Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-4 ta’ Ottubru 2012 — ED & F Man Alcohols
(Kawża C-669/11)
“Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae — Kunċett ta’ ‘preġudizzju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni’ — Sejħa individwali għal offerta għall-esportazzjoni ta’ alkoħol li joriġina mill-inbid fil-pussess tal-aġenziji ta’ intervent — Esportazzjoni ta’ lottijiet ta’ alkoħol barra l-Unjoni wara l-iskadenza tat-terminu mogħti — Żamma tal-garanzija ta’ eżekuzzjoni tajba — Miżuri amministrattivi — Sanzjonijiet amministrattivi — Regolament (KE) Nru 360/95 — Regolament (KE) Nru 1623/2000 — Applikazzjoni retroattiva tas-sanzjoni l-inqas ħarxa”
1. Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Irregolarità — Kunċett — Ksur, minn operatur li kiseb lottijiet ta’ alkoħol b’sejħa individwali, tal-obbligu li jesporta dawn il-lottijiet barra mill-Unjoni fit-terminu rikjest — Inklużjoni (Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikolu 1; Regolament tal-Kummissjoni Nru 360/95) (ara l-punti 35-38 u d-dispożittiv 1)
2. Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Sanzjoni amministrattiva — Kunċett — Telf totali jew parzjali tal-garanzija ta’ eżekuzzjoni tajba kkostitwita minn esportatur sabiex jiżgura l-osservanza tal-obbligi tiegħu, bħal esportazzjoni fit-termini mogħtija — Inklużjoni (Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikolu 5; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 360/95, Artikolu 5(5) u Nru 1623/2000, Artikolu 91(12)) (ara l-punti 40, 41, 43 u d-dispożittiv 2)
3. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Inbid — Bejgħ individwali permezz ta’ sejħiet għal offerti għall-esportazzjoni ta’ alkoħol li joriġina mill-inbid barra mill-Unjoni — Sanzjonijiet amministrattivi fil-każ ta’ nuqqas ta’ esportazzjoni fit-terminu previst — Telf tal-garanzija ta’ eżekuzzjoni tajba — Bażi legali — Impossibbiltà li tiġi imposta sanzjoni fuq il-bażi biss tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2988/95 — Neċessità li tiġi bbażata fuq l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 360/95 (Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikolu 5; Regolament tal-Kummissjoni Nru 360/95, Artikolu 5(5)) (ara l-punti 46-49 u d-dispożittiv 3)
4. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Inbid — Bejgħ individwali permezz ta’ sejħiet għal offerti għall-esportazzjoni ta’ alkoħol li joriġina mill-inbid barra mill-Unjoni — Irregolarità li tagħti lok għal sanzjoni — Nuqqas ta’ applikabbiltà retroattiva ta’ sanzjonijiet inqas severi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tar-Regolamenti Nru 2988/1995 u Nru 1623/2000 — Applikazzjoni tar-Regolament Nru 360/95 bħala liġi speċjali li tipprevedi biss ċerti esportazzjonijiet lejn il-Brażil (Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikolu 2(2); Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 2220/85, Artikolu 23, Nru 360/95, Artikolu 5(5), u Nru 1623/2000, Artikoli 91(2), (12) u (13) u 100) (ara l-punti 53, 57-60 u d-dispożittiv 4)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Conseil d’État — Interpretazzjoni tal-Artikolu 5(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 360/95, tat-22 ta’ Frar 1995, li jippermetti l-bejgħ individwali permezz ta’ sejħiet għal offerti għall-esportazzjoni ta’ alkoħol li joriġina mill-inbid fil-pussess tal-aġenziji ta’ intervent (ĠU L 41, p. 14), tal-Artikolu 91(12) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1623/2000, tal-25 ta’ Lulju 2000, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid fir-rigward tal-mekkaniżmi tas-suq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 30, p. 182), tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 377/93, tat-12 ta’ Frar 1993, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni dwar id-distribuzzjoni u bejgħ tal-alkoħol miksub permezz tad-distillazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 35, 36 u 39 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 822/87 u fil-pussess tal-aġenziji ta’ intervent (ĠU L 43, p. 6) u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 220/85, tat-22 ta’ Lulju 1985, li jistabbilixxi r-regoli komuni ddettaljati sabiex tiġi applikata s-sistema tal-garanziji għall-prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 6, p. 186) — Bejgħ individwali permezz ta’ sejħiet għal offerti għall-esportazzjoni ta’ alkoħol li joriġina mill-inbid fil-pussess ta’ aġenziji ta’ intervent bil-għan ta’ użu finali fis-settur tal-karburanti — Skadenza tat-terminu ta’ esportazzjoni mill-persuna li tkun rebħet il-kuntratt — Sanzjonijiet amministrattivi jew miżuri ta’ natura oħra — Nuqqas li jista’ jikkawża dannu lill-baġit tal-Unjoni.
Dispożittiv
1)
Il-ksur minn operatur tat-terminu ta’ esportazzjoni previst għall-kwantitajiet ta’ alkoħol li huwa kiseb fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħiet għal offerti organizzata mill-Kummissjoni Ewropea, bħal dik irregolata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 360/95, tat-22 ta’ Frar 1995, li jippermetti l-bejgħ individwali permezz ta’ sejħiet għal offerti għall-esportazzjoni ta’ alkoħol li joriġina mill-inbid fil-pussess tal-aġenziji ta’ intervent, jikkostitwixxi “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea.
2)
It-telf totali jew parzjali ta’ garanzija ta’ eżekuzzjoni tajba, bħal dik prevista fl-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 360/95, jew ta’ garanzija intiża li tiżgura esportazzjoni fit-termini stabbiliti, bħal dik prevista fl-Artikolu 91(12) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1623/2000, tal-25 ta’ Lulju 2000, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid fir-rigward tal-mekkaniżmi tas-suq, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “penali amministrattivi” fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2988/95.
3)
Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 360/95 jikkostitwixxi l-bażi legali neċessarja għall-finijiet li jimponi sanzjoni li tikkonsisti fit-telf totali jew parzjali ta’ garanzija ta’ eżekuzzjoni tajba.
4)
Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, bl-għan li jiġi ssanzjonat in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu stabbilit sabiex titwettaq l-esportazzjoni lejn il-Brażil ta’ kwantitajiet ta’ alkoħol miksubin permezz ta’ sejħa għall-offerta fl-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 360/95, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom japplikaw is-sanzjoni prevista fl-Artikolu 5(5) ta’ dan l-aħħar regolament, u mhux dik prevista fl-Artikolu 91(12) tar-Regolament Nru 1623/2000.
Full & Egal Universal Law Academy