12.3.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 80/15
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein oikeus (il-Finlandja) fis-17 ta’ Jannar 2011 — Finnair Oyj vs Timy Lassooy
(Kawża C-22/11)
2011/C 80/30
Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż
Qorti tar-rinviju
Korkein oikeus
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Finnair Oyj
Konvenut: Timy Lassooy
Domandi preliminari
(1)
Ir-Regolament Nru 261/2004 (1), u b’mod partikolari, l-Artikolu 4 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tiegħu hija limitata biss għall-każijiet fejn il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira minħabba li l-kumpannija tal-ajru ħadet wisq riżervazzjonijiet għal raġunijiet ekonomiċi, jew jista’ jiġi applikat ukoll f’każijiet fejn il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira minħabba raġunijiet oħra, bħal raġunijiet operattivi?
(2)
L-Artikolu 2(j) tar-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li r-raġunijiet ammissibbli stabbiliti fih huma llimitati biss għall-fatturi li jirrigwardaw lill-passiġġieri, jew każijiet fejn il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira jistgħu jitqiesu bħala iġġustifikati għal raġunijiet oħra? Jekk ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li każijiet fejn il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira jistgħu jkunu validament iġġustifikati minn raġunijiet barra dawk li jirrigwardaw lill-passiġġieri, għandu jiġi kkunsidrat li l-każijiet fejn il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira jistgħu jkunu ġġustifikati wkoll minn ippjanar mill-ġdid tat-titjiriet minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali fis-sens tal-premessi 14 u 15 tar-regolament?
(3)
Dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasportatur tal-ajru jista’ jkun eżentat minn responsabbiltà taħt l-Artikolu 5(3) mhux biss fir-rigward ta’ titjira li huwa kkanċella minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali, iżda wkoll fir-rigward tal-passiġġieri fuq titjiriet sussegwenti, meta jipprova jqassam l-effetti negattivi ikkawżati minn ċirkustanzi eċċezzjonali li ltaqgħa magħhom, bħal pereżempju strajk, fost il-membri ta’ grupp usa ta’ passiġġieri minn dik tal-passiġġieri tat-titjira kkanċellata billi jippjana mill-ġdid it-titjiriet sussegwenti, sabiex l-ebda passiġġier ma jkun suġġett għal dewmien mhux raġjonevoli? Fi kliem ieħor, it-trasportatur tal-ajru jista’ jinvoka ċirkustanzi eċċezzjonali anki fir-rigward ta’ passiġġier fuq titjira sussegwenti li l-vjaġġ tagħha ma kienx direttament affettwat minn dawn iċ-ċirkustanzi? F’dan ir-rigward, teżisti differenza sinjifikattiva skont jekk l-istatus tal-passiġġier u d-dritt għal kumpens jiġux evalwati fid-dawl tal-Artikolu 4 tar-regolament, dwar il-passiġġieri li ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira, jew mal-Artikolu 5 tiegħu, dwar il-kanċellazzjoni ta’ titjira?
(1) Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10)
Full & Egal Universal Law Academy