14.5.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 145/3
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fis-17 ta’ Jannar 2011 — Anton Vinkov vs Nachalnik “Administrativno-nakazatelna deynost” v otdel “Patna politsiya” na Stolichna direktsiya na vatreshnite raboti (direttur tas-sanzjonijiet amministrattivi fid-dipartiment “pulizija tat-toroq” fi ħdan id-direttorat tal-affarijiet interni tar-reġjun tal-belt kapitali)
(Kawża C-27/11)
2011/C 145/03
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Administrativen sad Sofia-grad
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Anton Vinkov
Konvenut: Nachalnik “Administrativno-nakazatelna deynost” v otdel “Patna politsiya” na Stolichna direktsiya na vatreshnite raboti (direttur tas-sanzjonijiet amministrattivi fid-dipartiment “pulizija tat-toroq” fi ħdan id-direttorat tal-affarijiet interni tar-reġjun tal-belt kapitali)
Domandi preliminari
(1)
Ir-regoli applikabbli fid-dritt nazzjonali bħal dawk fil-kawża prinċipali, sa fejn dawn jikkonċernaw il-konsegwenzi legali ta’ deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni pekunjarja kontra ksur ta’ natura amministrattiva, f’dan il-każ aċċident tat-traffiku, adottata minn awtorità amministrattiva, għandhom jiġu interpretati skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati u tad-dritt sekondarju, fil-qasam tal-“spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja” u/jew, jekk ikun il-każ, fil-qasam tat-trasport?
(2)
Mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati u mill-miżuri adottati abbażi tagħhom fil-qasam tal-“ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja” li jikkonċernaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, taħt l-Artikolu 82(1)(a) TFUE, kif ukoll fil-qasam tat-trasport, skont l-Artikolu 91(ċ) TFUE, jirriżulta li sanzjonijiet amministrattivi għal ksur tar-regoli tat-traffiku li jista’ jiġi kkwalifikat bħala “minuri” fis-sens ta’ u flimkien mal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni?
(3)
Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, għandha tingħata risposta wkoll għad-domandi li ġejjin:
3.1.
Ksur ta’ natura amministrattiva tar-regoli tat-traffiku jirrappreżenta“ksur minuri”skont id-dritt tal-Unjoni, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, meta jeżistu ċ-ċirkustanzi li ġejjin:
A.
l-aġir li ta lok għal aċċident tat-traffiku li kkawża dannu materjali huwa kkwalifikat bħala kolpuż u huwa ssanzjonat bħala ksur ta’ natura amministrattiva;
B.
skont l-ammont tas-sanzjoni pekunjarja prevista, id-deċiżjoni li timponiha ma tistax tiġi kkontestata quddiem il-qrati, u l-persuna kkonċernata ma tingħatax il-possibbiltà li tipprova li l-aġir attribwit lilha ma huwiex responsabbiltà tagħha u ma kienx kolpuż;
Ċ.
ċertu numru ta’ punti, indikat fid-deċiżjoni, jiġu ipso jure mnaqqsa mil-liċenzja tas-sewqan bil-punti minn meta d-deċiżjoni ssir finali;
D.
wara l-introduzzjoni tas-sistema tal-liċenzja tas-sewqan bil-punti, maħruġa inizjalment b’ammont speċifiku ta’ punti li jservu sabiex jittieħed kont tal-ksur ta’ regoli mwettaq, jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni l-punti mnaqqsa ipso jure minħabba deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet amministrattivi li ma jistgħux jiġu kkontestati;
E.
fil-każ li miżura restrittiva li tikkonsisti fl-irtirar ta’ liċenzja tas-sewqan għal vettura bil-mutur minħabba t-telf tad-dritt ta’ sewqan li jseħħ ipso jure bħala konsegwenza tat-tnaqqis tal-punti kollha inizjalment mogħtija tiġi kkontestata quddiem il-qrati, ma jsirx stħarriġ ġudizzjarju inċidentali tal-legalità tad-deċiżjonijiet li jimponu sanzjoni amministrattiva, li ma jistgħux jiġu kkontestati u li permezz tagħhom jiġi ordnat it-tnaqqis tal-punti.
3.2.
Hemm lok li jiġi konkluż li l-Artikolu 82 TFUE, u, jekk ikun il-każ, anki l-Artikolu 91(1)(ċ) TFUE, kif ukoll il-miżuri adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq u d-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI, tal-24 ta’ Frar 2005, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji, jippermettu li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u tas-sentenzi jew il-miżuri adottati għat-titjib fis-sigurtà tat-toroq ma japplikawx għal deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni pekunjarja minħabba ksur tar-regoli tat-traffiku fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, billi dan l-aġir jista’ jiġi kkwalifikat bħala “minuri” taħt id-dritt tal-Unjoni, meta l-Istat Membru jkun iddeċieda li ma josservax ir-rekwiżiti tal-possibbiltà li deċiżjoni tiġi kkontestata quddiem qorti kompetenti b’mod partikolari f’materji kriminali, u tal-applikabbiltà tar-regoli proċedurali nazzjonali dwar l-appelli kontra l-akkuża ta’ twettiq ta’ reat.
(4)
Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, għandha tingħata risposta wkoll għad-domanda li ġejja:
Hemm lok li jiġi konkluż li l-Artikolu 82 TFUE, u, jekk ikun il-każ, anki l-Artikolu 91(1)(ċ) TFUE, kif ukoll il-miżuri adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq u d-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI, tal-24 ta’ Frar 2005, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji, jippermettu li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u tas-sentenzi jew il-miżuri adottati għat-titjib fis-sigurtà tat-toroq fid-dritt tal-Unjoni, ma japplikawx għal deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni pekunjarja wara ksur tar-regoli tat-traffiku, skont id-diskrezzjoni tal-Istat Membru, meta permezz ta’ att leġiżlattiv ikun iddeċieda li ma josservax ir-rekwiżiti tal-possibbiltà li deċiżjoni tiġi kkontestata quddiem qorti kompetenti b’mod partikolari f’materji kriminali, u tal-applikabbiltà tar-regoli proċedurali nazzjonali dwar l-appelli kontra l-akkuża ta’ twettiq ta’ reat, meta jeżistu ċ-ċirkustanzi li ġejjin, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali:
A.
l-aġir li ta lok għal aċċident tat-traffiku li kkawża dannu materjali, huwa kkwalifikat bħala kolpuż u huwa punibbli bħala ksur ta’ natura amministrattiv;
B.
skont l-ammont tas-sanzjoni pekunjarja prevista, id-deċiżjoni li timponiha ma tistax tiġi kkontestata quddiem il-qrati, u l-persuna kkonċernata ma tingħatax il-possibbiltà li tipprova li l-aġir attribwit lilha ma kienx kolpuż;
Ċ.
ċertu numru ta’ punti, indikat fid-deċiżjoni, jiġu ipso jure mnaqqsa mil-liċenzja tas-sewqan bil-punti meta din id-deċiżjoni ssir finali;
D.
wara l-introduzzjoni tas-sistema tal-liċenzja tas-sewqan bil-punti, maħruġa inizjalment b’ammont speċifiku ta’ punti li jservu sabiex jittieħed kont tal-ksur ta’ regoli mwettaq, jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni l-punti mnaqqsa ipso jure minħabba deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet amministrattivi li ma jistgħux jiġu kkontestati;
E.
fil-każ li miżura restrittiva li tikkonsisti fl-irtirar ta’ liċenzja tas-sewqan għal vettura bil-mutur minħabba t-telf tad-dritt ta’ sewqan li jseħħ ipso jure bħala konsegwenza tat-tnaqqis tal-punti kollha inizjalment mogħtija tiġi kkontestata quddiem il-qrati, ma jsirx stħarriġ ġudizzjarju inċidentali tal-legalità tad-deċiżjonijiet li jimponu sanzjoni amministrattiva, li ma jistgħux jiġu kkontestati u li permezz tagħhom jiġi ordnat it-tnaqqis tal-punti.
Full & Egal Universal Law Academy