30.4.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 130/9
Appell ippreżentat fit-2 ta’ Frar 2011 minn Deutsche Bahn AG mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) mogħtija fit-12 ta’ Novembru 2010 fil-Kawża T-404/09 — Deutsche Bahn AG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)
(Kawża C-45/11 P)
2011/C 130/18
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Deutsche Bahn AG (rappreżentant: K. Schmidt-Hern, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (rappreżentant: G. Schneider, aġent)
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Novembru 2010 fil-Kawża T-404/09;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Awla tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), tat-23 ta’ Lulju 2009 (Każ R 379/2009-1);
—
tikkundanna lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi;
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell huwa intiż kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tal-appellanti intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern tat-23 ta’ Lulju 2009, dwar iċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark figurattiva magħmula mit-taħlita oriżżontali tal-kuluri griż u aħmar.
L-appellanti tinvoka erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha, li huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009.
L-ewwel nett, meta eżaminat il-karattru distintiv, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni sinjal differenti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Il-Qorti Ġenerali ma analizzatx is-sinjal fl-intier tiegħu, iżda bbażat ruħha biss fuq xorta ta’ taħlita tal-kuluri griż ċar u aħmar tas-sinjali tat-traffiku. Il-karatteristiċi speċifiċi tas-sistema ta’ kuluri ma ttiħditx inkunsiderazzjoni fil-każ inwkistjoni, minkejja li s-sekwenza partikolari ta’ dawn il-kuluri fit-trade mark inkwistjoni tikkostitwixxi parti mill-applikazzjoni tat-trade mark u tiddefinixxi s-sinjal.
It-tieni nett, waqt l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv, il-Qorti Ġenerali ma identifikatx is-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal trade mark, u għalhekk evalwat tali nuqqas ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ prodotti kompletament differenti. Fis-sentenza, l-allegat nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade mark ġie dedott mill-fatt li ċerti prodotti jiġu mmanifatturati fil-kuluri inkwistjoni (biċċiet minn magni tal-ferroviji, u għotjien li jipproteġu tagħmir tal-elettriku maġenb il-linji tal-ferrovija, sinjali tat-traffiku, level crossing barriers u sinjali tat-traffiku tal-ferroviji; ferroviji u t-truf tal-pjattaformi tal-ferroviji). Madankollu, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni ma saritx għal dawn il-prodotti. Il-Qorti Ġenerali li ma tatx raġuni għalfejn il-fatt li t-trade mark inkwistjoni tista’ ma tkunx f’pożizzjoni li tiġi protetta fir-rigward ta’ ċerti prodotti fis-settur tat-traffiku jew tat-traffiku tal-ferroviji għandha tiġġustifika wkoll għalfejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fil-kawża inkwistjoni fir-rigward ta’ ċertu servizzi ma tistax tiġi protetta.
It-tielet nett, fl-evalwazzjoni tal-karattru distintiv, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq bażijiet legali żbaljati, peress li evalwat bl-istess mod il-karattru distintiv tat-trade marks għal prodotti u tat-trade marks għal servizzi. Il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li l-pubbliku mhux neċessarjament jipperċepixxi kategoriji differenti ta’ sinjali bl-istess mod. Filwaqt li l-konsumatur jista’ ma jkunx abitwat jidentifika l-oriġini tal-prodotti mill-kulur u mill-imballaġġ fin-nuqqas ta’ elementi grafiċi jew verbali, peress li l-prodotti u l-imballaġġi ġeneralment huma bil-kulur, fil-każ ta’ servizzi s-sitwazzjoni hija totalment differenti. Fid-dawl tal-fatt li min-natura tagħhom stess is-servizzi huma mingħajr kulur, il-mod kif il-konsumatur jipperċepixxi l-kuluri għas-servizzi huwa kompletament differenti mill-mod li bih jipperċepixxi l-kuluri għal prodotti. Għalhekk, fl-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tal-kuluri, għandha ssir distinzjoni bejn il-prodotti u s-servizzi.
Ir-raba’ nett, fl-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti rilevanti u ma mmotivatx b’mod suffiċjenti s-sentenza. Il-Qorti Ġenerali ppreżumiet mingħajr ebda fondatezza li l-istrixxi oriżżontali kuluriti jintużaw abitwalment bħala elementi dekorattivi tal-ferroviji. Billi għamlet hekk, din ma kkunsidratx li l-kawża preżenti tirrigwarda evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade mark b’kuluri speċifiċi u mhux ta’ strixxi fuq vaguni ta’ ferroviji inġenerali. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li applikazzjoni għat-trade mark inkwisjtoni ma ġietx ippreżentata għall-ferroviji, iżda għas-servizzi fil-klassi 39. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma żviluppatx b’mod estensiv l-argument li skontu l-elementi tal-kulur fil-kuntest tat-traffiku tal-ferroviji ma humiex intiżi bħala elementi dekorattivi, iżda bħala indikazzjoni tal-oriġini. Il-Qorti Ġenerali ma analizzatx tali argumenti tar-rikorrenti.
Full & Egal Universal Law Academy