21.5.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 152/10
Appell ippreżentat fis-7 ta’ Frar 2011 mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) mis-sentenza mogħtija fl-24 ta’ Novembru 2010 mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil-Kawża T-137/09, Nike International vs UASI — Muñoz Molina (R 10)
(Kawża C-53/11)
2011/C 152/17
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellant: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (rappreżentant: J. Crespo Carrillo, aġent)
Partijiet oħra fil-proċedura: Nike International Ltd. u Aurelio Muñoz Molina
Talbiet tal-appellant
—
tannulla s-sentenza appellata;
—
tagħti deċiżjoni dwar il-mertu, tiċħad ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
1. Ksur tar-Regola 49 tar-Regolament ta’ implementazzjoni (1) u tal-Artikolu 59 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (2)
Id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq ir-Regola 49(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni flimkien mal-Artikolu 59 attwali tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja. Madankollu, is-sentenza appellata ma tirreferi fl-ebda mument la għar-Regola 49(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, u lanqas għall-Artikolu 59 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitaja, u ma tgħid xejn dwar l-applikazzjoni tagħhom f’dan il-każ. L-UASI jikkunsidra li dan jikkostitwixxi żball ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni.
2. Ksur tal-linji gwida tal-UASI u tar-Regola 49(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni
L-UASI jqis li l-linji gwida tiegħu ma japplikawx f’dan il-każ. Madankollu, is-sentenza appellata tikkonferma f’żewġ okkażjonijiet li l-Bordijiet tal-Appell għandhom l-obbligu li japplikaw il-linji gwida tal-UASI. Fil-fehma tal-UASI, dan jikkostitwixxi żball ta’ liġi.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189).
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).
Full & Egal Universal Law Academy