30.4.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 130/12
Appell ippreżentat fit-18 ta’ Frar 2011 minn Frucona Košice a.s. kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Diċembru 2010 fil-Kawża T-11/07, Frucona Košice a.s. vs Il-Kummissjoni Ewropea, St. Nicolaus — trade a.s
(Kawża C-73/11 P)
2011/C 130/22
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Frucona Košice a.s. (rappreżentanti P. Lasok QC, J. Holmes, Barrister, B. Hartnett, Barrister, O. Geiss, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: il-Kummissjoni Ewropej, St. Nicolaus — trade a.s.
Talbiet tal-appellanti
(1)
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Diċembru 2010 fil-Kawża T-11/07, f’dak li jirrigwarda r-raba’ u s-sitt motiv tar-rikors ippreżentat mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali;
(2)
tilqa’ dawn il-motivi, bħala fondati;
(3)
tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-ħames, is-sitt, is-seba’, it-tmien u d-disa’ motiv invokati mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn dawn jirrigwardaw il-proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali; u
(4)
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka ż-żewġ motivi li ġejjin.
(1) L-ewwel motiv: il-Qorti Ġenerali ma evalwatx l-applikazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat magħmulha mill-Kummissjoni bi ksur tal-kriterju legali korrett.
(2) It-tieni motiv: il-Qorti Ġenerali ppruvat, b’mod inaċċettabbli, tissostitwixxi r-raġunament tagħha għal dak tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat u/jew evalwa l-provi eżistenti rilevanti għal dan il-kriterju b’mod manifestament inkorrett, u b’dan il-mod żnaturat il-provi.
Full & Egal Universal Law Academy