21.5.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 152/10
Appell ippreżentat fil-25 ta’ Frar 2011 minn Fidelio KG mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) mogħtija fis-16 ta’ Diċembru 2010 fil-Kawża T-286/08 — Fidelio KG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-87/11 P)
2011/C 152/19
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Fidelio KG (rappreżentant: M. Gail, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea mogħtija fis-16 ta’ Diċembru 2010 fil-Kawża T-286/08;
—
tilqa’ t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza;
—
tikkundanna lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li r-reġistrazzjoni tas-sinjal “Hallux” għal “prodotti ortopediċi” u “żraben” hija milquta mir-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94. Ir-rikorrenti ma tistax tifhem għaliex, b’mod kuntrarju għall-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti Ġenerali ssegwi l-argumentazzjoni tal-UASI u tikkunsidra li “hallux”, l-espressjoni bil-Latin għas-saba’ l-kbir tas-sieq, hija t-taqsira abitwali ta’ “hallux valgus”, patologija tas-saba’ l-kbir tas-sieq. Dan l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jinjora l-importanza tal-prinċipju tal-eżami ex officio u jikser barra minn hekk l-obbligu ta’ motivazzjoni.
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali għamlet determinazzjoni żbaljata tal-prodotti u tal-kategoriji ta’ prodotti. Peress li l-kunċett “prodotti ortopediċi” huwa wisq wiesa’ u huwa suffiċjenti li r-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni tapplika għal parti mill-prodotti, l-UASI għandha l-possibbiltà li tikkunsidra kemm trid bħala tipi ta’ prodotti sabiex tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ tip ta’ prodotti partikolari. Dan ma tteħidx inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali.
Fir-rigward taż-żraben, il-Qorti Ġenerali telqet b’mod żbaljat mill-prinċipju tal-eżistenza ta’ kategorija ta’ żraben “żraben ta’ konfort”. Madankollu, fir-realtà ma hemm ebda differenza bejn iż-żraben inġenerali u ż-żraben imsejħa ta’ konfort.
Barra minn hekk, fid-determinazzjoni tal-pubbliku kkonċernat għall-“prodotti ortopediċi” u għaż-“żraben” rispettivament, il-Qorti Ġenerali segwiet kunsiderazzjonijiet irrilevanti. Skont ir-rikorrenti, f’dan ir-rigward, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq il-konsumatur medju. Dan tal-aħħar, madankollu, ma għandux għarfien la tal-Latin u lanqas tal-patoloġija tas-sieq hallux valgus. Għalhekk, it-trade mark “Hallux” ma tistax tiġi mifhuma bħala waħda deskrittiva.
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 meta naqset milli teżamina s-sinjal “Hallux” fid-dawl tal-imsemmija dispożizzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy