16.4.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 120/6
Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Frar 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Isvezja
(Kawża C-70/11)
2011/C 120/10
Lingwa tal-kawża: l-Isvediż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Enegren u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tal-Isvezja
Talbiet
—
tiddikjara li, billi jipprovdi li operatur ekonomiku, fil-każ li konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar, jista’ jeħtieġ mhux biss li konsumatur iħallas għal dik il-parti tas-servizz finanzjarju li tkun diġà ġiet fornita iżda jista’ wkoll jitolbu ħlas ta’ spejjeż raġonevoli għas-servizzi relatati maż-żmien qabel il-operatur ekonomiku ikun aċċetta l-konferma tal-konsumatur li huwa kien irtira mill-kuntratt, ir-Renju tal-Iżvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 98(97)/7/KE u 98/27/KE, u
—
tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Skont il-premessa 13, fil-preambolu tad-direttiva, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet barra minn dawk stabbiliti f’din id-direttiva fl-oqsma li tarmonizza, sakemm mhux speċifikament indikat mod ieħor fiha.
Jidher ċar mill-Artikolu 6(1) tad-direttiva li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumatur ikollu perijodu ta’ 14-il jum skont il-kalendarju biex jirtira mill-kuntratt mingħajr penalità u mingħajr ma jagħti raġuni.
Skont l-Artikolu 7(1) tad-direttiva, meta l-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar huwa jista’ biss ikun meħtieġ iħallas għas-servizz attwalment provdut mill-fornitur skont il-kuntratt mill-bogħod.
Mit-tieni sentenza tal-Kapitolu 3, Paragrafu 11, tal-Liġi dwar il-bejgħ bid-distanza u l-bejgħ bieb bieb (2005:59) (distans-och hemförsäljningslagen) jirriżulta li l-operatur ekonomiku, b’żieda mal-ħlas għas-servizz attwalment provdut, jistgħu wkoll jitolbu ħlas għal spejjeż raġonevoli.
Fil-leġiżlazzjoni li timplimenta d-direttiva, l-Isvezja għalhekk introduċiet dispożizzjonijiet li jmorru lil hinn minn dak li huwa stabbilit fl-Artikolu 7(1) tad-direttiva fir-rigward dritt ta’ rtirar tal-konsumatur.
Fiċ-ċirkostanzi kollha, l-Isvezja ma tidhirx li ttrasponiet l-Artikolu 7(1) tad-direttiva biċ-ċarezza u preċiżjoni preskritti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex dan ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali jiġi sodisfatt.
Full & Egal Universal Law Academy