12.3.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 80/16
Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Jannar 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ċeka
(Kawża C-37/11)
2011/C 80/31
Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: Z. Malůšková u H. Tserepa-Lacombe, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Ċeka
Talbiet
—
tiddikjara li, billi pprovdiet fil-paragrafu 1(2)(q) tad-Digriet Nru 77/2003 Coll. li “butir sabiex jiddellek” (pomazánkové máslo) tfisser prodott tal-ħalib magħmul minn krema qarsa, miżjud bi trab tal-ħalib jew xorrox tal-butir, li fih, bil-piż, mhux inqas minn 31 % xaħam tal-ħalib u 42 % materja niexfa, u billi ppermettiet li dan il-prodott jitqiegħed fis-suq taħt l-isem ta’ “butir sabiex jiddellek”, ir-Repubblika Ċeka naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 115 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 (1) flimkien mal-Punt I, Klawżola 2, l-ewwel u t-tieni subklawżoli tal-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u Parti A punti 1 u 4 tal-Appendiċi għall-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007;
—
tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
L-Artikolu 115 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, flimkien mal-Punt I, Klawżola 2, l-ewwel u t-tieni subklawżola tal-Anness XV u Parti A, punt 1 tal-Appendiċi għall-Anness XV għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, jipprovdi li l-isem kummerċjali “butir” huwa rriżervat għal prodotti b’kontenut ta’ xaħam tal-ħalib ta’ mill-inqas 80 % u kontenut tal-ilma li ma jaqbiżx is-16 %. Fir-Repubblika Ċeka, permezz tal-Paragrafu 1(2)(q) tad-Digriet tal-Ministeru tal-Agrikoltura Nru 77/2003 Coll., tas-6 ta’ Marzu 2003, tqiegħed prodott fis-suq taħt l-isem “butir sabiex jiddellek”. Dan il-prodott huwa taħlita solida u malleabbli tat-tip ilma fiż-żejt, miksuba primarjament minn krema qarsa li jkun fiha, bil-piż, mhux inqas minn 31 % xaħam tal-ħalib u 42 % materja niexfa. Minħabba l-kontenut ta’ xaħam mill-ħalib ogħla milli dak preskritt, il-prodott “butir sabiex jiddellek” ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-użu tal-isem kummerċjali “butir”, u għalhekk inkisru l-imsemmija dispożizzjonijiet tal-UE.
Punt I, it-tieni subklawżola tal-Anness XV, flimkien mal-Parti A, punt 4 tal-Appendiċi għall-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jeħtieġ li, għal prodotti tal-ħalib b’kontenut ta’ xaħam tal-ħalib inqas minn 39 %, jintuża l-isem kummerċjali “Xaħmijiet għall-frix [sabiex jiddellku] X %”. “Butir sabiex jiddellek” ma huwiex imqiegħed fis-suq taħt dan l-isem u, għalhekk, l-imsemmija dispożizzjoni tal-UE hija miksura.
Bħala eċċezzjoni, prodotti jistgħu jitqiegħdu fis-suq taħt l-isem kummerċjali “butir” anki jekk ma jissodisfawx il-parametri msemmija iktar ’il fuq, jekk ir-rekwiżiti msemmija fil-Punt I, Klawżola 2, it-tielet subklawżola (a) tal-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jiġu sodisfatti. Dawn il-prodotti huma elenkati b’mod eżawrjenti fil-lista tal-prodotti fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 445/2007 (2). “Butir sabiex jiddellek” ma tinsabx fil-lista, peress li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fil-Punt I, Klawżola 2, it-tielet subklawżola (a) tal-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Għalhekk, “butir sabiex jiddellek” ma tistax tuża dawn l-eċċezzjonijiet.
(1) ĠU 2007 L 299, 16.11.2007, p. 1
(2) ĠU 2007 L 106, 24.04.2007, p. 24
Full & Egal Universal Law Academy