SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
26 ta’ Settembru 2013 ( *1 )
“Appell — Proċedimenti ta’ revoka — Trade mark verbali Komunitarja CENTROTHERM — Użu ġenwin — Mezzi ta’ prova — Affidavit — Oneru tal-prova — Eżami ex officio tal-fatti — Provi addizzjonali prodotti quddiem il-Bord tal-Appell — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikoli 15, 51 u 76 — Regolament (KE) Nru 2868/95 — Regola 40(5)”
Fil-Kawża C‑610/11 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2011,
Centrotherm Systemtechnik GmbH, stabbilita f’Brilon (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Schulz u C. Onken, Rechtsanwälte, kif ukoll minn F. Schmidt, Patentanwalt,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,
konvenut fl-ewwel istanza,
centrotherm Clean Solutions GmbH & Co. KG, stabbilita f’Blaubeuren (il-Ġermanja), irrappreżentata minn O. Löffel u P. Lange, Rechtsanwälte,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, U. Lõhmus, M. Safjan u A. Prechal (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Frar 2013,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Mejju 2013,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
Permezz tal-appell tagħha, Centrotherm Systemtechnik GmbH (iktar ’il quddiem “Centrotherm Systemtechnik”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Settembru 2011, Centrotherm Systemtechnik vs UASI – centrotherm Clean Solutions (CENTROTHERM) (T-434/09, Ġabra p.II-6227, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din il-qorti ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-25 ta’ Awwissu 2009 (Każ R 6/2008‑4) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), dwar proċedimenti ta’ revoka mibdija minn centrotherm Clean Solutions GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “centrotherm Clean Solutions”) kontra t-trade mark verbali Komunitarja CENTROTHERM li hija l-proprjetà ta’ Centrotherm Systemtechnik.
2
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-15 ta’ Settembru 2011, il-Qorti Ġenerali tat ukoll, f’kawża parallela bejn l-istess partijiet u li kienet timmina wkoll id-deċiżjoni kkontestata, is-sentenza tagħha centrotherm Clean Solutions vs UASI – Centrotherm Systemtechnik (CENTROTHERM) (T-427/09, Ġabra p.II-6207), li permezz tagħha din il-qorti laqgħat ir-rikors ta’ centrotherm Clean Solutions intiż għall-annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni.
3
L-imsemmija sentenza hija appellata permezz ta’ appell ippreżentat minn Centrotherm Systemtechnik (Kawża C‑609/11 P).
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament (KE) Nru 207/2009
4
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1) ikkodifika u ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).
5
Il-premessa 10 tar-Regolament Nru 207/2009 tipprovdi li:
“M’hemm ebda ġustifikazzjoni għall-protezzjoni ta’ trade marks Komunitarji jew, għall-protezzjoni favur trade mark li tkun ġiet irreġistrata qabel trade mark Komunitarja, ħlief fejn it-trade marks ikunu fil-fatt qed jintużaw.”
6
L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi, taħt it-titolu “L‑użu ta’ trade marks Komunitarji”:
“1. Jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jew jekk dan l-użu jkun ġie sospiż għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, it-trade mark Komunitarja għandha tkun soġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu.
[...]”
7
L-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 207/2009 intitolat “Eżaminazzjoni tal-oppożizzjoni” li jinsab fit-Taqsima 4 intitolata “Osservazzjonijiet minn terzi persuni u oppożizzjoni”, tat-Titolu IV intitolat “Il-Proċedura ta’ reġistrazzjoni” jipprovdi li:
“1. Waqt l-eżaminazzjoni tal-oppożizzjoni l-[UASI] għandu jistieden lill-partijiet, kemm jista’ jkun spiss, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, fi żmien iffisat lilhom mill-Uffiċċju, dwar il-komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn jew maħruġin minnu stess.
2. Fuq talba tal-applikant, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti li jkun għamel notifika għandu iġib provi li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ikun sar użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata u li huwa qiegħed isemmi bħala ġustifikazzjoni għall-oppożizzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għalfejn m’għandhiex tintuża, sakemm it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun f’dik id-data ilha reġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. F’nuqqas ta’ provi ta’ din ix-xorta, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda. [...]
[...]”
8
L-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 207/2009 intitolat “Raġunijiet għal revoka” li jinsab fit-Taqsima 2 intitolata “Bażi suffiċjenti għar-revokazzjoni”, tat-Titolu VI intitolat “Ċessjoni, Revoka u Invalidità” jipprovdi li:
“1. Id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati malli ssir applikazzjoni lill-[UASI] jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni:
(a)
jekk, għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata, u ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu; [...]
[...]
2. Meta r-raġunijiet ta’ revoka ta’ drittijiet jeżistu biss fir-rigward ta’ xi wħud biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata, id-drittijiet tal-proprjetarju għandhom jiġu dikjarati bħala revokati fir-rigward ta’ dawk il-prodotti jew servizzi biss.”
9
L-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament intitolat “L-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni” li jinsab fit-Taqsima 5 intitolata “Proċedimenti fl-[UASI] fir-rigward ta’ revoka jew invalidità”, tat-Titolu VI, jipprovdi li:
“1. Fl-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni għal revoka ta’ drittijiet jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-[UASI] għandu jistieden lill-partijiet, kemm jista’ jkun spiss skont il-ħtieġa, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, fi żmien li għandu jiġi iffissat mill-[UASI], dwar komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn jew maħruġa minnu stess.
2. Jekk issir talba mill-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti, li jkun parti fi proċedimenti ta’ invalidità, għandu jġib prova li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, it-trade mark Komunitarja preċedenti intużat b’mod ġenwin fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija reġistrata u li hija iċċitata minnu bħala ġustifikazzjoni għall-applikazzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għan-nuqqas ta’ użu, sakemm sa dik id-data it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun ilha irreġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. [...] F’nuqqas ta’ provi f’dan ir-rigward l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tiġi miċħuda. [...]
[...]”
10
L-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009 intitolat “L-eżaminazzjoni tal-fatti mill-Uffiċċju fuq inizzjattiva tiegħu stess”, li jinsab fit-Taqsima 1, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, tal-Kapitolu IX intitolat “Proċedura” jipprovdi li:
“1. Fi proċedimenti quddiemu l-[UASI] għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.
2. L-[UASI] jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati.”
11
Skont l‑Artikolu 78(1) tar‑Regolament Nru 207/2009:
“F’kull proċedimenti quddiem l-[UASI], il-miżati ta’ kif għandha tingħata jew tinkiseb ix-xiehda għandhom jinkludu dan li ġej:
[...]
(f)
stqarrijiet bil-miktub ġuramentati jew affermati jew li għandhom effett simili taħt il-liġi tal-Istat fejn tinkiteb l-istqarrija.”
Ir-Regolament (KE) Nru 2868/95
12
Ir-Regola 22(2) u (4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat‑13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2005, tad-29 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 287M, p. 12, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2868/95”) tipprovdi:
“2.
Fejn il-parti li qed topponi trid tipprovdi l-prova ta’ l-użu jew turi li hemm raġunijiet tajba għal non-użu, l-[UASI] għandu jistiednu biex jipprovdi l-provi meħtieġa fi żmien perjodu speċifikat minnu. Jekk il-parti li qed topponi ma tipprovdix tali prova qabel jiskadi l-limitu ta’ żmien, l-[UASI] għandu jirrifjuta l-oppożizzjoni.
3.
L-indikazzjonijiet u l-evidenza biex jinġabu l-provi ta’ l-użu għandhom jikkonsistu f’indikazzjonijiet li jikkonċernaw post, ħin, estenzjoni u natura ta’ l-użu tat-trejdmark opposta għall-oġġetti u servizzi li għalihom hi rreġistrata u li fuqhom l-oppożizzjoni hi bbażata, u l-evidenza b’appoġġ għal dawn l-indikazzjonijiet skond paragrafu 4.
4.
L-evidenza għandha tiġi ffajljata skond Regoli 79 u 79a u għandha, fil-prinċipju, tkun limitata għas-sottomissjoni ta’ dokumenti t’appoġġ u oġġetti oħra bħal pakketti, tabelli, lista tal-prezzijiet, katalogi, fatturi, ritratti, reklami fuq il-gazzetta, u dikjarazzjonijiet bil-miktub kif imsemmi fl-Artikolu [78] (1)(f) tar-[Regolament Nru 207/2009].”
13
Skont ir-Regola 40 tar‑Regolament Nru 2868/95:
“1.
Kull applikazzjoni għar-revoka jew għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità li hi meqjusa li ġiet iffajljata għandha tiġi nnotifikata lill-propjetarju tat-trejdmark tal-Komunità. Meta l-[UASI] jsib l-applikazzjoni ammissibbli, għandu jitlob lill-propjetarju tat-trejdmark tal-Komunità jiffajlja l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien perjodu speċifikat.
2.
Jekk il-proprjetarju tat-trade mark tal-Komunità ma jippreżenta l-ebda osservazzjoni, l-[UASI] jista’ jiddeċiedi fuq ir-revoka jew invalidità fuq il-bażi tal-provi quddiemu.
3.
Kull osservazzjoni ppreżentata mill-proprjetarju tat-trade mark tal-Komunità għandha tiġi kkomunikata lill-applikant, li għandu jintalab mill-[UASI], jekk dan jidhirlu li huwa xieraq, sabiex jirrispondi f’perjodu ta’ żmien speċifikat mill-[UASI].
4.
Ħlief fejn ir-Regola 69 tistipula jew tippermetti mod ieħor, l-osservazzjonijiet kollha iffajljati mill-partijiet għandhom jiġu mibgħuta lill-parti l-oħra kkonċernata
5.
F’każ ta’ applikazzjoni għal revoka bbażata fuq l-Artikolu [51] (1)(a) tar-[Regolament Nru 207/2009], l-[UASI] għandu jitlob lill-propjetarju tat-trejdmark tal-Komunità jġib prova ta’ l-użu ġenwin tal-marka, fi żmien perjodu speċifikat. Jekk il-prova ma tinġiebx fi żmien il-perodu stipulat, it-trejdmark tal-Komunità tiġi revokata. Regola 22 (2), (3) u (4) għandha tapplika mutatis mutandis.
6.
Jekk l-applikant ikollu jġib provi ta’ l-użu jew provi li hemm raġunijiet tajba għal non-użu skond l-Artikolu [57](2) jew (3) tar-Regolament [Nru 207/2009], l-[UASI] għandu jitlob lill-applikant iġib provi ta’ l-użu ġenwin tal-marka, fi żmien perjodu speċifikat. Jekk il-prova ma tinġiebx fi żmien il-perjodu stipulat, l-applikazzjoni għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tiġi rrevokata. Regola 22 (2), (3) u (4) għandha tapplika mutatis mutandis.”
Il-fatti li wasslu għall-kawża
14
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 1 sa 13 tas-sentenza appellata, hekk kif ġej:
“1
Fis-7 ta’ Settembru 1999, [Centrotherm Systemtechnik] ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-[UASI], abbażi tar-Regolament [Nru 40/94].
2
It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali CENTROTHERM.
3
Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 11, 17, 19 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat [...]
4
It-trade mark CENTROTHERM ġiet irreġistrata għall-prodotti u s-servizzi previsti fil-punt 3 iktar ’il fuq, fid-19 ta’ Jannar 2001, bħala trade mark Komunitarja.
5
Fit-7 ta’ Frar 2007, [centrotherm Clean Solutions] ippreżentat quddiem l-UASI, skont l‑Artikolu 15 u l-Artikolu 50(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 15 u l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009], applikazzjoni għar-revoka tat-trade mark CENTROTHERM għall-prodotti u servizzi rreġistrati kollha.
6
L-applikazzjoni għal revoka ġiet innotifikata fil-15 ta’ Frar 2007 [lil Centrotherm Systemtechnik], li ġiet mistiedna sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet eventwali tagħha u l-provi ta’ użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata f’terminu ta’ tliet xhur.
7
Fl-osservazzjonijiet tagħha tal-11 ta’ Mejju 2007, [Centrotherm Systemtechnik] [i]kkontestat l-applikazzjoni għal revoka u, sabiex turi l-użu ġenwin mit-trade mark tagħha, ipproduċiet l-elementi li ġejjin:
—
erbatax-il ritratt diġitali;
—
erba’ fatturi;
—
dikjarazzjoni intitolata ‘eidesstattliche Versicherung’ (dikjarazzjoni solenni) [affidavit] imwettqa minn W fil-kwalità tiegħu ta’ direttur [ta’ Centrotherm Systemtechnik].
8
[Centrotherm Systemtechnik] [i]ddikjarat li kellha fil-pussess tagħha diversi kopji oħra ta’ fatturi li hija kienet inizjalment irrinunċjat milli tippreżenta minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità. Filwaqt li affermat li setgħet tipproduċi dokumenti oħra, hija talbet lid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI sabiex tieħu miżura proċedurali bħala konsegwenza ta’ dan, fil-każ fejn hija tixtieq li xi provi oħra jew dokumenti individwali jiżdiedu mal-proċess.
9
Fit-30 ta’ Ottubru 2007, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddikjarat ir-revoka tat-trade mark CENTROTHERM billi kkonstatat li l-provi prodotti mi[nn Centrotherm Systemtechnik] ma kinux suffiċjenti sabiex juru l-użu ġenwin mill-imsemmija trade mark.
10
Fl-14 ta’ Diċembru 2007, [Centrotherm Systemtechnik] [i]ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni, li r-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ parzjalment permezz tad-[deċiżjoni kkontestata]. [Centrotherm Systemtechnik] sostniet b’mod partikolari li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kellha titlobha dokumenti ta’ informazzjoni oħra. Hija kkritikat ukoll lid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi li jidhru fil-proċess ta’ kawża oħra wkoll pendenti quddiem l-UASI li tirrigwarda t-trade mark CENTROTHERM.
11
Il-Bord tal-Appell annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ċaħad l-applikazzjoni għal revoka għall-prodotti ‘tubi għall-gass tal-impjanti tat-tisħin, pajpijiet taċ-ċmieni, pajpijiet għal kaldaruni tat-tisħin, aċċessorji għall-berner tal-gass, partijiet mekkaniċi tal-impjanti ta’ tisħin; partijiet mekkaniċi tal-impjanti tal-gass, viti għal pajpijiet; reġistru taċ-ċmieni’, fil-klassi 11, ‘ġonot, ġonġituri, rinforz għal pajpijiet, pajpijiet flessibbli, u l-prodotti mhux magħmula mill-metall li mhumiex imsemmija iktar ’il fuq’, fil-klassi 17, u ‘pajpijiet, tubi, b’mod partikolari għal kostruzzjoni; pajpijiet ta’ konnessjoni; pajpijiet għaċ-ċmieni’, fil-klassi 19. Il-Bord tal-Appell ċaħad il-bqija tar-rikors.
12
B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark CENTROTHERM, fir-rigward tal-perijodu ta’ ħames snin qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għal revoka, jiġifieri s-7 ta’ Frar 2007 (iktar ’il quddiem il-‘perijodu rilevanti’), għall-prodotti msemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq kienet ġiet prodotta, peress li r-ritratti pprovduti mi[nn Centrotherm Systemtechnik] juru n-natura tal-użu mit-trade mark u l-fatturi prodotti jattestaw li l-prodotti msemmija kienu ġew ikkummerċjalizzati taħt it-trade mark ikkontestata.
13
Madankollu, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li [Centrotherm Systemtechnik] kienet biss ipproduċiet id-dikjarazzjoni tad-direttur tagħha bħala prova fir-rigward tal-prodotti u servizzi l-oħra li għalihom it-trade mark CENTROTHERM kienet ġiet irreġistrata (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), li ma kienx suffiċjenti, skont il-Bord tal-Appell, sabiex jintwera l-użu ġenwin tat-trade mark. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell osserva li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni la kienet marbuta li titlob dokumenti oħra u lanqas li tieħu inkunsiderazzjoni l-proċess ta’ każ ieħor pendenti wkoll quddiem l-UASI.”
15
Sabiex il-fatti li wasslu għall-kawża kif esposti mill-Qorti Ġenerali jiġu esposti b’mod komplet, għandhom isiru l-kjarifiki li ġejjin.
16
Mill-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għal dak li jirrigwarda provi addizzjonali prodotti minn Centrotherm Systemtechnik quddiem il-Bord tal-Appell, dan tal-aħħar qies li tali “prova addizzjonali ġiet prodotta tardivament u ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni” peress li “t-terminu msemmi fit-tieni sentenza tar-Regola 40(5) tar-[Regolament Nru 2868/95] huwa terminu ta’ dekadenza li jekk ma jiġix osservat dan iwassal għar-revoka tat-trade mark, skont it-tielet sentenza tar-Regola 40(5), [tal-imsemmi Regolament]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-punt 37 ta’ din id-deċiżjoni, il-Bord tal-Appell żied jgħid, f’dan ir-rigward, li anki jekk jiġi aċċettat li l-Bord tal-Appell jevalwa liberament, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-rilevanza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi prodotti tardivament, ir-raġuni għaliex huwa għandu jeżerċita din is-setgħa favur ir-rikorrenti ma kinitx tidher f’dan il-każ. L-imsemmi Bord ippreċiża li f’dan ir-rigward din kienet ressqet biss argumenti ġenerali fuq ir-rwol u l-valur tad-dritt ta’ trade mark u li ma kinitx invokat l-impossibbiltà li tipproduċi prova tal-użu ġenwin sa mill-ewwel istanza.
Is-sentenza appellata
17
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-26 ta’ Ottubru 2009, Centrotherm Systemtechnik bdiet azzjoni għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet laqgħat it-talba għar-revoka tat-trade mark CENTROTHERM.
18
Insostenn tar-rikors tagħha, Centrotherm Systemtechnik invokat tliet motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq evalwazzjoni żbaljata tal-provi tal-użu prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-obbligu li jiżu eżaminati l-fatti ex officio, skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, u t-tielet nett, fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 76(2) ta’ dan ir-regolament, tal-provi prodotti quddiem il-Bord tal-Appell. Sussidjarjament, Centrotherm Systemtechnik invokat eċċezzjoni ta’ illegalità kontra r-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95.
19
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmi rikors.
20
Fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, fil-punti 21 sa 24 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali rreferiet, l-ewwel nett, għall-għan tas-sanzjoni ta’ revoka kif ukoll għar-regoli proċedurali u għall-prinċipji dwar l-amministrazzjoni tal-provi relatati magħha, bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 u mir-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95.
21
Fil-punti 25 sa 30 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rreferiet imbagħad għal diversi elementi ta’ ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ użu ġenwim u l-kundizzjonijiet li taħthom tali użu jista’ jitqies bħala stabbilit.
22
Wara li indikat, fil-punt 31 tas-sentenza appellata, li kien fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha kif imfakkra fil-punti 21 sa 30 tal-imsemmija sentenza li kellu jiġi evalwat jekk il-Bord tal-Appell kienx ġust meta fid-deċiżjoni kkontestata qies li l-provi prodotti minn Centrotherm Systemtechnik quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienu jipprovaw użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata għal dak li jirrigwarda l-prodotti u s-servizzi li ma humiex dawk iċċitati fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat dan li ġej, fil-punti 32 sa 34 tal-istess sentenza:
“32
Għandu jitfakkar li l-provi pprovduti mir-rikorrenti lid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni sabiex turi l-użu ġenwin mit-trade mark tagħha huma d-dikjarazzjoni solenni tad-direttur tagħha, erba’ fatturi u erbatax-il ritratt diġitali.
33
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li skont ġurisprudenza stabilita, sabiex tiġi evalwata l-forza probatorja ta’ ‘stqarrijiet bil-miktub ġuramentati jew affermati jew li għandhom effett simili taħt il-liġi tal-Istat fejn tinkiteb l-istqarrija', fis-sens tal-Artikolu 78(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, għanda tiġi vverifikata l-validità tal-informazzjoni li tinsab fiha, b’mod partikolari, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi tar-redazzjoni tiegħu, id‑destinatarju tiegħu, u wieħed għandu jistaqsi jekk, mill-kontenut tiegħu, l-imsemmi dokument jidhirx raġonevoli u kredibbli [...]
34
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, b’kunsiderazzjoni tar-rabtiet evidenti li jorbtu lill-awtur tad-dikjarazzjoni u lir-rikorrenti, l-imsemmija dikjarazzjoni tista’ tingħata valur probatorju biss jekk hija kkorroborata mill-kontenut tal-erbatax-il ritratt diġitali u l-erba’ fatturi ppreżentati.”
23
Fil-punti 35 sa 43 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-perspettiva kif imsemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, fatturi u ritratti prodotti minn Centrotherm Systemtechnik quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali rrilevat b’mod partikolari dan li ġej, fil-punti 36 u 37 tal-imsemmija sentenza:
“36
Dawn il-fatturi jattestaw li prodotti differenti li jirrigwardaw il-plumbing (pajpijiet, ġonġituri, armaturi għall-konnessjoni ta’ boiler, imnikeb, għotjien għal sistemi tal-egżost), inbiegħu mir-rikorrenti lil erba’ klijenti għal somma li tikkorrispondi, jekk tiġi inkluża l-fattura tal-2007, għal inqas minn 0.03% tad-dħul mill-bejgħ li r-rikorrenti tiddikjara li wettqet fl-2006, mill-bejgħ tal-prodotti taħt it-trade mark CENTROTHERM.
37
Isegwi li, quddiem l-UASI, ir-rikorrenti ressqet provi ta’ bejgħ relattivament dgħajfa meta mqabbla mas-somom indikati fid-dikjarazzjoni tad-direttur tagħha. Għaldaqstant, anki fil-każ fejn il-Bord tal-Appell kien ħa inkunsiderazzjoni lill-imsemmija dikjarazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li ma kienx hemm elementi suffiċjenti fil-proċess li jsostnu l-kontenut tal-imsemmija dikjarazzjoni fir-rigward tal-valur tal-bejgħ. Barra minn hekk, fir-rigward tal-aspett ratione temporis tal-użu mit-trade mark, l-isemmija fatturi jirrigwardaw perijodu qasir ħafna, saħansitra speċifiku, jiġifieri t-12, 18 u 21 ta’ Lulju 2006, u d-9 ta’ Jannar 2007.”
24
Wara l-eżami tagħha tal-fatturi u tar-ritratti prodotti, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 44 u 45 tas-sentenza appellata, dan li ġej:
“44
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li la r-ritratti u lanqas il-fatturi ma jippermettu li tiġi kkonfermata d-dikjarazzjoni tad-direttur tar-rikorrenti, sa fejn dan jafferma li l-prodotti li ġejjin ġew ikkummerċjalizzati taħt it-trade mark CENTROTHERM waqt il-perijodu rilevanti: partijiet mekkaniċi tal-impjanti ta’ tisħin; ta’ klimatizzazzjoni, ta’ produzzjoni ta’ fwar, ta’ tisħin u ta’ ventilazzjoni; apparat għall-iffiltrar tal-arja u l-partijiet tagħhom; ġonot; materjal għat-tkaħħil, materjal għall-ippakkjar, għall-mili u bħala iżolatur; materjal tal-plastik maħdum parzjalment; materjal għall-kostruzzjoni; pajpijiet flessibbli għall-kostruzzjoni, pannelli tal-kostruzzjoni; pannelli; estensjonijiet taċ-ċmieni, kapep taċ-ċmieni u xkaffi tal-fuklar.
45
Għandu jiġi konkluż li evalwazzjoni globali tal-elementi li jidhru fil-proċess ma tippermettix li jiġi dedott, sakemm ma jintużawx probabbiltajiet u preżunzjonijiet, li t-trade mark CENTROTHERM kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin waqt il-perijodu rilevanti għall-prodotti u s-servizzi l-oħrajn barra dawk imsemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq.”
25
It-tieni motiv ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali għall-motivi li ġejjin, esposti fil-punti 53 sa 55 tas-sentenza appellata:
“53
[...] [S]kont l-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 207/2009, id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati jekk ma jkunx hemm użu ġenwin mit-trade mark għal ħames snin [Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009], jekk, bħala konsegwenza tal-attività jew tal-inattività tal-proprjetarju tagħha, it-trade mark tkun saret l-isem komuni fil-kummerċ ta’ prodott jew ta’ servizz li għalih tkun irreġistrata [Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009] jew jekk it-trade mark, bħala konsegwenza tal-użu li jkun sar minnha mill-proprjetarju tagħha jew bil-kunsens tiegħu, aktarx tista’ tqarraq bil-pubbliku [Artikolu 51(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009].
54
Għalkemm dawn iż-żewġ kundizzjonijiet tal-aħħar jirrigwardaw raġunijiet assoluti għal rifjut, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1)(b) sa (d) u (g) tar-Regolament Nru 207/2009, l-ewwel waħda tirrigwarda dispożizzjoni li taqa’ taħt l-eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut, jiġifieri l-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-eżami tal-UASI dwar il-kwistjoni tal-użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ revoka huwa suġġett għall-applikazzjoni tal-aħħar parti tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprovdi li dan l-eżami huwa limitat għall-fatti invokati mill-partijiet.
55
Isegwi li l-premessa tar-rikorrenti, li tipprovdi li l-UASI llimita inġustament l-eżami tiegħu għall-provi li hija pproduċiet, hija żbaljata.”
26
It-tielet motiv ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali minħabba r-raġunijiet li ġejjin:
“61
L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-eżami tal-UASI tal-kwistjoni tal-użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja huwa, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 51 sa 54 iktar ’il fuq, suġġett għall-applikazzjoni tal-aħħar parti tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009. L-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi li l-eżami tal-UASI huwa limitat għall-fatti invokati mill-partijiet. Isegwi li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-UASI għandu ex officio l-obbligu li jikkompleta l-fajl tiegħu għandha tiġi injorata.
62
It-tieni nett, il-possibbiltà li l-partijiet fi proċedimenti quddiem l-UASI għandhom li jipproduċu fatti u provi wara li jiskadu t-termini stabbiliti għal dan il-għan, ma teżistix b’mod inkundizzjonat iżda tinsab, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, suġġetta għall-kundizzjoni li ma teżistix dispożizzjoni kuntrarja. Huwa biss jekk dan ir-rekwiżit jiġi sodisfatt li l-UASI jkollu setgħa diskrezzjonali fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatti u tal-provi ppreżentati tardivament [...]
63
Issa, fil-kawża preżenti, teżisti dispożizzjoni li tipprekludi teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi prodotti quddiem il-Bord tal-Appell, jiġifieri, ir-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95.”
27
Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-motiv ibbażat, bħala eċċezzjoni, fuq l-illegalità tar-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod partikolari, dan li ġej, fil-punti 67 sa 70 tas-sentenza appellata:
“67
Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, għalkemm huwa minnu li r-regoli tar-Regolament Nru 2868/95 ma jistgħux imorru kontra d-dispożizzjonijiet u l-istruttura tar-Regolament Nru 207/2009, xorta jibqa’ il-fatt li l-ebda kontradizzjoni ma tista’ tiġi kkonstatata bejn ir-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95 u d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-revoka li hemm fir-Regolament Nru 207/2009.
68
Fil-fatt, filwaqt li r-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi regola materjali, jiġifieri s-sanzjoni ta’ revoka għat-trade marks Komunitarji li ma kinux is-suġġett ta’ użu ġenwin, ir-Regolament Nru 2868/95 jippreċiża r-regoli proċedurali applikabbli, b’mod partikolari l-attribuzzjoni tal-oneru tal-prova u l-konsegwenzi ta’ nuqqas fir-rigward tat-termini stabbiliti. Barra minn hekk, hekk kif diġà ġie kkonstatat preċedentement [...], mill-istruttura tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li, fir-rigward tal-applikazzjoni għal revoka abbażi ta’ nuqqas ta’ użu ġenwin, il-firxa u l-intensità tal-eżami tal-UASI huma limitati mill-mezzi u mill-fatti invokati mill-partijiet.
[...]
70
Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li n-nuqqas ta’ rispett tat-termini mingħajr motiv ġust, li huma fundamentali gћall-funzjonament tajjeb tas-sistema Komunitarja, jista’ jiġi ssanzjonat mil-leġiżlazzjoni Komunitarja permezz tat-telf ta’ dritt, mingћajr ma dan ikun inkompatibbli mal-imsemmi prinċipju ta’ proporzjonalità [...]”.
It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
28
Permezz tal-appell tagħha, Centrotherm Systemtechnik titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tilqa’ r-rikors tagħha tal-ewwel istanza u tikkundanna lil UASI kif ukoll lil centrotherm Clean Solutions ibatu l-ispejjeż.
29
L-UASI jitlob li l-appell jiġi miċħud jew, sussidjarjament, ir-rikors tal-ewwel istanza jiġi miċħud kif ukoll li Centrotherm Systemtechnik tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.
30
centrotherm Clean Solutions titlob li l-appel jiġi miċħud u li Centrotherm Systemtechnik tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.
Fuq l-appell
31
Centrotherm Systemtechnik tinvoka erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.
Kjarifika preliminari
32
F’dan il-każ, mill-espożizzjoni tal-fatti li wasslu għall-kawża mfakkra fil-punt 14 tas-sentenza preżenti jirriżulta li, minkejja li l-proċedimenti ta’ revoka inkwistjoni nbdew meta kien fis-seħħ ir-Regolament Nru 40/94, id-deċiżjoni kkontestata ngħatat mill-Bord tal-Appell tal-UASI wara li r-Regolament Nru 207/2009 daħal fis-seħħ.
33
Madankollu, peress li dan ir-regolament tal-aħħar ikkodifika r-Regolament Nru 40/94 u ma saret l-ebda emenda lid-dispożizzjonijiet rilevanti tiegħu waqt din il-kodifikazzjoni, ser isir riferiment esklużiv, fil-kumplament tas-sentenza preżenti, għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009.
Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009
L-argumenti tal-partijiet
34
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Centrotherm Systemtechnik issostni li, billi fil-punt 34 tas-sentenza appellata ddikjarat li affidavit bħal dak imsemmi fl-Artikolu 78(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jistax jingħatalu valur probatorju ħlief jekk ma jkunx ikkorraborat mill-provi l-oħrajn prodotti, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-valur probatorju relattiv għal tali affidavits, jew anki ċaħdithom minn kull saħħa probatorja awtonoma. Barra minn hekk, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, f’dan il-każ, il-kontenut tal-affidavit inkwistjoni ma ġiex ikkontestat mill-partijiet l-oħra, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju li jipprovdi li n-natura ġenwina tal-użu għandha tkun evalwata b’mod globali fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami.
35
Il-fatt li l-Qorti Ġenerali injorat il-valur probatorju relattiv għall-affidavits irriżulta fil-konklużjoni, min-naħa tagħha, li ma kienx sar użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata u dan għamlitu bi ksur tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.
36
Skont l-UASI u centrotherm Clean Solutions, mill-punt 34 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma eskluditx in abstracto kwalunkwe valur probatorju għal dak li jikkonċerna l-affidavits, iżda li hija evalwat dan billi kkonstatat, fi tmiem evalwazzjoni li ma setgħetx tiġi mistħarrġa fil-kuntest ta’ appell, li, f’dan il-każ, huma neċessarji provi addizzjonali, fid-dawl tar-rabtiet eżistenti bejn l-awtur tal-affidavit inkwistjoni u Centrotherm Systemtechnik.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
37
Għandu jiġi kkonstatat li l-punt 34 tas-sentenza appellata li għandu jinqara, b’mod partikolari, fid-dawl tal-punti li jippreċeduh u dawk li jsegwuh, għandu portata li hija differenti minn dik li tirrikonoxxilhu, b’mod żbaljat, Centrotherm Systemtechnik.
38
Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li fil-punt 32 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeskriviet bħala “provi pprovduti mir-rikorrenti” kemm l-affidavit tad-direttur ta’ din tal-aħħar kif ukoll il-fatturi u r-ritratti prodotti.
39
Imbagħad, bil-kontra ta’ dak li ssostni Centrotherm Systemtechnik, il-Qorti Ġenerali bl-edba mod ma eskludiet li affidavit jista’ jkollu valur probatorju, iżda bil-kontra, hija enfasizzat, fil-punt 33 ta’ din is-sentenza li, sabiex jiġi evalwat dan il-valur probatorju, kellha tiġi vverifikata l-validità tal-informazzjoni li tinsab f’tali affidavit, b’mod partikolari, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi tar-redazzjoni tiegħu, id‑destinatarju tiegħu, u wieħed għandu jistaqsi jekk, mill-kontenut tiegħu, l-imsemmi dokument jidhirx raġonevoli u kredibbli.
40
Kien biss sussegwentement u wara li bdiet, b’mod konret, tali eżami tal-affidavit inkwisjoni fil-kawża preżenti li, fil-punt 34 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li, b’kunsiderazzjoni tar-rabtiet evidenti li jorbtu lill-awtur ta’ dan l-affidavit u lil Centrotherm Systemtechnik, l-imsemmi affidavit seta’ jingħata valur probatorju biss, f’dan il-każ, kieku kien ikkorroborat mill-kontenut tal-erbatax-il ritratt diġitali u l-erba’ fatturi ppreżentati.
41
Kien għaldaqstant li, b’mod partikolari, fil-punti 36 u 37 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali min-naħa l-oħra enfasizzat, mingħajr ma bl-ebda mod allegat b’dan il-mod li Centrotherm Systemtechnik kien messha produċiet fatturi li juru d-dħul mill-bejgħ kollu allegat fl-affidavit inkwistjoni, id-differenza estrema eżistenti bejn id-dikjarazzjonijet relatati mad-dħul mill-bejgħ annwali allegatament miksub minn Centrotherm Systemtechnik bejn is-snin 2002 u 2006, kif inkuż f’dan l-affidavit u l-volumi ta’ bejgħ komparattivament minimi u limitati għal perijodu qasir ħafna, jew anki preċiż, kif muri mill-kontijiet effettivament prodotti.
42
Wara l-eżami fid-dettall tal-fatturi u tar-ritratti prodotti, li għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 35 sa 43 tas-sentenza appellata, din il-qorti kkonstatat, fil-punt 44 ta’ din is-sentenza li, f’dan il-każ, l-imsemmija ritratti u fatturi bl-ebda mod ma kienu jippermettu li jiġi kkorraborat l-affidavit tad-direttur li jipprovdi li t-tipi ta’ prodotti elenkati f’dan il-punt tal-aħħar kienu ġew ikkummerċjalizzati taħt it-trade mark ikkontestata.
43
Barra minn hekk, kien mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi f’dan ir-rigward li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi, fil-punt 45 tal-imsemmija sentenza, li evalwazzjoni globali tal-elementi li jidhru fil-proċess, inkluż konsegwentement, l-affidavit inkwistjoni, ma kinitx tippermetti, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li jiġi dedott, sakemm ma jintużawx probabbiltajiet u preżunzjonijiet, li kien sar użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata għal dak li jirrigwarda l-prodotti u s-servizzi li magħhom hija relatata din il-kawża.
44
Barra minn hekk, f’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi u, b’mod partikolari, tas-saħħa probatorja relattiva għall-affidavit prodott minn Centrotherm Systemtechnik, li wettqet il-Qorti Ġenerali għal dan il-għan, taqa’ fil-kamp fattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI, C-234/06 P, Ġabra p. I-7333, punt 75), u għaldaqstant ma tikkostitwixxix, sakemm ma tiġix żnaturata, kwistjoni ta’ liġi li hija suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.
45
Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-fatt li l-kontenut tal-imsemmi affidavit ma kienx ġie kkontestat b’mod espress mill-awtur tat-talba għal revoka quddiem l-UASI, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li huwa bl-ebda mod ma kien tali li jipprekludi lill-Qorti Ġenerali milli tevalwa l-fatti u l-provi kif kien l-obbligu tagħha sabiex tivverifika jekk kienx ġie stabbilit użu ġenwin mit-trade mark preċedenti quddiem l-UASI u li tiddeċiedi, konsegwentement, fuq il-kawża quddiemha.
46
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tieni aggravju u fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikoli 51(1)(a) u 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009
L-argumenti tal-partijiet
47
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Centrotherm Systemtechnik issostni li, bil-kontra ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 54 u 55 tas-sentenza appellata, ir-regola li tipprovdi li l-UASI għandu jeżamina ex officio l-fatti, imposta mill-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, tapplika fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ revoka. Fil-fatt, peress li tali proċedimenti jistgħu jinbdew minn kwalunkwe persuna li tkun tixtieq tagħmel dan, dawn ma humiex koperti mill-eċċezzjoni li tipprovdi din id-dispożizzjoni għal dak li jirrigwarda l-proċeduri dwar raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni.
48
Barra minn hekk, permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, Centrotherm Systemtechnik issostni li, bil-kontra ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ revoka, l-oneru tal-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark jaqa’ fuq il-proprjetarju tagħha.
49
Fil-fatt, filwaqt li l-Artikoli 42(2) u 57(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdu li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu jipproduċi prova tal-użu ġenwin minnha, u li fin-nuqqas ta’ dan l-oppożizzjoni tiegħu jew it-talba tiegħu għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandhom jiġu miċħuda, l-Artikolu 51 ta’ dan ir-regolament ma jipprovdix termini simili għal dak li jikkonċerna l-proċedimenti ta’ revoka. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95 li timponi fuq il-proprjetarju tat-trade mark l-oneru tal-prova tal-użu ġenwin tmur kontra r-Regolament Nru 207/2009. Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell għandu l-obbligu jieħu inkunsiderazzjoni l-provi prodotti quddiemu abbażi tal-obbligu tiegħu li jeżamina ex officio l-fatti skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009.
50
Skont l-UASI, fid-dawl tan-natura inter partes u sui generis tal-proċedimenti ta’ revoka, li ma jikkostitwixxux proċedura dwar raġunijiet assoluti jew raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, il-prinċipju tal-eżami ex officio tal-fatti ma japplikax u huwa l-obbligu tal-proprjetarju tat-trade mark, li għandu l-provi kollha xierqa għal dan il-għan, li jipprova li huwa għamel użu ġenwin minnha.
51
centrotherm Clean Solutions issostni wkoll li l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ma japplikax għall-proċedimenti ta’ revoka. Min-naħa l-oħra, ir-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95 tiddetermina l-modalitajiet proċedurali relatati mar-revoka, billi tipprovdi espressament li l-proprjetarju tat-trade mark għandu jipproduċi prova tal-użu ġenwin minnha.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
52
Permezz tat-tieni aggravju u tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, Centrotherm Systemtechnik essenzjalment issostni li, billi ddeċidiet li, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ revoka, l-UASI ma huwiex meħtieġ jeżamina ex officio l-provi tal-eżistenza ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti, iżda li l-oneru tal-prova ta’ tali eżistenza kien jaqa’ biss fuq il-proprjetarju ta’ tali trade mark, u billi naqset, minħabba f’hekk, tissanzjona l-Bord tal-Appell talli ma ħax inkunsiderazzjoni l-provi kollha fil-pussess tiegħu, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 51(1)(a) u 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009.
53
F’dan ir-rigward għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li kif jirriżulta mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 207/2009, meta l-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja ma jkunx għamel użu ġenwin minnha fl-Unjoni Ewropea matul ħames snin mid-data tar-reġistrazzjoni, dan jista’ jkun suġġett, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu, għas-sanzjonijiet previsti minn dan ir-regolament, b’mod partikolari, għar-revoka tad-dritt tat-trade mark.
54
Mill-premessa 10 tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jissuġġetta ż-żamma tad-drittijiet marbuta mat-trade mark Komunitarja għall-kundizzjoni li din tkun effettivament użata. Trade mark Komunitarja li ma tintużax tista’ tostakola l-kompetizzjoni billi tillimita l-firxa ta’ sinjali li jistgħu jiġu rreġistrati minn persuni oħrajn bħala trade mark u billi tiċħad lill-kompetituri mill-possibbiltà li jużaw din it-trade mark jew trade marks simili meta jqiegħdu fis-suq prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu għal dawk protetti mit-trade mark inkwistjoni (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken, C‑149/11, punt 32).
55
Fit-tieni lok, l-Artikoli 42(2) u 57(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jippreċiżaw espressament li l-produzzjoni ta’ prova ta’ użu ġenwin jew l-għoti ta’ raġunijiet xierqa għaliex it-trade mark ma tintużax huma r-responsabbiltà tal-proprjetarju tat-trade mark ikkonċernata u jekk dan ma jsirx l-oppożizzjoni jew it-talba għall-kanċellazzjoni għandha tiġi miċħuda.
56
F’dan ir-rigward, il-fatt li b’differenza mill-Artikoli 42(2) u 57(2) tar-Regolament Nru 207/2009, l-Artikolu 51(1) ta’ dan ir-regolament ma jispeċifikax li l-produzzjoni ta’ prova tal-użu ġenwin jew tal-eżistenza ta’ raġunijiet xierqa għaliex it-trade mark ma tintużax huma r-responsabbiltà tal-imsemmi proprjetarju ma jistax, bil-kontra ta’ dan li tissuġġerixxi Centrotherm Systemtechnik, jiġi interpretat fis-sens li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jeskludi dan il-prinċipju relatat mal-oneru tal-prova fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ revoka.
57
L-assenza, fl-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 207/2009, ta’ preċiżazzjoni għal dak li jikkonċerna l-oneru tal-prova hija spjegata mingħajr diffikultajiet, barra minn hekk, mill-fatt li l-għan tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 51 intitolat “Raġunijiet għal revoka”, jikkonsisti fl-elenkar tar-raġunijiet għal revoka tat-trade mark, u għaldaqstant ma jeħtieġx preċiżazzjonijiet rigward il-kwistjoni tal-oneru tal-prova.
58
Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 42 u 57 ta’ dan ir-regolament huma dispożizzjonijiet ta’ natura essenzjalment proċedurali. Issa, għandu jiġi rrilevat li l-paragrafu 2 ta’ kull wieħed minn dawn l-artikoli għandu l-għan speċifiku li jinkorpora dak li huwa relatat ma’ kwistjoni proċedurali mqajma mill-konvenut li jkollu l-intenzjoni li jimmina d-dritt tar-rikorrent li jkompli l-proċeduri li jkun beda.
59
Huwa minħabba tali kuntest proċedurali, li huwa speċifiku għall-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u ta’ kanċellazzjoni, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, sabiex jippermetti li jiġu solvuti tali kwistjonijiet proċedurali, li s-soluzzjoni tagħhom għandha sseħħ qabel il-proċedura prinċipali li magħha huma relatati, li l-prova li t-trade mark preċedenti kien sar użu ġenwin minnha għandha tiġi prodotta mill-proprjetarju tagħha u li, fin-nuqqas ta’ tali prova, l-oppożizzjoni jew it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandhom jiġu miċħuda.
60
Min-naħa l-oħra, il-fatt li kwalunkwe kwistjoni proċedurali ta’ din in-natura hija ipotetikament eskluża fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ revoka jiġġustifika faċilment li, minkejja li l-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 207/2009 jikkonċerna kemm il-proċedimenti ta’ revoka kif ukoll il-proċedimenti ta’ kanċellazzjoni, dispożizzjoni bħall-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu hija limitata għal dawn il-proċedimenti tal-aħħar.
61
Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li l-prinċipju, li juru b’mod inċidentali l-Artikoli 42(2) u 57(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprovdi li hija r-responsabbiltà tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti li jipproduċi prova tal-użu ġenwin minnha, fir-realtà sempliċement jadotta dak li dak li s-sens komun u r-rekwiżit elementari ta’ effettività tal-proċedura jipprovdu.
62
Fil-fatt, huwa paċifiku li l-imsemmi proprjetarju huwa l-iktar persuna xierqa, u f’ċerti każijiet anki l-uniku persuna, li tista’ tipprovdi prova ta’ atti konkreti li jippermettu li tiġi sostnuta l-affermazzjoni li sar użu ġenwin mit-trade mark tagħha jew li jesponu r-raġunijiet xierqa għaliex din ma tintużax. L-istess japplika b’mod partikolari għad-dokumenti ta’ sostenn li jistabbilixxu tali użu, li tagħhom ir-Regola 22(4) tar-Regolament Nru 2868/95 tagħti lista ta’ eżempji, bħal pakketti, tabelli, lista tal-prezzijiet, katalogi, fatturi, ritratti jew reklami fuq il-gazzetta.
63
Għaldaqstant, minn qari flimkien tal-Artikoli 15, 42(2), 51(1) u 57(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jista’ jiġi dedott li, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ revoka ta’ trade mark, hija r-responsabbiltà tal-proprjetarju ta’ din tal-aħħar, u mhux tal-UASI li, fil-prinċipju, jaġixxi ex officio li jistabbilixxi l-użu ġenwin mill-imsemmija trade mark.
64
Bl-istess mod, għandu jiġi konkluż, f’dan ir-rigward, li sa fejn ir-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi li l-prova tal-użu ġenwin għandha tiġi prodotta mill-proprjetarju tat-trade mark, din ir-regola sempliċement tispjega prinċipju relatat mal-oneru tal-prova li, mingħajr ma jmur kontra r-Regolament Nru 207/2009 jippreżumi, bil-kontra, id-dispożizzjonijiet u l-istruttura ta’ dan tal-aħħar.
65
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-regola dwar l-eżami ex officio tal-fatti mill-UASI imposta mill-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ma għandhiex l-għan li tapplika għall-kwistjoni tal-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ revoka mressqa quddiem l-UASI.
66
Minn dak li ntqal jirriżulta li, minkejja li r-raġunament u l-motivi li jinsabu fil-punti 53 u 54 tas-sentenza appellata huma żbaljati, il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, jiġifieri li l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jobbligax lill-UASI jeżamina ex officio l-fatti intiżi sabiex jistabbilixxu l-użu ġenwin mit-trade mark li r-revoka tagħha tkun qed tintalab quddiemu, hija fondata fid-dritt.
67
Peress li hija għaldaqstant iġġustifikata abbażi ta’ motivi oħra ta’ liġi li ma humiex dawk meqjusa mill-Qorti Ġenerali, iċ-ċaħda tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 tal-imsemmija qorti fil-punt 56 tas-sentenza appellata ma tistax twassal għall-annullament ta’ din tal-aħħar.
68
Barra minn hekk, u kif jirriżulta wkoll minn dak kollu li ntqal, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta qieset, fis-sentenza appellata, li l-oneru tal-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ revoka jaqa’ fuq il-proprjetarju tagħha.
69
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni aggravju u l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandhom jiġu miċħuda.
Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 51(1)(a) u 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009
L-argumenti tal-partijiet
70
Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tagħha, Centrotherm Systemtechnik issostni li, billi fil-punti 62 u 63 tas-sentenza appellata ddeċidiet li l-Bord tal-Appell f’dak il-każ ma kellux setgħa diskrezzjonali għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni eventwali tal-mezzi ta’ prova tal-użu mit-trade mark ikkontestata prodotti tardivament quddiemu, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009.
71
Filwaqt li tfakkar li mill-punt 42 tas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul (C-29/05 P, Ġabra p. I-213), ċertament jirriżulta li s-setgħa diskrezzjonali li l-imsemmija dispożizzjoni tagħti lill-UASI għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-provi prodotti tardivament teżisti biss “sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni mod ieħor”, Centrotherm Systemtechnik issostni li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta qieset li r-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95 tikkostitwixxi dispożizzjoni li tipprovdi mod ieħor.
72
L-UASI jsostni li, fid-dawl tal-preżunzjoni ta’ legalità li tgawdi minna l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-Bord tal-Appell ma kellux għażla oħra, fid-data li fiha ingħatat id-deċiżjoni kkontestata, ħlief li jieħu att tal-fatt li l-imsemmija Regola 40(5) kienet tipprekludih, kif barra minn hekk kienet ukoll iddeċidiet preċedentement il-Qorti Ġenerali, milli jieħu inkunsiderazzjoni l-provi prodotti wara l-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza mogħti skont l-imsemmija dispożizzjoni.
73
F’dan ir-rigward, l-UASI jippreċiża, madankollu, li minn meta ingħatat is-sentenza appellata l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali evolviet. Fil-fatt, din il-qorti ddeċidiet, b’mod partikolari, fil-punt 31 tas-sentenza tagħha tad-29 ta’ Settembru 2011, New Yorker SHK Jeans vs UASI – Vallis K. - Vallis A. (FISHBONE) (T‑415/09), li, minkejja r-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95, it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell, ta’ provi tal-użu ġenwin mit-trade mark prodotti wara l-iskadenza tat-terminu mogħti mill-UASI skont din id-dispożizzjoni, għandu xorta jibqa’ possibbli, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, minn tal-inqas meta tali provi sempliċement jikkompletaw provi prodotti fl-imsemmi terminu u meta l-persuna kkonċernata ma tkun tista’ tiġi akkużata b’ebda manuvri li jtawlu l-proċedura jew negliġenza manifesta.
74
Filwaqt li japprova din l-interpretazzjoni, l-UASI jqis li l-istess approċċ għandu jittieħed għal dak li jikkonċerna r-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95.
75
Skont centrotherm Clean Solutions, il-Qorti Ġenerali kienet ġusta meta ddeċidiet li din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li tistabbilixxi deroga mill-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha l-effett li tipprojbixxi lill-Bord tal-Appell milli jieħu inkunsiderazzjoni l-provi tal-użu mit-trade mark prodotti tardivament quddiemu.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
76
Għandu jitfakkar li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li l-UASI jista’ ma jiħux inkunsiderazzjoni fatti li l-partijiet ma jkunux invokaw jew provi li ma jkunux ipproduċew f’ħin xieraq.
77
Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li bħala regola ġenerali u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni mod ieħor, il-produzzjoni ta’ fatti u ta’ provi mill-partijiet tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat-termini li għalihom hija suġġetta tali produzzjoni skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 u li l-UASI ma huwa bl-ebda mod ipprojbit milli jqis fatti u provi invokati jew prodotti tardivament (sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).
78
Billi tippreċiża li dan tal-aħħar “jista” ma jiħux inkunsiderazzjoni fatti u provi bħal dawn, l-imsemmija dispożizzjoni tagħti fil-fatt lill-UASI marġni diskrezzjonali wiesa’ sabiex jiddeċiedi, filwaqt li jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu fuq dan il-punt, jekk hemmx lok li jqishom jew le (sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).
79
Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar preċiż, il-produzzjoni ta’ prova tal-użu ġenwin mit-trade mark fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ revoka mibdija abbażi tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li dan ir-regolament ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tippreċiża t-terminu li fih tali provi għandhom jiġu prodotti.
80
Min-naħa l-oħra, ir-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi, f’dan ir-rigward, li l-UASI għandu jitlob lill-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja jipproduċi prova tal-użu ġenwin mit-trade mark, fi żmien perijodu speċifikat minnu.
81
F’dan il-każ, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI applikat din id-dispożizzjoni tal-aħħar u tat lil Centrotherm Systemtechnik terminu sabiex tipprovdi tali prova. Barra minn hekk, huwa paċifiku li Centrotherm Systemtechnik ipproduċiet diversi provi tal-użu mit-trade mark ikkontestata fl-imsemmi terminu.
82
Imbagħad, għandu jitfakkar li l-imsemmija Regola 40(5) tippreċiża wkoll, fit-tieni sentenza tagħha, li jekk il-prova tal-użu mit-trade mark ma tiġix prodotta fit-terminu mogħti mill-UASI, it-trade mark għandha tiġi rrevokata.
83
Kif jirriżulta mill-punti 62 u 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat din it-tieni sentenza fis-sens li t-terminu mogħti hekk mill-UASI jikkostitwixxi, fi kwalunkwe ċirkustanza, terminu ta’ dekadenza li meta jiskadi huwa pprojbit li jiġu prodotti provi tal-użu. Il-Qorti Ġenerali qieset għalhekk li, fl-ipoteżi li provi relatati mal-użu tat-trade mark ġew fil-fatt prodotti fit-terminu stabbilit, kwalunkwe produzzjoni ta’ provi addizzjonali wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu hija eskluża, b’tali mod li l-UASI huwa obbligat jirrevoka t-trade mark jekk il-provi prodotti inizjalment jitqiesu insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita n-natura ġenwina tal-imsemmi użu.
84
Din l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali wasslitha sabiex qieset li t-tieni sentenza tar-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95 tikkostitwixxi, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 77 tas-sentenza preżenti, dispożizzjoni li tmur kontra l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, bil-konsegwenza li l-Bord tal-Appell ma kellux il-possibbiltà jieħu inkunsiderazzjoni l-provi addizzjonali tal-użu mit-trade mark prodotti minn Centrotherm Systemtechnik insostenn tal-appell tagħha quddiemu.
85
Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat ir-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95.
86
F’dan ir-rigward, għalkemm mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċert li meta ma tiġi prodotta ebda prova tal-użu mit-trade mark ikkonċernata fit-terminu mogħti mill-UASI dan għandu, fil-prinċipju, jagħti ex officio s-sanzjoni ta’ revoka, din il-konklużjoni ma hijiex meħtieġa, min-naħa l-oħra, meta jkunu ġew prodotti provi ta’ dan l-użu fl-imsemmi terminu.
87
Fil-fatt, f’tali każ u sakemm ma jidhirx li l-imsemmija provi huma irrilevanti sabiex jiġi stabbilit l-użu ġenwin mit-trade mark, il-proċedura għandha titkompla kif xieraq. Għaldaqstant, l-UASI għandu fost oħrajn l-obbligu li, bħalma jipprovdi l-Artikolu 57(1) tar-Regolament Nru 207/2009, jistieden lill-partijiet, kemm-il darba jkun neċessarju, sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, fuq in-notifiki li huwa jkun indirizzalhom jew fuq il-komunikazzjonijiet li jkunu ġew minn partijiet oħra. F’tali kuntest, jekk sussegwentement it-trade mark tiġi rrevokata, dan ma jsirx taħt ir-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95, li hija dispożizzjoni ta’ natura essenzjalment proċedurali, iżda esklużivament taħt id-dispożizzjonijiet sostantivi li jinsabu fl-Artikoli 51(1) u 57 tar-Regolament Nru 207/2009.
88
B’mod partikolari minn dak li ntqal jirriżulta li, kif tfakkar fil-punt 77 tas-sentenza preżenti, il-produzzjoni ta’ provi tal-użu mit-trade mark li jiżdiedu mal-provi li ġew prodotti fit-terminu mogħti mill-UASI, skont ir-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95, tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu u li l-UASI bl-ebda mod ma huwa pprojbit milli jieħu inkunsiderazzjoni provi addizzjonali prodotti tardivament.
89
Issa, kif tfakkar fil-punt 81 tas-sentenza preżenti huwa paċifiku li, f’dan il-każ, Centrotherm Systemtechnik kienet ipproduċiet, fit-terminu mogħti mill-UASI, diversi provi intiżi sabiex jistabbilixxu l-użu mit-trade mark inkwistjoni. Huwa paċifiku wkoll li l-provi prodotti inizjalment ma kinux irrilevanti għal dan il-għan, peress li wasslu lill-Bord tal-Appell sabiex jiċħad parzjalment it-talba għal revoka, minħabba li l-imsemmi użu kien ġie stabbilit għal ċertu numru ta’ prodotti.
90
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi fil-punti 62 u 63 tas-sentenza appellata ddeċidiet li r-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95 kienet tali li tostakola l-eżerċizzju, mill-Bord tal-Appell, tas-setgħa diskrezzjonali li fil-prinċipju jtih l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni eventwali tal-provi addizzjonali li kienu ġew prodotti quddiemu.
91
Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi milqugħa u li s-sentenza appellata għandha, konsegwentement, tiġi annullata.
Fuq ir-raba ’ aggravju, ibbażat fuq l-inapplikabbiltà tar-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95
L-argumenti tal-partijiet
92
Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, Centrotherm Systemtechnik issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma ddikjaratx lir-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95 inapplikabbli f’dan il-każ.
93
Minn naħa, u għall-istess raġunijiet bħal dawk diġà invokati insostenn tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, din ir-regola tmur kontra r-Regolament Nru 207/2009 billi timponi fuq il-proprjetarju tat-trade mark l-oneru tal-prova tal-użu ġenwin minnha.
94
Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni stretta tal-imsemmija regola, f’dan il-każ, tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, l-għan tagħha, jiġifieri li tiżgura l-effettività tal-proċedura, għandu jiġi bbilanċjat mal-konsegwenzi legali gravi u definittivi li huma relatati mar-revoka ta’ trade mark.
95
centrotherm Clean Solutions issostni li la l-UASI u lanqas il-Qorti Ġenerali ma huma intitolati jirrinunzjaw għall-applikazzjoni tar-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95, peress li l-prinċipju ta’ legalità jinvolvi l-obbligu li tiġi rrikonoxxuta l-effettività sħiħa tar-regolamenti sakemm l-invalidità tagħhom ma tkunx ġiet stabbilita minn qorti kompetenti fil-kuntest ta’ proċedura prevista għal dan il-għan.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
96
Għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, ibbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 207/2009, l-argumenti tal-appellanti għandhom jiġu miċħuda abbażi tal-istess raġunijiet bħal dawk li diġà wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad l-ewwel parti tat-tielet aggravju.
97
Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti tal-imsemmi aggravju bbażata fuq in-natura sproporzjonata tas-sanzjoni ta’ revoka meta din tingħata, bħal f’dan il-każ, taħt ir-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95, huwa biżżejjed hawnhekk li jiġi rrilevat li l-argumenti żviluppati f’dan ir-rigward minn Centrotherm Systemtechnik huma bbażati fuq premessa żbaljata, għal dak li jikkonċerna l-portata ta’ din ir-regola.
98
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 85 sa 87 tas-sentenza preżenti u bil-kontra ta’ dak li qies il-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata u ta’ dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sentenza appellata, din is-sanzjoni ta’ revoka tista’ tingħata biss abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni meta ebda prova tal-użu mit-trade mark ikkontestata ma tkun ġiet prodotta fit-terminu mogħti mill-UASI jew meta jidher li l-provi prodotti huma irrilevanti sabiex jiġi stabbilit l-użu ġenwin minn din it-trade mark.
99
Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk peress li, kif jirriżulta mill-eżami tat-tieni parti tat-tielet aggravju, il-fatt li Centrotherm Systemtechnik ipproduċiet prova tal-użu mit-trade mark fit-terminu mogħti mill-UASI jeskludi awtomatikament kwalunkwe revoka skont it-tieni sentenza tar-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95 u jipprekludi lill-Bord tal-Appell milli jqis, bħalma għamel b’mod żbaljat fid-deċiżjoni kkontestata, li ma kellu ebda setgħa diskrezzjonali sabiex eventwalment jieħu inkunsiderazzjoni provi addizzjonali prodotti sussegwentement.
100
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.
Fuq ir-rikors tal-ewwel istanza
101
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi hija stess definittivament fuq il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tista’ tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.
102
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża u li għaldaqstant hija għandha tiddeċiedi definittivament.
103
Għal dak li jirrigwarda l-għan tar-rikors tal-ewwel istanza, għandu jitfakkar li permezz tiegħu, Centrotherm Systemtechnik kienet qed titlob l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri sa fejn din kienet laqgħat it-talba għar-revoka tat-trade mark ikkontestata. Għaldaqstant, dan ir-rikors huwa fformulat kontra l-punt 2 tad-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni li permezz tiegħu l-Bord tal-Appell ċaħad parzjalment l-appell ta’ Centrotherm Systemtechnik intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tat-30 ta’ Ottubru 2007.
L-argumenti tal-partijiet
104
Insostenn tar-rikors tagħha ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, Centrotherm Systemtechnik issostni li, bil-kontra ta’ dak li l-Bord tal-Appell qies, b’mod żbaljat, fil-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa kellu, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, setgħa diskrezzjonali sabiex jieħu inkunsiderazzjoni provi addizzjonali prodotti minn Centrotherm Systemtechnik insostenn tal-appell tagħha quddiemu.
105
Madankollu, peress li dawn il-provi kienu intiżi jikkompletaw il-provi prodotti fit-terminu stipulat, huma kellhom, f’dan il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell, skont it-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar ’il fuq. Skont Centrotherm Systemtechnik, ir-rilevanza evidenti tal-imsemmija provi addizzjonali għall-eżitu tal-kawża, il-kontinwità funzjonali eżistenti bejn il-Bord tal-Appell u d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, l-assenza ta’ inkonvenjenti proċedurali maġġuri li jipprekludu dan it-teħid inkunsiderazzjoni u, fl-aħħar nett, il-fatt li għandu jiġi żgurat bilanċ bejn ir-rekwiżiti tal-iżvolġiment tajjeb tal-proċeduri u l-ħtiega ta’ soluzzjoni ġusta għal dak li jirrigwarda l-mertu, kellhom b’mod partikolari jwasslu għal tali teħid inkunsiderazzjoni peress li din hija proċedura li tista’ twassal għal riżultat b’konsegwenzi daqshekk onerużi bħalma hija r-revoka tat-trade mark.
106
L-UASI u centrotherm Clean Solutions jitolbu li dan l-aggravju għal annullament jiġi miċħud. Fil-fehma tagħhom, ir-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95 teskludi, f’dan il-każ, kwalunkwe teħid inkunsiderazzjoni min-naħa tal-Bord tal-Appell tal-provi addizzjonali kkontestati. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, dan il-Bord għandu setgħa diskrezzjonali sabiex eventwalment jieħu inkunsiderazzjoni dawn il-provi addizzjonali, huwa eżerċita sew din is-setgħa billi fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata indika liema kien ikun ir-riżultat, li f’dan il-każ kien ikun negattiv, ta’ tali eżerċizzju kieku huwa effettivament gawda minn din is-setgħa.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
107
Mill-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell qies li l-provi addizzjonali prodotti quddiemu minn Centrotherm Systemtechnik ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni minnu, abbażi tas-setgħa diskrezzjonali li, bħala regola ġenerali, l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jagħti lill-UASI, fid-dawl tal-fatt li dawn il-provi ġew prodotti wara l-iskadenza tat-terminu msemmi fit-tieni sentenza tar-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95, li jikkostitwixxi terminu ta’ dekadenza li jekk ma jiġix osservat iwassal awtomatikament għar-revoka tat-trade mark.
108
Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 85 sa 90 tas-sentenza preżenti, tali evalwazzjoni tibbaża fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ din ir-Regola 40(5) u tikser l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009.
109
Barra minn hekk, u bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-UASI u centrotherm Clean Solutions, ma jistax jitqies li d-difett li kienet ivvizzjata bih id-deċiżjoni kkontestata ġie rrimedjat mis-sempliċi fatt li l-Bord tal-Appell indika, sussegwentement, fil-punt 37 ta’ din id-deċiżjoni, li anki jekk jiġi preżunt li huwa seta’ jevalwa liberament ir-rilevanza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi prodotti tardivament, ma kienx jidher li hemm raġuni għaliex huwa kien messu eżerċita din is-setgħa diskrezzjonali favur ir-rikorrenti, peress li din kienet ressqet biss, f’dan ir-rigward, argumenti ġenerali dwar ir-rwol u l-valur tad-dritt ta’ trade mark, mingħajr ma invokat l-impossibbiltà li tipproduċi prova tal-użu sa mill-ewwel istanza.
110
Fil-fatt, tali dikjarazzjonijiet ġenerali u kategoriċi ma jippermettu bl-ebda mod li jitqies li l-Bord tal-Appell eżerċita b’mod effettiv is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu mill-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, sabiex jiddeċiedi, filwaqt li jagħti r-raġunijiet għal dan u jieħu debitament inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti kollha, jekk kienx hemm lok jew le li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi addizzjonali prodotti quddiemu għall-finijiet tal-għoti tad-deċiżjoni li huwa kien obbligat li jagħti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 u 68).
111
F’dan ir-rigward għandu qabelxejn jiġi enfasizzat li l-eventwali teħid inkunsiderazzjoni min-naħa tal-UASI tal-imsemmija provi addizzjonali ma jikkostitwixxi bl-ebda mod “favur” magħmul lil parti jew lil oħra, iżda għandu jkun ir-riżultat ta’ eżerċizzju oġġettiv u motivat tas-setgħa diskrezzjonali li l-Artikolu 76(2) jagħti lil dan il-korp.
112
Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li l-motivazzjoni kif mitluba hija ħafna iktar neċessarja meta l-UASI jiddeċiedi li jinjora l-provi prodotti tardivament.
113
F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li l-fatt li l-UASI jieħu inkunsiderazzjoni fatti jew provi prodotti tardivament, meta jiġi mitlub jiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, jista’ jkun iġġustifikat partikolarment meta dan jikkunsidra li, minn naħa, l-provi prodotti tardivament jistgħu prima facie jkollhom rilevanza vera għal dak li jirrigwarda l-eżitu tal-oppożizzjoni magħmula quddiemu u, min-naħa l-oħra, l-istadju tal-proċedura li fih isseħħ din il-produzzjoni tardiva u ċ-ċirkustanzi relatati ma jkunux jipprekludu dan it-teħid inkunsiderazzjoni (sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).
114
Tali kunsiderazzjonijiet jistgħu, fihom infushom u mutatis mutandis, partikolarment jiġġustifikaw it-teħid inkunsiderazzjoni mill-UASI, meta jkun mitlub jiddeċiedi dwar talba għal revoka, ta’ provi tal-użu mit-trade mark li, minkejja li ma jkunux ġew prodotti fit-terminu mogħti minnu skont ir-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95, jkunu ġew prodotti fi stadju sussegwenti tal-proċedura biex jikkompletaw il-provi li kienu ġew prodotti fl-imsemmi terminu.
115
F’dan il-każ jidher li, f’dan ir-rigward, jista’ b’mod partikolari jiġi inkluż fost iċ-ċirkustanzi rilevanti li għandhom jitqiesu, il-fatt li d-deċiżjoni ta’ revoka adottata mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ġiet adottata wara l-produzzjoni, fit-terminu mogħti minn din id-diviżjoni, ta’ provi inizjali effettivi relatati mal-użu mit-trade mark ikkontestata, flimkien ma osservazzjonijiet li esprimew riżervi relatati mal-konfidenzjalità u li kienu jinkludu offerta ta’ provi addizzjonali.
116
Madankollu, ma jidhirx li l-Bord tal-Appell eżamina kif xieraq dawn l-aspetti u lanqas, barra minn hekk, kwalunkwe prova oħra li seta’ kellha rilevanza, kif lanqas ma jidher li eżamina r-rilevanza eventwali ta’ provi addizzjonali prodotti minn Centrotherm Systemtechnik.
117
Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, bil-kontra ta’ dak li huwa ssuġġerit fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, teħid inkunsiderazzjoni eventwali tal-provi addizzjonali tal-użu mit-trade mark, prodotti wara l-iskadenza tat-terminu msemmi fir-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95, ma jeħtieġx neċessarjament li l-persuna kkonċernata tkun sabitha impossibbli li tipproduċi l-provi fl-imsemmi terminu.
118
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn, permezz tagħha r-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell ta’ Centrotherm Systemtechnik ippreżentat kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.
119
Huwa l-obbligu tal-imsemmi Bord tal-Appell li jevalwa, b’mod partikolari billi josserva t-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza preżenti u billi jieħu inkunsiderazzjoni kif xieraq taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti kif ukoll billi jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu f’dan ir-rigward, jekk hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi addizzjonali prodotti quddiemu minn Centrotherm Systemtechnik, sabiex jagħti d-deċiżjoni li huwa mitlub jagħti dwar l-appell li għad għandu quddiemu.
Fuq l-ispejjeż
120
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.
121
L-Artikolu 138(3) tal-istess Regoli, li japplika għall-appelli bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprovdi li jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.
122
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li għalkemm wieħed mill-aggravji invokati minn Centrotherm Systemtechnik ġie milqugħ u li s-sentenza appellata ġiet annullata taħt dan il-kap, dan ma huwiex il-każ tal-aggravji l-oħrajn li ġew miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja.
123
Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda r-rikors tal-ewwel istanza, għandu jiġi rrilevat li, billi annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħat ukoll wieħed mill-aggravji invokati minn Centrotherm Systemtechnik. Min-naħa l-oħra, mis-sentenza appellata, li ma ġietx invalidata mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq dawn il-punti, jirriżulta li Centrotherm Systemtechnik tilfet fuq il-motivi l-oħrajn li hija kienet invokat fl-ewwel istanza.
124
F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li kull parti tilfet parzjalment kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest tal-appell preżenti, hemm lok li jiġi deċiż li kull waħda mill-partijiet għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1)
Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Settembru 2011, Centrotherm Systemtechnik vs UASI – centrotherm Clean Solutions (CENTROTHERM) (T‑434/09), hija annullata.
2)
Il-punt 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-25 ta’ Awwissu 2009 (Każ R 6/2008‑4) huwa annullat.
3)
Centrotherm Systemtechnik GmbH, L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) u centrotherm Clean Solutions GmbH & Co. KG għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess relatati kemm mal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll mal-appell.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy