2.4.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 103/16
Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Frar 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja
(Kawża C-46/11)
2011/C 103/29
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: S. Petrova u K. Herrmann, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja
Talbiet
—
tiddikjara li, billi ttrasponiet ħażin ir-rekwiżiti għall-istabbiliment ta’ derogi kif previsti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (1), ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-dispożizzjoni;
—
tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika tal-Polonja bi traspożizzjoni żbaljata fid-dritt Pollakk tar-rekwiżiti għall-għoti ta’ derogi mill-projbizzjonijiet marbutin mal-ħarsien tal-ispeċi ta’ għasafar u ta’ annimali li jinsabu fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE.
L-ewwel nett, f’żewġ regolamenti tal-Ministeru għall-Ambjent dwar speċi ta’ pjanti selvaġġi u annimali suġġetti għal ħarsien hemm l-istruttura segwenti, l-Artikoli 7(1) u 8 jipprovdu deroga ġenerali mill-projbizzjonijiet għall-ħarsien tal-ispeċi (bħal pereżempju il-projbizzjoni ta’ qtil intenzjonali, qbid etc.) fir-rigward ta’ attivitajiet konnessi mat-tmexxija ta’ attività razzjonali agrikola, forestali jew tas-sajd. Madankollu l-possibbiltà ta’ tali deroga ma hijiex prevista fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 92/43/KEE.
It-tieni nett, fl-Artikolu 52(2)(5) tal-liġi dwar il-ħarsien tan-natura, il-portata tal-possibbiltà li tingħata deroga, fir-rigward tal-“prevenzjoni ta’ ħsara serja, b’mod partikolari għall-attivitajiet agrikoli, forestali jew tas-sajd”, minn projbizzjonijiet relatati mal-ħarsien ta’ speċi ta’ annimali hija usa’ minn dik tad-deroga prevista fl-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 92/43/KEE.
It-tielet nett, fl-Artikolu 56(4)(1) tal-liġi dwar il-ħarsien tan-natura, il-portata tal-possibbiltà li tingħata deroga minn projbizzjonijiet relatati mal-ħarsien ta’ speċi meta dan jirriżulta mill-“ħtieġa li tiġi limitati ħsara serja għall-ekonomija, b’mod partikolari, agrikola, forestali jew tas-sajd”, hija usa’ minn dik prevista fl-Artikolu 16(1)(b) tad-direttiva habitat.
Ir-raba’ nett, ir-regolament tat-28 ta’ Settembru 2004 dwar speċi ta’ annimali selvaġġi suġġetti għal ħarsien jawtorizza l-qtil jew il-qbid, etc., tal-lontra komuni (Lutra Lutra) li tgħix fit-territorju ta’ stabbilimenti għat-trobbija tal-ħut, minkejja li din hija speċi li għandha bżonn ħarsien mill-qrib skont l-Anness IV tad-Direttiva 92/43/KEE.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102
Full & Egal Universal Law Academy