14.5.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 145/8
Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Frar 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana
(Kawża C-68/11)
2011/C 145/10
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Alcover San Pedro u S. Mortoni, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana
Talbiet
—
tikkonstata li billi qabżet, għal numru ta’ snin konsekuttivi, il-valuri ta’ limitu għall-partiċelli PM10 fl-arja ambjentali f’numru ta’ żoni u agglomerazzjonijiet fir-rigward tal-kwalità tal-arja fit-territorju Taljan kollu, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/30/KE (1), tat-22 ta’ April 1999, dwar il-valuri ta’ limitu tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, materji f’partiċelli u ċomb fl-arja ambjentali, li sar l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50/KE (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa
—
tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/30/KE jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw li l-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ambjentali ma jaqbżux il-valuri tal-limitu stabbiliti f’punt I tal-Anness III tad-direttiva, sa mid-data indikata hemmhekk. Id-data rilevanti fil-każ preżenti hija l-1 ta’ Jannar 2005.
Meta l-Kummissjoni evalwat ir-rapporti annwali mibgħuta għas-snin 2005 sa 2007, jirriżulta li l-valuri ta’ limitu għall-PM10 kienu nqabżu f’ħafna żoni u agglomerazzjonijiet urbani. Barra minn hekk, mid-data l-iktar riċenti mibgħuta mill-Italja għas-sena 2009 jirriżulta li din is-sitwazzjoni ta’ qabżiet tal-valuri ta’ limitu ta’ kuljum u/jew annwali seħħew f’70 żona.
B’hekk jirriżulta li l-Italja naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/30 għal dak li jirrigwarda ż-żoni u s-snin inkwistjoni.
(1) ĠU L Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 04, p. 164
(2) ĠU L 152, 11.06.2008, p. 1
Full & Egal Universal Law Academy