minsuġin inforrati bil-feltru, miksijin, mgħottijin jew laminati bil-gomma, ġilda jew materjal ieħor, ta’ tip użat għal drapp tal-magni tat-tqardix, u drappijiet simili ta’ tip użati għal għanijiet tekniċi oħrajn, inklużi drappijiet dojoq magħmulin minn bellus mimli bil-gomma, biex jinksew magħżel tal-insiġ (qasab tan-newl)”, li għalihom id-dazju doganali huwa ta’ 5.3 %.
16
Din l-intestatura tariffarja ġiet ikkontestata mill-awtorità tad-dwana, li qieset li l-prodotti importati jaqgħu taħt l-intestatura tariffarja 3919 90 10, li għalihom id-dazju doganali huwa ta’ 6.5 %.
17
Bejn it-8 ta’ Lulju 2004 u d-9 ta’ Awwissu 2006, il-kumpanniji Rohm & Haas komplew jgħaddu mid-dwana l-bċejjeċ għall-illostrar inkwistjoni taħt l-intestatura 5911 10 00 tan-NM.
18
Sussegwentement, l-imsemmija kumpanniji adixxew lill-Kummissjoni ta’ konċiljazzjoni u kompetenza doganali (iktar ’il quddiem is-“CCED”), li, permezz ta’ opinjoni konsultattiva tas-26 ta’ Ġunju 2007, sostniet li l-merkanzija fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-intestatura tariffarja 8466 bħala “partijiet u aċċessorji tajbin biss jew prinċipalment għal użu mal-magni ta’ intestaturi 8456 sa 8465”. Il-merkanzija kklassifikata taħt l-intestatura 8466 tan-NM hija eżentata mid-dazji doganali.
19
Għalhekk, il-kumpanniji Rohm & Haas talbu lill-awtorità tad-dwana r-rimbors tad-dazji doganali li huma jikkalkolaw li kienu indebitament ħallsu bejn is-snin 2004 u 2007.
20
Wara r-rifjut ta’ din it-talba, il-kumpanniji Rohm & Haas aderixxew t-Tribunal d’instance ta’ Lyon bil-għan li jiksbu r-rimbors ta’ dawn id-dazji doganali. Dan ir-rikors intlaqa’ minn din il-qorti, li, b’sentenza tal-20 ta’ April 2009, qieset li l-merkanzija inkwistjoni taqa’ taħt l-intestatura tariffarja rrakkomandata mis-CCED, peress illi din hija kkunsidrata bħala indispensabbli għat-tħaddim tal-magni li jillostraw u tikkostitwixxi parti minn dawn il-magni.
21
L-awtorità tad-dwana ppreżentat appell mill-imsemmija sentenza quddiem il-Cour d’appel ta’ Lyon.
22
Quddiem din il-qorti, l-awtorità tikkontesta r-rilevanza tal-opinjoni tas-CCED, għaliex skont l-awtorità, din hija bbażata mhux fuq il-karatteristiċi nfushom ta’ din il-merkanzija, iżda fuq il-fatt li t-tikketta tal-kampjun ippreżentat, kienet tindika li l-merkanzija fil-kawża prinċipali kienet intiża għall-magni li jaqgħu taħt l-intestaturi 8456 sa 8465 tan-NM.
23
L-awtorità tqis li l-bċejjeċ għall-illostrar inkwistjoni jaqgħu taħt l-intestatura 3919 tan-NM, fil-każ ta’ diski ċatti, magħmula mill-plastik li għandhom naħa adeżiva. Hija tinvoka wkoll ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 336/2010 tal-21 ta’ April 2010 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 102, p. 25), li sussegwentement ġie adottat għal magni simili għal dawk li fuqhom huma użati l-bċejjeċ fil-kawża prinċipali.
24
Il-kumpanniji Rohm & Haas jargumentaw, quddiem il-qorti tar-rinviju, li l-bċejjeċ fil-kawża prinċipali huma esklużivament intiżi sabiex jiġu mqiegħda fuq il-magni li jillostraw id-diski ta’ materjal semikonduttur li jaqgħu taħt l-intestatura 8464 tan-NM, u li kull tip ta’ biċċa hija intiża għal mudell wieħed biss ta’ magna u tip wieħed ta’ xogħol partikolari. Skont il-kumpanniji, il-bċejjeċ għall-illostrar huma partijiet rikonoxxibbli u neċessarji għat-tħaddim tal-imsemmija magni, b’hekk intuża dak it-tikkettjar tal-prodott meħud bħala kampjun. Huma jsostnu li huwa impossibbli tikklassifika l-bċejjeċ għall-illostrar taħt l-intestatura 3919, billi dawn tal-aħħar ma għandhomx ġenb adeżiv b’sempliċi kuntatt, jew taħt l-intestatura 3919, billi huma nnfushom ma jippermettux xogħol ta’ illostrar. F’dan ir-rigward, huma joqogħdu fuq l-opinjoni tas-CCED. Bl-istess mod huma jsostnu li r-Regolament Nru 336/2010 ma huwiex retroattiv, jew b’analoġija, li ma jikkonċernawx l-istess prodotti u li huwa invalidu.
25
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel ta’ Lyon iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“In-[NM], [li tinsab fl-Anness I tar-Regolament […] Nru 2658/87, […] kif emendata bir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) [Nru 1549/2006], […] u (KE) Nru 1214/2007, tal-20 ta’ Settembru 2007 (ĠU L 286, p. 1.)] għandha tiġi interpretata fis-sens li bċejjeċ għall-illostrar, intiżi għal magna li tillostra għal xogħol ta’ materjali […] semikondutturi — li bħala tali taqa’ taħt l-intestatura tariffarja 8460 — importati separatament mill-magna, ippreżentati fl-għamla ta’ diski mtaqqba fiċ-ċentru tagħhom, ikkostitwiti minn saff iebes ta’ polyurethane, minn saff ta’ xkuma ta’ polyurethane, minn saff ta’ kolla u minn saff protettiv irqiq ħafna u magħmul mill-plastik, li ma fihom l-ebda parti tal-metall u l-ebda sustanza li tobrox u li huma użati għall-illostrar ta’ “wafers”, flimkien ma likwidu li jobrox u li għandhom jiġu ssostitwiti bi frekwenza li hija ddeterminata mir-rata ta’ użu tagħhom, jaqgħu taħt l-intestatura tariffarja 8466 […] bħala partijiet jew aċċessorji tajbin għal użu biss jew prinċipalment mal-magni kklassifikati taħt l-intestaturi Nru 8456 sa 8465, jew skont is-sistema tal-materjal kostitwenti tagħhom, taħt l-intestatura tariffarja [3919], bħala forom ċatti li jeħlu waħedhom magħmula mill-plastik?”
Fuq id-domanda preliminari
26
Primarjament, għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 1214/2007 imsemmi fid-domanda mpoġġija daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008, b’hekk il-verżjoni tan-NM inkwadrata ma hijiex applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ bċejjeċ tal-illostrar fil-kawża prinċipali, li, bħal ma ġie kkonfermat fis-seduta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ġew magħmula bejn is-snin 2004 u 2007. Għalhekk, id-domanda mpoġġija għandha tinftiehem li tirreferi għall-verżjonijiet tan-NM li jinsabu fir-Regolamenti Nru 1789/2003, 1810/2004, 1719/2005 u 1549/2006.
27
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li riferiment, fit-test ta’ din id-domanda, għall-intestatura 8460 u għas-subintestatura 3939 90 10 tan-NM tirriżulta manifestament fi żball ta’ kopjar u din id-domanda għandha tinftiehem li tirreferi, rispettivament, għall-intestatura 8464 tan-NM (jew 8486 tan-NM wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1549/2006) u s-subintestatura 3919 90 10 tan-NM.
28
Effettivament, bid-domanda tagħha, jirriżulta li l-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti Ġenerali jekk in-NM għandhiex tkun interpretata fis-sens li l-bċejjeċ tal-illostrar intiżi għal magna li tillostra — li jaqgħu taħt l-intestatura 8464 (jew taħt l-intestatura 8486 tan-NM wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1549/2006) — importati separatament mill-magna, li jidhru fl-għamla ta’ diski mtaqqba fiċ-ċentru tagħhom, ikkostitwiti minn saff iebes ta’ polyurethane, minn saff ta’ xkuma ta’ polyurethane, minn saff ta’ kolla u minn saff protettiv irqiq ħafna u magħmul mill-plastik, li ma fihom l-ebda parti tal-metall u l-ebda sustanza li tobrox u li huma użati għall-illostrar ta’ “wafers”, flimkien ma’ likwidu li jobrox u li għandhom jiġu ssostitwiti bi frekwenza li hija ddeterminata mir-rata ta’ użu tagħhom, li jaqgħu taħt is-subintestatura 8466 91 15 tan-NM (jew tas-subintestatura 8486 90 90 tan-NM wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1549/2006), bħala partijiet jew aċċessorji tal-imsemmija magna, jew f’dan is-sens li l-imsemmija bċejjeċ jaqgħu taħt is-subintestatura 3919 90 10 tan-NM, minħabba l-materjal kostitwenti tagħhom, bħala forom ċatti, maqtugħin f’rettangoli (inklużi kwadri), li jeħlu waħedhom magħmula mill-plastik.
29
Il-kumpanniji Rohm & Haas isostnu li l-bċejjeċ għall-illostrar fil-kawża prinċipali huma partijiet intiżi li jkunu użati esklużivament jew prinċipalment fuq magni li jillostraw jaqgħu taħt l-intestatura 8464 tan-NM (jew l-intestatura 8486 tan-NM wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1549/2006) li ma jistgħux jiffunzjonaw b’mod korrett mingħajr dawn il-bċejjeċ u li dawn tal-aħħar ma jistgħux jintużaw ħlief għal fuq dan it-tip ta’ magni li jillostraw. Għalhekk, skont huma, l-imsemmija bċejjeċ importati qabel l-1 ta’ Jannar 2007 għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 8466 u dawk l-importazzjonijiet wara din id-data kklassifikati fl-intestatura 8486.
30
Il-gvern Franċiż u l-Kummissjoni Ewropea jqisu li l-imsemmija bċejjeċ tal-illostrar, minħabba l-materjal kostitwenti tagħhom, għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 3919 tan-NM, bħala forom ċatti li jeħlu waħedhom magħmula mill-plastik.
31
Għandu jitfakkar li l-ġurisprudenza stabbilita tipprovdi li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jkun ibbażat, b’mod ġenerali, fuq il-karatteristiċi u fuq il-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti fil-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u fin-noti dwar taqsima jew dwar kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Frar 2009, Kamino International Logistics, C-376/07, Ġabra p. I-1167, punt 31; tal-14 ta’ April 2011, British Sky Broadcasting Group u Pace, C-288/09 u C-289/09, Ġabra p. I-2851), punt 60, kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 2011, Unomedical, C-152/10 Ġabra p. I-5433), punt 25).
32
F’dan il-każ, tenut kont il-karatteristiċi fiżiċi tal-bċejjeċ għall-illostrar bħat-tip fil-kawża prinċipali, fil-prinċipju, għandhom jiġu kklassifikati fil-Kapitolu 39 tan-NM. Għalhekk, b’konformità man-nota 2(p) ta’ dan il-kapitolu, dan tal-aħħar ma jinkludix l-artikoli tat-Taqsima XVI tan-NM, li tinkludi, b’mod partikolari, il-partijiet u aċċessorji intiżi għall-magni li jaqgħu taħt l-intestaturi ta’ din it-taqsima. B’konsegwenza, għandu jiġi eżaminat jekk dawn il-bċejjeċ għall-illostrar jistgħux jiġu kklassifikati taħt l-imsemmija t-Taqsima XVI u, b’mod parikolari, taħt l-intestatura 8466 tan-NM (jew taħt l-intestatura 8486 tan-NM wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1549/2006), bħala “partijiet” jew “aċċessorji” ta’ magni li jillostraw id-diski ta’ materjal semikonduttur, li jaqgħu taħt l-intestatura 8464 tan-NM bħala “[g]ħodod tal-magni biex jaħdmu l-ġebla, ċeramika, konkos, siment-asbestos jew materjali minerali bħalhom jew għal xogħol ta’ ħġieġ fil-kiesaħ” (jew taħt l-intestatura 8486 tan-NM bħala “[M]agni u tagħmir tat-tip użat biss jew prinċipalment għall-manifattura [...] boules jew wejfers semikondutturi V” wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1549/2006).
33
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont in-nota 2(b) tat-Taqsima XVI tan-NM, il-partijiet tal-magni huma kklassifikati, “Bċejjeċ oħrajn, jekk tajbin għal użu biss jew prinċipalment ma’ tip partikulari ta’ magna, jew ma’ numru ta’ magni tal-istess titlu”, fl-intestatura afferenti għal din jew dawn il-magni jew, skont il-każ, f’intestaturi oħra tat-Taqsima XVI tan-NM, fl-intestatura 8466, li tinkludi l-“Bċejjeċ u aċċessorji tajbin biss jew prinċipalment għal użu mal-magni ta’ intestaturi 8456 sa 8465 V”.
34
Madankollu, in-NM, fil-verżjonijiet tagħha applikabbli fil-kawża prinċipali, ma tiddefinixxix il-kunċetti ta’ “partijiet” u “aċċessorji”, fis-sens tal-Kapitolu 84 V tagħha. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “partijiet” jimplika l-preżenza ta’ totalità li għat-tħaddim tiegħu huma indispensabbli u li l-kunċett ta’ “aċċessorji” jinkludi l-organi ta’ tagħmir interkambjabbli li jippermetti li apparat jiġi adattat għal xogħol partikolari jew li jikkonferixxilu possibbiltajiet addizzjonali jew ukoll iqiegħdu f’pożizzjoni li jiżgura servizz partikolari b’relazzjoni mal-funzjoni prinċipali tiegħu (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2000, Peacock, C-339/98, Ġabra p.I-8947, punt 21; tas-7 ta’ Frar 2002, Turbon International, C-276/00, Ġabra p. I-1389, punt 30 u 32, kif ukoll Unomedical, iċċitat iktar ’il fuq, punt 29).
35
Iżda, f’dan il-każ, fl-ewwel lok, kif jargumentaw il-kumpanniji Rohm & Haas, jekk magna li tillostra d-diski ta’ materjal semikonduttur ma hijiex f’pożizzjoni li titħaddem għall-ħtiġijiet li għalihom hija intiża mingħajr il-bċejjeċ għall-illostrar, madankollu huwa stabbilit li l-funzjoni mekkanika u elettrika ta’ din il-magna ma tiddependix mill-preżenza tat-tali biċċa għall-illostrar. B’konsegwenza, il-bċejjeċ għall-illostrar ma humiex indispensabbli għat-tħaddim tal-magni li jillostraw tali diski.
36
Din l-osservazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, kif indikaw il-kumpanniji Rohm & Haas waqt is-seduta, magna li tillostra d-diski ta’ materjal semikonduttur tista’ tieħu diversi tipi ta’ bċejjeċ għall-illostrar.
37
Fit-tieni lok, huwa stabbilit li l-bċejjeċ għall-illostrar ma jippermettux li l-magni li jillostraw tali diski jassumu funzjonijiet oħra ħlief dawk li għalihom huma intiżi. B’konsegwenza, dawn il-bċejjeċ għall-illostrar ma jippermettux li l-imsemmija magni jiġu adattati għal użu partikolari u lanqas ma jagħtuhom possibbiltajiet supplimentari jew iqiegħduhom f’pożizzjoni li jiżguraw servizz partikolari b’relazzjoni mal-funzjoni prinċipali tagħhom.
38
Mill-kunsiderazzjonijiet tagħhom jirriżulta li l-bċejjeċ għall-illostrar bħal dawk fil-kawża prinċipali ma jistgħux ikunu kkwalifikati bħala “partijiet” jew “aċċessorji” ta’ magna li tillostra diski ta’ materjal semikonduttur u għalhekk ma jistgħux jaqgħu taħt l-intestatura 466 tan-NM (jew taħt l-intestatura 486 tan-NM wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1549/2006).
39
L-argument tal-kumpanniji Rohm & Haas, li skont dawn, il-bċejjeċ tal-illostrar fil-kawża prinċipali huma esklużivament intiżi għal ċertu tip ta’ magni li jillostraw tip ta’ diski u li skont il-kumpanniji Rohm & Haas dawn il-magni huma diġà mgħammra b’biċċa għall-illostrar, ma huwiex tali li jqiegħed inkwistjoni l-kunsiderazzjoni li tidher fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Effettivament, la l-għan esklużiv ta’ merkanzija għat-tip ta’ magna mogħtija u lanqas iċ-ċirkustanzi li magna tista’ tkun eventwalment diġà mgħammra b’din il-merkanzija ma huma, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, elementi pertinenti għall-finijiet tal-kwalifikazzjoni tal-imsemmija merkanzija bħala “parti” jew “aċċessorju”.
40
Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li n-NM, fil-verżjonijiet tagħha kif jirriżultaw suċċessivament mir-Regolamenti Nru 1789/2003, 1810/2004, 1719/2005 u 1549/2006, għandha tkun interpretata fis-sens li l-bċejjeċ għall-illostrar intiżi għal magna li tillostra xogħol ta’ materjali semikondutturi — li bħala tali taqa’ taħt l-intestatura tariffarja 8464 (jew taħt l-intestatura 8486 sa mill-1 ta’ Jannar 2007) — importati separatament mill-magna, ippreżentati fl-għamla ta’ diski mtaqqba fiċ-ċentru tagħhom, ikkostitwiti minn saff iebes ta’ polyurethane, minn saff ta’ xkuma ta’ polyurethane, minn saff ta’ kolla u minn saff protettiv irqiq ħafna u magħmul mill-plastik, li ma fihom l-ebda parti tal-metall u l-ebda sustanza li tobrox u li huma użati għall-illostrar ta’ “wafers”, flimkien ma likwidu li jobrox u li għandhom jiġu ssostitwiti bi frekwenza li hija ddeterminata mir-rata ta’ użu tagħhom, jaqgħu taħt is-subintestatura 3919 90 10, bħala forom ċatti, maqtugħin f’rettangoli (inklużi kwadri), li jeħlu waħedhom magħmula mill-plastik.
Fuq l-ispejjeż
41
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tariffarja u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjonijiet tagħha kif jirriżultaw suċċessivament mir-Regolamenti, li jemendaw l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2658/87, tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003, tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004, tas-7 ta’ Settembru 2004, tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005 u tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006, tas-17 ta’ Ottubru 2006, għandha tkun interpretata fis-sens li l-bċejjeċ għall-illostrar intiżi għal magna li tillostra xogħol ta’ materjali semikondutturi — li bħala tali taqa’ taħt l-intestatura tariffarja 8464 (jew taħt l-intestatura 8486 sa mill-1 ta’ Jannar 2007) — importati separatament mill-magna, ippreżentati fl-għamla ta’ diski mtaqqba fiċ-ċentru tagħhom, ikkostitwiti minn saff iebes ta’ polyurethane, minn saff ta’ xkuma ta’ polyurethane, minn saff ta’ kolla u minn saff protettiv irqiq ħafna u magħmul mill-plastik, li ma fihom l-ebda parti tal-metall u l-ebda sustanza li tobrox u li huma użati għall-illostrar ta’ “wafers”, flimkien ma likwidu li jobrox u li għandhom jiġu ssostitwiti bi frekwenza li hija ddeterminata mir-rata ta’ użu tagħhom, jaqgħu taħt is-subintestatura 3919 90 10, bħala forom ċatti, maqtugħin f’rettangoli (inklużi kwadri), li jeħlu waħedhom magħmula mill-plastik.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy