SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
4 ta’ Ottubru 2012 ( *1 )
“Agrikoltura — Settur taz-zokkor — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Applikazzjoni għal għajnuna għar-ristrutturazzjoni — Impenn tal-produttur li jwaqqaf il-kunsinna ta’ ċerta kwantità ta’ pitravi tal-kwota — Kunċett — Dikjarazzjoni unilaterali tal-produttur — Rifjut tal-għoti tal-għajnuna — Neċessità li jiġi rexiss il-kuntratt eżistenti ta’ kunsinna”
Fil-Kawża C-390/11,
li għandha bħala suġġett talba preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Lulju 2011, fil-proċedura
CS AGRO Ronov, s.r.o.
vs
Ministerstvo zemědělství,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal, L. Bay Larsen (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2012,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
—
għal CS AGRO Ronov, s.r.o. minn E. Auersvaldová, avukat,
—
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,
—
għall-Kummissjoni Ewropea, minn Z. Malůšková u P. Rossi, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006, tal-20 ta’ Frar 2006, li jistabilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 335 M, 13.12.2008, p. 29, rettifika fil-ĠU L 64 M, 10.3.2009, p. 11), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1261/2007, tad-9 ta’ Ottubru 2007 (ĠU L 283, p. 8, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 320/2006”).
2
Din it-talba qed issir fil-kuntest ta’ kawża bejn CS AGRO Ronov s.r.o. (iktar ’il quddiem “CS AGRO”) u l-Ministerstvo zemědělství (Ministeru tal-Agrikoltura) dwar għajnuna għar-ristrutturazzjoni lill-produtturi ta’ pitravi taz-zokkor.
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament Nru 1261/2007
3
Il-premessi 1 u 7 sa 10 tar-Regolament Nru 1261/2007 huma fformulati kif ġej:
“(1)
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006 ġie adottat bil-għan li jippermetti lill-produtturi taz-zokkor l-inqas kompetittivi biex iċedu l-produzzjoni tagħhom tal-kwota. Madankollu, ir-rinunzja tal-kwoti taħt dak ir-Regolament ma laħqitx il-livell li kien mistenni fil-bidu.
[...]
(7)
Huwa kkunsidrat li l-iskema ta’ ristrutturar kienet tagħti riżultat aħjar li kieku l-produtturi setgħu jċedu minn jeddhom il-produzzjoni tagħhom tal-pitravi jew tal-kannamieli maħsuba għall-ipproċessar f’zokkor tal-kwota. Għal dak il-għan, fil-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 l-produtturi għandhom jingħataw il-possibbiltà li japplikaw direttament għall-għajnuna prevista fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 dment li huma ma jkomplux jibagħtu kunsinni ta’ pitravi taz-zokkor jew kannamieli lill-intrapriżi li magħhom huma kienu marbuta b’kuntratti ta’ kunsinna fil-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti. B’konsegwenza, l-Istati Membri għandhom inaqqsu l-kwota ta’ l-intrapriżi taz-zokkor ikkonċernati. [...]
(8)
Sabiex jiġi evitat li l-vijabilità ekonomika ta’ l-intrapriżi taz-zokkor ikkonċernati titpoġġa f’periklu minħabba l-applikazzjonijiet tal-produtturi għall-għajnuna, it-tnaqqis fil-kwota għandu jkun limitat għal 10 % tal-kwota allokata lil kull intrapriża, li jikkorrispondi għall-perċentwali tal-kwota li l-Istat Membru jista’ jerġa’ jalloka f’kull kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni skond l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006.
(9)
Fejn il-kwota ta’ intrapriża taz-zokkor titnaqqas bħala riżultat ta’ l-applikazzjonijiet tal-produtturi għall-għajnuna, dik l-intrapriża għandha tingħata għajnuna għar-ristrutturar kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006. [...]
(10)
Intrapriża taz-zokkor interessata fl-applikazzjonijiet tal-produtturi għall-għajnuna għandha sal-31 ta’ Jannar ta’ qabel il-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernata żżomm id-dritt li tippreżenta applikazzjoni għal għajnuna għar-ristrutturar kif previst fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006, dment li tirrinunzja kwota li tikkorrispondi mill-inqas għall-istess livell ta’ tnaqqis fil-kwota li kien jirriżulta mill-applikazzjonijiet għall-għajnuna ppreżentati mill-produtturi. F’dak il-każ, l-applikazzjoni għall-għajnuna ta’ l-intrapriża taz-zokkor għandha tissostitwixxi l-applikazzjonijiet tal-produtturi.”
Ir-Regolament Nru 320/2006
4
L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 320/2006, intitolat “Għajnuna għar-ristrutturar”, jipprovdi b’mod partikolari, fil-paragrafu 1 tiegħu, li kwalunkwe impriża li tipproduċi z-zokkor li tkun ġiet allokata kwota sal-1 ta’ Lulju 2006, tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tkun intitolata għal għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal kull tunnellata tal-kwota rrinunzjata.
5
L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 320/2006, intitolat “Applikazzjoni għal l-għajnuna għar-ristrutturar”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-applikazzjonijiet għal għajnuna għar-ristrutturazzjoni għandhom ikunu ppreżentati lill-Istat Membru kkonċernat sal-31 ta’ Jannar li jippreċedi s-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li waqtha ser tkun irrinunzjata l-kwota.
6
L-Artikolu 4a tar-Regolament 320/2006 intitolat “Applikazzjoni mill-produtturi għal għajnuna għar-ristrutturar”, jipprovdi:
“1. Għall-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009, kwalunkwe produttur tal-pitravi taz-zokkor jew tal-kannamieli maħsuba li jiġu pproċessati fiz-zokkor tal-kwota jista’ jippreżenta applikazzjoni diretta lill-Istat Membru kkonċernat għall-għajnuna prevista fl-Artikolu 3(6) u 3(7), akkumpanjata minn impenn li jwaqqaf il-kunsinna ta’ ċertu ammont ta’ pitravi jew kannamieli tal-kwota lill-intrapriża li magħha huwa jkun ikkonkluda kuntratt ta’ kunsinna fil-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti.
[...]
2. L-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ppreżentati sat-30 ta’ Novembru 2007. L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati mit-30 ta’ Ottubru 2007.
3. L-Istat Membru kkonċernat għandu jistabbilixxi lista ta’ applikazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 fl-ordni kronoloġika ta’ kif dawn ġew ippreżentati u għandu jikkomunika l-ammont totali tal-kwota milquta mill-applikazzjonijiet riċevuti fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol wara l-iskadenza għall-preżentazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 2 lill-Kummissjoni u lill-intrapriżi kkonċernati.
4. Sal-15 ta’ Marzu 2008, l-Istat Membru kkonċernat għandu, abbażi ta’ l-ordni kronoloġika msemmija fil-paragrafu 3 [...] jagħti l-applikazzjonijiet tal-produtturi li jikkorrispondu għal mhux iktar minn 10 % tal-kwota taz-zokkor allokata lil kull intrapriża u għandu jnaqqas bi proporzjon il-kwota ta’ l-intrapriża kkonċernata skond l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006. [...]
Fil-każ fejn jintlaħaq kwalunkwe mil-limiti ta’ 10 % msemmi fl-ewwel subparagrafu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirrifjuta l-applikazzjonijiet ’il fuq minn dan il-limitu skond l-ordni kronoloġika tal-preżentazzjoni.
[...]
5. Bħala riżultat ta’ l-aċċettazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet mill-Istat Membru skond il-paragrafu 4, l-ammont ta’ għajnuna għar-ristrutturar li għandu jingħata għandu jkun kif ġej:
a)
għall-produtturi u l-kuntratturi [...];
b)
għall-intrapriżi [...]
6. Il-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu m’għandhomx japplikaw fejn applikazzjoni ta’ intrapriża skond l-Artikolu 4 tkun ingħatat sa mill-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 fejn tirrinunzja ammont ta’ kwota għola mill-kwota milquta mill-applikazzjoni tal-produtturi. L-istess għandu japplika fi kwalunkw każ, fejn applikazzjoni ta’ intrapriża tkun ingħatat sa mill-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 li tirrinunzja aktar minn 10 % tal-kwota tagħha.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
7
Fl-14 ta’ Frar 2007, CS AGRO, prodottur tal-pitravi taz-zokkor, ikkonkluda kuntratt għal bejgħ fuq żmien twil ma’ kumpannija li tipproċessa l-pitravi taz-zokkor, Cukrovary TTD a.s., dwar il-kunsinna ta’ pitravi taz-zokkor intiżi għall-produzzjoni taz-zokkor taħt l-iskema tal-kwota matul is-snin 2007/2013. Skont it-termini tal-kuntratt, kull sena CS AGRO kellha tiffirma kuntratt ta’ bejgħ għall-kunsinna ta’ dawn il-pitravi.
8
CS AGRO ffirmat dan il-kuntratt ta’ bejgħ għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2007/2008, iżda hija ma ffirmatx għal dik tal-2008/2009. Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ottubru 2007, hija informat lil Cukrovary TTD a.s. b’din l-intenzjoni.
9
Fit-30 ta’ Ottubru 2007, CS AGRO ppreżentat applikazzjoni għal għajnuna għar-ristrutturazzjoni għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 quddiem l-iStátní zemědělský intervenční fond (fond għall-intervent agrikolu, iktar ’il quddiem l-“SZIF”).
10
Fis-26 ta’ Novembru 2007, l-SZIF talab lil CS AGRO tippreżenta, insostenn tal-applikazzjoni tagħha u fi żmien sebat ijiem, dokument bil-miktub li jistabbilixxi l-emenda jew ir-rexissjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ għal żmien twil tagħha rigward il-kwantitajiet ta’ pitravi taz-zokkor li dwarhom kienet qiegħda timpenja ruħha li twaqqaf il-kunsinna. CS AGRO ma osservatx din it-talba.
11
Fil-formola tal-applikazzjoni għal għajnuna għar-ristrutturazzjoni, CS AGRO esprimiet l-intenzjoni tagħha li ma tiffirmax il-kuntratt ta’ bejgħ annwali għall-kunsinna ta’ pitravi taz-zokkor għas-sena 2008/2009. Barra minn hekk, permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Jannar 2008, l-SZIF ċaħad l-applikazzjoni ta’ CS AGRO, abbażi li din tal-aħħar ma kinitx konformi mal-kundizzjonijiet bażiċi għall-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni previsti fl-Artikolu 4a(1) tar-Regolament Nru 320/2006.
12
CS AGRO ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-SZIF quddiem il-Ministerstvo zemědělství, liema rikors ġie miċħud. Din il-kumpannija appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Měststký soud v Praze (Qorti muniċipali ta’ Praga), li ċaħditu wkoll. Għaldaqstant, CS AGRO ressqet appell ta’ kassazzjoni kontra s-sentenza tal-Měststký soud v Praze quddiem in-Nejvyšší správní soud.
13
F’dawn il-kundizzjonijiet, in-Nejvyšší správní soud iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1)
L-Artikolu 4a(1) tar-Regolament [Nru 320/2006], għandu jiġi interpretat fis-sens li, impenn tal-produttur li jwaqqaf il-kunsinna ta’ ċertu kwantità ta’ pitravi tal-kwota lill-impriżi li magħhom huwa kkonkluda kuntratt ta’ kunsinna matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti, ifisser dikjarazzjoni unilaterali tal-produttur li tipprovdi li huwa ma huwiex ser iforni pitravi taz-zokkor matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009, jew ifisser xoljiment bil-miktub tar-relazzjoni kuntrattwali bejn il-produttur u l-impriża taz-zokkor li tikkonċerna l-kunsinna ta’ pitravi taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni msemmja?
2)
Il-fatt li parti fil-kuntratt tuża approċċ stabbilit minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni direttament applikabbli jista’ jkollu bħala konsegwenza n-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-impenn ta’ din il-parti, ibbażat fuq kuntratt validu konkluż bejn suġġetti għal dritt privat, jekk dan il-fatt iwassal sabiex il-parti l-oħra fil-kuntratt tingħata fondi mill-baġit tal-Istat?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
14
Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4a(1) tar-Regolament Nru 320/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-impenn li titwaqqaf il-kunsinna ta’ ċerta kwantità ta’ pitravi taz-zokkor matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 jistax ikun fil-forma ta’ dikjarazzjoni unilaterali tal-produttur jew jekk il-prodottur jistax jagħmel tali impenn biss jekk dan diġà effettivament irrexxinda r-relazzjoni kuntrattwali li torbtu mal-kumpannija taz-zokkor.
15
Kif jirriżulta mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 1261/2007, ir-Regolament Nru 320/2006 ġie adottat bil-għan li jippermetti lill-produtturi taz-zokkor l-inqas kompetittivi sabiex iċedu l-produzzjoni tagħhom tal-kwota. Madankollu, ir-rinunzja tal-kwoti taħt dan ir-regolament ma laħqitx il-livell li kien mistenni fil-bidu.
16
B’konformità mal-premessa 7 tiegħu, ir-Regolament Nru 1261/2007 għandu l-għan li l-iskema ta’ ristrutturazzjoni tagħti riżultati aħjar filwaqt li tippermetti lill-produtturi, matul il-perijodu ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009, li jċedu minn jeddhom il-produzzjoni tagħhom tal-pitravi jew tal-kannamieli maħsuba għall-ipproċessar f’zokkor tal-kwota.
17
Għal dan il-għan, abbażi tal-Artikolu 4a(1) tar-Regolament Nru 320/2006, produttur jista’ jitlob direttament għajnuna għar-ristrutturazzjoni akkumpanjata minn impenn li jwaqqaf il-kunsinna ta’ ċerta kwantità ta’ pitravi jew kannamieli tal-kwota lill-impriżi li magħhom huwa jkun ikkonkluda kuntratt ta’ kunsinna matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti.
18
Kif previst fl-Artikolu 4a(4) tar-Regolament Nru 320/2006, l-applikazzjonijiet għal għajnuna ppreżentati direttament mill-produtturi jwasslu lill-Istat Membru sabiex inaqqas il-kwota tal-impriżi taz-zokkor sal-limitu massimu ta’ 10 % tal-kwota attribwita għal kull impriża.
19
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 4a tar-Regolament Nru 320/2006 u lanqas xi dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni ma jipprovdu li dawn l-applikazzjonijiet għandhom ikunu antiċipati mit-terminazzjoni minn qabel tal-kuntratti ta’ kunsinna li jorbtu lill-produtturi mal-impriżi taz-zokkor.
20
Issa, it-twettiq tal-għan li jitnaqqsu l-kwoti ta’ produzzjoni taz-zokkor, imfakkar fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, jista’ jkun kompromess jekk tali tnaqqis ikun jista’ jiġi suġġett għall-kollaborazzjoni tal-impriżi taz-zokkor riflessa, b’mod partikolari, fit-terminazzjoni minn qabel, b’kunsens reċiproku, tal-kuntratt ta’ kunsinna li jorbot lill-produttur mal-impriża.
21
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-applikazzjonijiet għal għajnuna ppreżentati direttament mill-produtturi b’konformità mal-Artikolu 4a(4) tar-Regolament Nru 320/2006, il-fatt li jintlaħaq il-limitu massimu ta’ 10 % tal-kwota taz-zokkor attribwit lil kull impriża joħloq obbligu għall-Istat Membru kkonċernat li jiċħad l-applikazzjonijiet li jaqbżu dan il-limitu skont l-ordni kronoloġika li fiha jkunu ġew ippreżentati.
22
Għalhekk, jekk il-produttur jirrexxindi l-kuntratt tiegħu ta’ kunsinna sabiex ikun jista’ japplika għal għajnuna għar-ristrutturazzjoni u jekk, sussegwentement, l-applikazzjoni tiegħu ma tintlaqax, huwa la jkollu l-possibbiltà li jikkunsinna l-pitravi jew il-kannamieli taz-zokkor abbażi ta’ kuntratt, u lanqas ma jkollu l-possibbiltà li jakkwista din l-għajnuna.
23
Dan ir-riskju jkun tali li jiskoraġġixxi lill-produtturi milli jintrabtu li ma jikkunsinnawx pitravi jew il-kannamieli lill-impriżi taz-zokkor u jmur kontra l-għan li jitnaqqsu l-kwoti tal-produzzjoni taz-zokkor fuq inizjattiva tal-imsemmija produtturi.
24
Dan japplika wkoll jekk l-impriża taz-zokkor tapplika hija stess għal għajnuna, b’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 320/2006, u jekk, fid-dawl tal-Artikolu 4a(6) tar-Regolament Nru 320/2006, l-applikazzjoni għal għajnuna tal-produttur ma tkunx aċċettata.
25
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4a(1) tar-Regolament Nru 320/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impenn li titwaqqaf il-kunsinna ta’ ċerta kwantità ta’ pitravi taz-zokkor matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 jista’ jieħu l-forma ta’ dikjarazzjoni unilaterali mill-produttur.
Fuq it-tieni domanda
26
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4a(1) tar-Regolament Nru 320/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-impenn unilaterali tal-produttur li jwaqqaf il-kunsinna ta’ ċerta kwantità ta’ pitravi taz-zokkor matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 jimplikax, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-obbligi kuntrattwali tiegħu fil-konfront tal-impriża taz-zokkor.
27
Kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, l-Artikolu 4a(1) tar-Regolament Nru 320/2006, fih innifsu, ma għandu l-ebda effett legali fuq l-obbligi kuntrattwali tal-partijiet.
28
Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4a(1) tar-Regolament Nru 320/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impenn unilaterali tal-produttur li jwaqqaf il-kunsinna ta’ ċerta kwantità ta’ pitravi taz-zokkor matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 ma jimplikax, fih innifsu, in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-obbligi kuntrattwali tiegħu fil-konfront tal-impriża taz-zokkor.
Fuq l-ispejjeż
29
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1)
L-Artikolu 4a(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006, tal-20 ta’ Frar 2006, li jistabilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1261/2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impenn li titwaqqaf il-kunsinna ta’ ċerta kwantità ta’ pitravi taz-zokkor matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 jista’ jieħu l-forma ta’ dikjarazzjoni unilaterali mill-produttur.
2)
L-Artikolu 4a(1) tar-Regolament Nru 320/2006, kif emendat bir-Regolament Nru 1261/2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impenn unilaterali tal-produttur li jwaqqaf il-kunsinna ta’ ċerta kwantità ta’ pitravi taz-zokkor matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 ma jimplikax, fih innifsu, in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-obbligi kuntrattwali tiegħu fil-konfront tal-impriża taz-zokkor.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.
Full & Egal Universal Law Academy