SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
12 ta’ Settembru 2013 ( *1 )
“Kuntratti pubbliċi — Direttiva 2004/18 — Il-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(9) — Kunċett ta’ ‘organu rregolat mid-dritt pubbliku’ — Kundizzjoni li tirrigwarda l-finanzjament tal-attività, jew il-kontroll tal-ġestjoni, jew il-kontroll tal-attività mill-Istat, minn awtoritajiet reġjonali jew lokali jew minn organi oħra rregolati mid-dritt pubbliku — Kamra professjonali tat-tobba — Finanzjament previst mil-liġi permezz ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa mill-membri ta’ din il-kamra — Ammont ta’ kontribuzzjonijiet stabbilit mill-assemblea tal-imsemmija kamra — Awtonomija tal-imsemmija kamra fir-rigward tal-istabbiliment tal-portata u tal-metodi ta’ eżekuzzjoni tal-funzjonijiet legali tagħha”
Fil-Kawża C‑526/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ottubru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ottubru 2011, fil-proċedura
IVD GmbH & Co. KG
vs
Ärztekammer Westfalen-Lippe,
fil-preżenza ta’:
WWF Druck + Medien GmbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, A. Rosas, E. Juhász, D. Šváby (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Novembru 2012,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
—
għal IVD GmbH & Co. KG, minn J. Eggers, avukat,
—
għall-Ärztekammer Westfalen-Lippe, minn S. Gesterkamp u T. Schneider-Lasogga, avukat,
—
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u T. Müller, bħala aġenti,
—
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Noll-Ehlers, A. Tokár u C. Zadra, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Jannar 2013,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (c) tat-tieni inċiż tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol 7, p. 132).
2
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn IVD GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “IVD”) u l-Ärztekammer Wesfalen-Lippe (il-kamra tat-tobba ta’ Westphalie-Lippe, iktar ’il quddiem l-“Ärztekammer”), dwar id-deċiżjoni ta’ din li tagħti kuntratt lil kumpannija oħra sussegwentement għal sejħa għall-offerti.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3
Skont it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18:
“‘Korpi rregolati bil-liġi pubblika’ [Organu rregolat mid-dritt pubbliku] tfisser kull korp:
a)
stabbilit għall-għan speċifiku li jilħaq il-bżonnijiet fl-interess pubbliku, li m’għandhomx karattru industrijali jew kummerċjali;
b)
li għandhom personalità legali; u
c)
ffinanzjati, mill-biċċa l-kbira, mill-Istat, reġjonali jew awtoritajiet lokali, jew korpi oħra rregolati mill-liġi pubblika; jew suġġetti għas-supervizzjoni manigerjali minn dawk il-korpi; jew għandhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tagħhom huma appuntati mill-autoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati bil-liġi pubblika.
Lista ta’ korpi li m’humiex eżawrjenti u kategoriji ta’ korpi rregolati bil-liġi pubblika li jissodisfaw il-kriterja riferuta fil-(a), (b) u (c) tat-tieni subparagrafu huma mniżżla fl-Anness III. [...]”
4
Fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-imsemmi anness jirreferi għall-assoċjazzjonijiet professjonali, u fosthom l-assoċjazzjonijiet tat-tobba, fost l-awtoritajiet maħluqa mill-Istat, il-Länder jew l-awtoritajiet lokali (Parti III, kategorija 1.1, it-tieni inċiż).
Id-dritt Ġermaniż
5
Skont il-punti 1 sa 5 tal-Artikolu 6(1) tal-liġi tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen dwar il-professjonijiet tas-saħħa (Heilberufsgesetz des Landes Nordrhein-Westfalen, iktar ’il quddiem il-“HeilBerG NRW”), l-Ärztekammer għandha b’mod partikolari bħala missjoni:
“1.
li tappoġġa s-servizz pubbliku tas-saħħa u s-servizz pubbliku veterinarju fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari li tifformula l-proposti għall-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw il-professjonijiet tas-saħħa u l-mediċina;
2.
li jagħtu opinjonijiet fuq talba tal-awtorità li tissorvelja, kif ukoll li tipproduċi rapporti ta’ esperti u li taħtar esperti fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti;
3.
li tiżgura servizz mediku u tad-dentistrija tal-emerġenza fil-ħinijiet wara l-ħinijiet ta’ konsultazzjoni, li dan is-servizz jiġi rriklamat u li jiġu stabbiliti r-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni;
4.
li jitwettaq u li jiġi promoss taħriġ professjonali kontinwu tal-membri tal-kamra sabiex jikkontribwixxi sabiex il-konoxxenzi, kapaċitajiet u kompetenzi neċessarji għall-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom jikkorrispondi mal-aħħar stat tal-prattika u tax-xjenza matul il-ħajja professjonali tagħhom, li jsiru regoli dwar it-taħriġ kontinwu b’mod konformi ma’ [din] il-liġi u li jinħarġu ċertifikati dwar l-ispeċjalitajiet; [...]
5.
li jitwettqu li tiġi promossa l-kwalità tas-servizzi tas-saħħa u veterinarji, b’mod partikolari li jiġu stabbiliti ċertifikazzjonijiet, bi qbil mal-partijiet ikkonċernati.”
6
Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-fajl disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-istess liġi:
—
tagħti wkoll lill-Ärztekammer, fost l-oħrajn, il-funzjoni li taħdem sabiex il-livell tal-professjoni jinżamm għoli, li tiddefendi l-interessi professjonali tal-membri tagħha, li tara li jkun hemm rapporti tajbin bejniethom, li tistabbilixxi favur il-membri tagħha u l-familji tagħhom istituzzjonijiet ta’ assistenza jew li jinfurmaw lill-pubbliku dwar is-suġġett tal-attivitajiet tagħhom u temi marbuta mal-professjoni (Artikolu 6(1)(6) sa (8), (10) u (12));
—
tagħti l-istatus ta’ membru ta’ din il-kamra lil kull tabib li jipprattika l-professjoni tiegħu fil-Land ta’ Nordrhein-Westfalen jew li għandu residenza permanenti hemmhekk (Artikolu 2);
—
bħala prinċipju, tagħti d-dritt tal-vot fi ħdan l-assemblea ġenerali tal-imsemmija kamra lill-membri kollha ta’ din il-kamra (Artikolu 12(1));
—
tistabbilixxi d-dritt, għall-Ärztekammer, li tiġbor kontribuzzjonijiet mill-membri tagħha sabiex twettaq il-funzjonijiet tagħha (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(4));
—
tipprovdi li l-ammont ta’ dawk il-kontribuzzjonijiet għandu jkun stabbilit permezz ta’ regolament adottat mill-assemblea ġenerali ta’ din il-kamra (Artikolu 23(1));
—
tissuġġetta dan ir-regolament għall-approvazzjoni ta’ awtorità superviżorja (Artikolu 23(2)), din l-approvazzjoni hija intiża biss sabiex tiżgura li l-baġit tal-imsemmija kamra jkun bilanċjat, u
—
tipprovdi li l-awtorità superviżorja teżerċità, a posteriori, kontroll ta’ ordni ġenerali li jirrigwarda l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-mod kif Ärztekammer twettaq il-funzjoni tagħha (Artikolu 28(1)).
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
7
L-Ärztekammer nediet sejħa pubblika għall-offerti għall-istampar u l-impustar tal-ittra ta’ informazzjoni tagħha kif ukoll il-ħruġ ta’ avviżi u l-bejgħ ta’ abbonamenti, bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ sejħa għall-offerti fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-5 ta’ Novembru 2010. Wara li ġew eliminati żewġ offerenti oħrajn, l-għażla kellha ssir bejn IVD u WWF Druck + Medien GmbH, u finalment ġiet aċċettata l-offerta ta’ din tal-aħħar.
8
IVD ikkontestat l-għoti ta’ dan il-kuntratt permezz ta’ oppożizzjoni, u sussegwentement permezz ta’ rikors quddiem il-Vergabekammer, qorti kompetenti sabiex tiddeċiedi kawżi dwar kuntratti pubbliċi, fejn sostniet li l-offerent rebbieħ ma kienx ippreżenta ċerti referenzi meħtieġa mill-Ärztekammer. Din l-azzjoni ġiet miċħuda minn din il-qorti, peress li t-talbiet tagħha ġew iddikjarati infondati.
9
Meta kienet qed tisma’ kawża kontra d-deċiżjoni tal-imsemmija qorti, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li teżamina ex officio kwistjoni dwar l-istatus ta’ awtorità kontraenti tal-Ärztekammer, kwistjoni li fuqha tiddependi l-ammissibbiltà tal-kawża mressqa minn IVD.
10
Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-funzjonijiet mogħtija lil dik il-kamra mill-punti 1 sa 5 tal-Artikolu 6(1) tal-HeilBerG NRW, huma funzjonijiet ta’ interess ġenerali u li ma għandhomx karattru industrijali jew kummerċjali. Barra minn hekk, mill-fajl ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-imsemmija kamra għandha personalità ġuridika. B’hekk, tissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-punti(a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18.
11
Min-naħa l-oħra, din il-qorti tistaqsi jekk id-dritt tal-Ärztekammer li tirċievi ħlasijiet mingħand il-membri tagħha, jikkostitwixxix finanzjament statali indirett li jissodisfa l-kundizzjoni stipulata fil-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(9) ta’ din id-direttiva.
12
Skont il-qorti tar-rinviju, mis-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2007, Bayerischer Rundfunk et (C-337/06, Ġabra p. I-11173), kif ukoll tal-11 ta’ Ġunju 2009, Hans & Christophorus Oymanns (C-300/07, Ġabra p. I-4779), jirriżulta li tali finanzjament indirett mill-istat jeżisti meta l-Istat stess jistabbilixxi huwa stess il-bażi u l-ammont tal-kontribuzzjonijiet, jew jeżerċità influwenza tali, permezz tad-dispożizzjonijiet li jiddeskrivu preċiżament is-servizzi li għandha tipprovdi l-persuna ġuridika kkonċernata u li tiddetermina l-ammont tal-kontribuzzjonijiet, li din il-persuna ġuridika għandha biss diskrezzjoni stretta sabiex tistabbilixxi dan l-ammont.
13
Issa, din il-qorti tosserva li l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tiffissax l-ammont tal-kontribuzzjonijiet miġbura mill-Ärztekammer u ma tiddeterminax il-grad u l-metodi tal-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet assenjati lilha b’tali mod li hija tista’ tiffissa l-ammont tal-ħlasijiet biss fi ħdan qafas strett. Għall-kuntrarju, peress li għandha diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tat-twettiq tal-funzjonijiet tagħha, il-kamra għandha diskrezzjoni simili biex tiddetermina l-bżonnijiet tagħha ta’ finanzjament, u b’hekk fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet dovuti mill-membri tagħha. L-imsemmija qorti ssostni minn naħa l-oħra li, jekk teżisti sistema ta’ approvazzjoni tar-regolament li jistabbilixxi dan l-ammont mill-awtorità superviżorja, din l-approvazzjoni hija biss intiża sabiex tiżgura l-bilanċ tal-baġit tal-imsemmija kamra.
14
Fir-rigward ta’ dawn l-elementi speċifiċi, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-Ärztekammer ma tissodisfax l-karatteristiċi rrilevati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi msemmija fil-punt 12 tas-sentenza preżenti u tistaqsi jekk dawn humiex neċessarji fil-każijiet kollha sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni ta’ finanzjament pubbliku.
15
F’dan il-kuntest, l-Oberlandesgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Korp [Organu] (hawnhekk: kamra ta’ professjonisti) fis-sens tal-punt (c) tat-tieni inċiż tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 [...] huwa ‘[ffinanzjat] mill-biċċa l-kbira, mill-Istat’ jew ‘suġġetti għas-supervizzjoni manigerjali’ mill-Istat:
—
meta l-liġi tawtorizza lill-korp [organu] inkwistjoni li jirċievi miżata mingħand il-membri tiegħu, mingħajr ma jiffissa l-ammont u lanqas ma jippreċiża l-portata tal-benefiċċji li dan huwa intiż li jiffinanzja,
—
iżda li l-iskala ta’ ħlasijiet ta’ taxxi u ta’ drittijiet għandha tiġi approvata mill-Istat?”
Fuq id-domanda preliminari
16
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 għandux jiġi interpretat fis-sens li organu, bħal kamra professjonali, rregolat mid-dritt pubbliku, jissodisfax jew il-kriterju dwar il-finanzjament fil-parti l-kbira mill-awtoritajiet pubbliċi jekk dak l-organu huwa ffinanzjat fil-parti l-kbira mill-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-membri tiegħu, li l-liġi applikabbli jawtorizzah jistabbilixxi u jiġbor l-ammont, fil-każ fejn dik il-liġi ma tistabbilixxix il-portata u l-metodi tal-azzjonijiet li l-imsemmi organu jwettaq fil-kuntest tat-twettiq tal-funzjonijiet legali tiegħu, li dawk il-kontribuzzjonijiet huma destinati li jiffinanzjaw, jew il-kriterju dwar il-kontroll tal-ġestjoni mill-awtoritajiet pubbliċi jekk id-deċiżjoni li permezz tagħha l-istess organu jistabbilixxi l-ammont tal-imsemmija kontribuzzjonijiet għandha tiġi approvata minn awtorità superviżorja.
17
Għandu jingħad mill-bidu, hekk kif għamlet il-qorti tar-rinviju, li l-Ärztekammer hija prevista fl-Anness III tad-Direttiva 2004/18, li fihom huma identifikati, għal kull Stat Membru, l-organi rregolati mid-dritt pubbliku u kategoriji ta’ organi rregolati mid-dritt pubbliku previsti fl-imsemmi tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9). Fil-fatt, fil-Parti III ta’ dan l-anness, li tirrigwarda r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-kategorija 1.1, li tirrigwarda l-“awtoritajiet governati mil-liġi pubblika u kreati mill-Istat jew il-Länder jew l-awtoritajiet lokali”, issemmi fit-tieni inċiż tagħha, dwar is-sub kategorija “assoċjazzjonijiet professjonali”, b’mod partikolari “[l-assoċjazzjonijiet jew kmamar tat-][...] tobba”.
18
Madankollu, hekk kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punti 20 u 21 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-inklużjoni ta’ organu partikolari f’dan l-anness jammonta biss għall-eżekuzzjoni tar-regola bażika msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18, mingħajr ma dan iwassal għal preżunzjoni inkonfutabbli li dan l-organu jammonta għal “korp irregolat bil-liġi pubblika [organu rregolat mid-dritt pubbliku]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. B’hekk, hija l-Qorti tal-Unjoni, meta ssirilha talba mmotivata f’dan is-sens minn qorti nazzjonali, li għandha tiżgura l-koerenza interna ta’ din id-direttiva, billi tivverfika jekk l-inklużjoni ta’ organu fl-imsemmi anness tammontax għal applikazzjoni korretta ta’ din ir-regola sostantiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hans & Christophorus Oymanns, iċċitata iktar ’il fuq, punti 42, 43 u 45).
19
F’dan ir-rigward, b’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18, entità tammonta għal “korp irregolat bil-liġi pubblika [organu rregolat mid-dritt pubbliku]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u hija suġġetta, fuq dik il-bażi, għad-dispożizzjonijiet ta’ dik id-direttiva meta tliet kundizzjonijiet kumulattivi huma ssodisfatti, jiġifieri li din l-entità ġiet ikkreata sabiex tissodisfa speċifikament bżonnijiet ta’ interess ġenerali li ma għandhomx karattru industrijali jew kummerċjali [punt (a)], li għandha personalità ġuridika [punt (b)] u li l-attività tagħha tkun iffinanzjata fil-parti l-kbira mill-awtoritajiet pubbliċi jew li l-ġestjoni tagħha tkun ikkontrollata minn dawn tal-aħħar, jew li iktar minn nofs il-membri tal-bord ta’ amministrazzjoni, tat-tmexxija jew superviżorju jkunu maħtura mill-awtoritajiet pubbliċi [punt (c)].
20
It-tlett kriterji alternattivi msemmija fil-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tal-imsemmija direttiva kollha jirreflettu dipendenza stretta fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi. Fil-fatt, dipendenza bħal din tista’ tippermetti lil dawn tal-aħħar li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-organu inkwistjoni fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi, li jwassal għall-possibbiltà li kunsiderazzjonijiet oħra mhux ekonomiċi jigwidaw dawn id-deċiżjonijiet, u b’mod partikolari r-riskju li preferenza tkun mogħtija lill-offerenti jew lill-kandidati nazzjonali, li jwassal għal ostakli għall-moviment liberu tas-servizzi u tal-merkanzija, li l-applikazzjoni tad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi għandhom l-għan speċifiku li jipprevjenu (ara, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet simili preċedenti għad-Direttiva 2004/18, sentenza tal-1 ta’ Frar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-237/99, Ġabra p. I-939, punti 39, 41, 42, 44 u 48 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).
21
Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, kull wieħed minn dawn il-kriterji għandu jirċievi interpretazzjoni funzjonali (ara, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet simili preċedenti għad-Direttiva 2004/18, sentenzi ċċitati Il-Kummissjoni vs Franza, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Bayerischer Rundfunk et, punt 40), jiġifieri indipendentement mill-metodi formali tal-eżekuzzjoni tiegħu (ara, b’analoġija, sentenza tal-10 ta’ Novembru 1998, BFI Holding, C-360/96, Ġabra p. I-6821, punti 62 u 63), u għandu jiġi mifhum bħala li jikkrea dipendenza stretta fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi.
22
Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ewwel kriterju msemmi fil-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18, dwar il-finanzjament fil-parti l-kbira mill-awtoritajiet pubbliċi, il-kunċett ta’ finanzjament għandu bħala għan it-trasferiment tal-mezzi finanzjarji mwettaq mingħajr korrispettiv speċifiku, bil-għan li ssostni l-attivitajiet tal-entità kkonċernata (ara, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet simili preċedenti għad-Direttiva 2004/18, sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, University of Cambridge, C-380/98, Ġabra p. I-8035, punt 21).
23
Peress li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod funzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kriterju dwar il-finanzjament fil-parti l-kbira mill-awtoritajiet pubbliċi jinkludi metodu ta’ finanzjament indirett.
24
Finanzjament bħal dan jista’ jkun operat permezz ta’ miżata prevista u imposta mil-liġi fir-rigward tal-prinċipju tagħha u fir-rigward tal-ammont tagħha, u li ma tikkostitwixxix il-korrispettiv tal-użu effettiv tas-servizzi pprovduti mill-organu kkonċernat mill-persuni li għandhom iħallsu l-miżata, u li l-metodi ta’ ġbir tagħha jirriżultaw mill-prerogattivi ta’ awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bayerischer Rundfunk et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41, 42, 44, 45 u 47 sa 49).
25
Iċ-ċirkustanza li, formalment, organu jistabbilixxi huwa stess l-ammont tal-kontribuzzjonijiet li jiżguraw il-finanzjament tiegħu fil-parti l-kbira ma jeskludix li jista’ jkollu finanzjament indirett li jissodisfa l-imsemmi kriterju. Dak huwa l-każ meta organi bħall-iskemi pubbliċi tal-assigurazzjoni soċjali huma ffinanzjati permezz ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa minn jew għall-affiljati tagħhom, mingħajr korrispettiv speċifiku, meta l-affiljazzjoni għal tali sistema kif ukoll il-ħlas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet huma obbligatorji bil-liġi, li r-rata ta’ dawn tal-aħħar, għalkemm formalment stabbiliti minn dawn l-iskemi stess, hija, minn naħa, ġuridikament imposta, il-liġi tiddetermina s-servizzi pprovduti mill-imsemmija sistemi kif ukoll l-ispejjeż relatati u li tipprojbilhom milli jeżerċitaw l-funzjonijiet tagħhom b’għan li jagħmlu qligħ, u, min-naħa l-oħra, trid tkun awtorizzata mill-awtorità superviżorja, u li l-ġbir tal-kontribuzzjonijiet huwa obbligatorju, abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hans & Christophorus Oymanns, iċċitata iktar ’il fuq, punti 53 sa 56).
26
Hemm lok madankollu li jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni ta’ organu bħall-Ärztekammer ma tistax tiġi kkomparata ma’ dik deskritta fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti.
27
Fil-fatt, jekk il-funzjonijiet ta’ dan l-organu huma enumerati mill-HeilBerG NRW, madankollu jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li s-sitwazzjoni tagħha hija kkaratterizzata mill-awtonomija kbira li tagħtih din il-liġi sabiex jiddetermina n-natura, il-portata u l-metodi tal-eżekuzzjoni tal-azzjonijiet li huwa jieħu bil-għan tat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, b’hekk, sabiex jiġi jistabbilixxi l-baġit neċessarju għal dan il-għan u, konsegwentement, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet li huwa jeżiġi mill-membri tiegħu. Iċ-ċirkustanza li r-regolament li jistabbilixxi dan l-ammont għandu jkun approvat minn awtorità pubblika superviżorja ma hijiex determinanti peress li din l-awtorità tillimita ruħha li tivverifika li l-baġit tal-organu kkonċernat huwa bbilanċjat, jiġifieri li dan tal-aħħar jiżgura, permezz tal-kontribuzzjonijiet tal-membri tiegħu u tar-riżorsi l-oħra tiegħu, dħul suffiċjenti sabiex ikopri l-ispejjeż kollha marbuta mal-funżjonament tiegħu skont il-metodi li huwa stess adotta.
28
Min-naħa l-oħra, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punti 65 u 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-awtonomija fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi hija wkoll imsaħħa fil-każ preżenti mill-fatt li l-imsemmi regolament huwa adottat permezz ta’ assemblea magħmula mill-kontributuri stess.
29
Fir-rigward, sussegwentement, tat-tieni kriterju msemmi fil-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/18, dwar il-kontroll tal-ġestjoni mill-awtoritajiet pubbliċi, għandu jitfakkar li, bħala prinċipju, kontroll a posteriori ma jissodisfax dan il-kriterju, peress li tali kontroll ma jippermettix lill-awtoritajiet pubbliċi li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-organu inkwistjoni fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2003, Adolf Truley, C-373/00, Ġabra p. I-1931, punt 70). Dan huwa għalhekk il-każ, bħala prinċipju, ta’ stħarriġ ġenerali tal-legalità mwettqa a posteriori minn awtorità superviżorja u, a fortiori, ta’ intervent ta’ din l-awtorità fil-forma ta’ approvazzjoni tad-deċiżjoni ta’ dan l-organu li tistabbilixxi l-ammont tal-kontribuzzjonijiet li jiżguraw il-parti l-kbira tal-finanzjament tiegħu, li jillimita ruħu li jivverifika li l-baġit tal-imsemmi organu jkun bbilanċjat.
30
B’hekk jidher li, għalkemm il-liġi tiddetermina l-funzjonijiet tiegħu kif ukoll il-mod kif il-parti l-kbira tal-finanzjament tiegħu jrid jiġi organizzat, minn naħa, u tipprovdi li d-deċiżjoni li permezz tagħha huwa jistabbilixxi l-ammont tal-kontribuzzjonijiet dovuti mill-membri tiegħu għandu jiġi approvat minn awtorità superviżorja, min-naħa l-oħra, organu bħall-Ärztekammer għandu konkretement awtonomija organizzattiva u baġitarja li tipprojbixxi li jkun ikkunsidrat bħala li huma fi stat ta’ dipendenza stretta fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi. B’hekk, il-metodi ta’ finanzjament ta’ tali organu ma jikkorrispondux għal finanzjament fil-parti l-kbira mill-awtoritajiet pubbliċi u ma jippermettux il-kontroll tal-ġestjoni ta’ dan l-organu mill-awtoritajiet pubbliċi.
31
Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda li saret li l-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li organu, bħall-kamra professjonali rregolata mid-dritt pubbliku, ma jissodisfax la l-kriterju li jirrigwarda l-finanzjament fil-parti l-kbira mill-awtoritajiet pubbliċi meta dan l-organu huwa ffinanzjat fil-parti l-kbira mill-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-membri tagħha, li l-liġi tawtorizzah jistabbilixxi u jiġbor l-ammont tagħhom, fil-każ fejn din il-liġi ma tiddeterminax il-portata u l-metodi tal-azzjonijiet li l-imsemmi organu jieħu fil-kuntest tat-twettiq tal-funzjonijiet legali tiegħu, li dawn il-kontribuzzjonijiet huma destinati sabiex jiffinanzjaw, u lanqas il-kriterju li jirrigwarda l-kontroll tal-ġestjoni mill-awtoritajiet pubbliċi minħabba l-fatt biss li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-istess organu jistabbilixxi l-ammont tal-imsemmija kontribuzzjonijiet għandu jiġi approvat minn awtorità superviżorja.
Fuq l-ispejjeż
32
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Il-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandu jiġi interpretat fis-sens li organu, bħall-kamra professjonali rregolata mid-dritt pubbliku, ma jissodisfax la l-kriterju li jirrigwarda l-finanzjament fil-parti l-kbira mill-awtoritajiet pubbliċi meta dan l-organu huwa ffinanzjat fil-parti l-kbira mill-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-membri tagħha, li l-liġi tawtorizzah jistabbilixxi u jiġbor l-ammont tagħhom, fil-każ fejn din il-liġi ma tiddeterminax il-portata u l-metodi tal-azzjonijiet li l-imsemmi organu jieħu fil-kuntest tat-twettiq tal-funzjonijiet legali tiegħu, li dawn il-kontribuzzjonijiet huma destinati sabiex jiffinanzjaw, u lanqas il-kriterju li jirrigwarda l-kontroll tal-ġestjoni mill-awtoritajiet pubbliċi minħabba l-fatt biss li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-istess organu jistabbilixxi l-ammont tal-imsemmija kontribuzzjonijiet għandu jiġi approvat minn awtorità superviżorja.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy