14.5.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 145/9
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja) fl-24 ta’ Frar 2011 — Marja-Liisa Susisalo, Olli Tuomaala, Merja Ritala
(Kawża C-84/11)
2011/C 145/13
Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż
Qorti tar-rinviju
Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja).
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Marja-Liisa Susisalo, Olli Tuomaala, Merja Ritala.
Partijiet oħra: Helsingin yliopiston apteekki, Lääkealan turvallisuus- ja kehittämiskeskus FIMEA.
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 49 TFUE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment taħt id-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Finlandiża fuq il-prodotti mediċinali (‘lääkelaki’) dwar l-iskema ta’ liċenzji sabiex jiġu operati l-ispiżeriji, minħabba l-fatt li l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tal-fergħat tal-ispiżerija tal-Università ta’ Helsinki huma differenti minn dawk applikabbli għall-ispiżeriji privati skont kif ġej:
(a)
Permezz ta’ liċenzja maħruġa mil-Lääkealan turvallisuus- ja kehittämiskeskus (Ċentru ta’ żvilupp u ta’ sigurtà tal-qasam farmaċewtiku — iktar ’il quddiem: il-“FIMEA”), skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tal-Liġi Finlandiża fuq il-prodotti mediċinali, fergħa ta’ spiżerija privata tista’ tiġi stabbilita f’żona li, minħabba n-numru żgħir ta’ abitanti, ma tissodisfax il-kundizzjonijiet minimi sabiex topera spiżerija indipendenti, iżda fejn l-aċċess għall-prodotti mediċinali jirrikjedi l-preżenza ta’ spiżerija; spiżjar privat jista’ jopera sa tliet fergħat, abbażi ta’ liċenzja għal kull waħda minnhom. Min-naħa l-oħra fergħa tal-ispiżerija tal-Università ta’ Helsinki tista’ tiġi stabbilita abbażi ta’ liċenzja maħruġa, għal kull fergħa separatament, mill-FIMEA skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 52 tal-Liġi Finlandiża fuq il-prodotti mediċinali, mingħajr ma l-liġi jew dispożizzjonijiet nazzjonali oħra jillimitaw l-evalwazzjoni li għandha ssir fl-okkażjoni tal-ħruġ ta’ din il-liċenzja b’restrizzjonijiet oħra minbarra l-fatt li l-ispiżerija tal-Università ta’ Helsinki ma jistax ikollha iktar minn sittax-il fergħa.
(b)
Sabiex jiġi ddeterminat il-post ta’ stabbiliment ta’ fergħa ta’ spiżerija privata, il-FIMEA għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-post ta’ stabbiliment tal-ispiżerija. Ma hemmx regola analoga għall-post ta’ stabbiliment ta’ fergħat tal-ispiżerija tal-Università ta’ Helsinki, li ġew stabbiliti f’diversi partijiet tal-Finlandja.
(2)
Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, fid-dawl tar-risposti għad-domandi preċedenti, li l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi skema ta’ liċenzji sabiex jiġu operati l-fergħat tal-ispiżerija tal-Università ta’ Helsinki, il-qorti nazzjonali tagħmel ulterjorment id-domandi preliminari li ġejjin:
(a)
Ir-restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment li tirriżulta mill-iskema ta’ liċenzji sabiex jiġu operati l-fergħat tal-ispiżerija tal-Università ta’ Helsinki, tista’ tiġi ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jkunu ta’ natura neċessarja u proporzjonata u li jirriżultaw mill-missjonijiet partikolari li assumiet l-Università ta’ Helsinki fil-qasam tat-tagħlim tal-farmaċewtika u ta’ provvista ta’ prodotti mediċinali, fid-dawl tal-fatt li ebda missjoni partikolari analoga ma hi assenjata lill-fergħat ta’ din l-ispiżerija?
(b)
Mill-missjonijiet partikolari ċċitati iktar ’il fuq, mogħtija bil-liġi lill-ispiżerija tal-Università ta’ Helsinki, jirriżulta li din l-ispiżerija tista’ tiġi kkunsidrata bħala impriża inkarigata mill-għoti ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fis-sens tal-Artikolu 106(2) TFUE u, jekk iva, din id-dispożizzjoni tat-TFUE tippermetti li, fir-rigward tal-fergħat tal-ispiżerija tal-Università ta’ Helsinki, issir deroga mir-rekwiżiti li jikkonċernaw l-awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 49 TFUE, fid-dawl tal-fatt li ebda missjoni partikolari korrispondenti ma ġiet assenjata lill-fergħat tal-ispiżerija tal-Università ta’ Helsinki?
Full & Egal Universal Law Academy