21.5.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 152/11
Appell ippreżentat fil-25 ta’ Frar 2011 minn E.ON Energie AG mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) mogħtija fil-15 ta’ Diċembru 2010 fil-Kawża T-141/08, E.ON Energie AG vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-89/11 P)
2011/C 152/20
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: E.ON Energie AG (rappreżentanti: A. Röhling, F. Dietrich u R. Pfromm, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali u tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 377 finali, innotifikata lill-appellanti fis-6 ta’ Frar 2008, fil-Każ COMP/B-1/39.326;
—
sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tannulla d-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq sa fejn (a) l-appellanti hija kkundannata għall-ħlas ta’ multa, u (b) l-appellanti hija kkundannata għall-ħlas tal-ispejjeż, u tilqa’ t-talbiet tal-appellanti mressqa fl-ewwel istanza;
—
iktar sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tikkontesta s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali, billi titlob l-annullament tagħha u li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 377 finali, tat-30 ta’ Jannar 2008, fil-Każ COMP/B-1/39.326 għandha tiġi annullata. Is-sentenza kkonfermat deċiżjoni tal-konvenuta li imponiet multa, fejn ġie allegat li l-appellanti kisret siġill magħmul minn rappreżentanti tal-konvenuta skont l-Artikolu 20(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u għalhekk “tal-inqas b’negliġenza” kisret l-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003. Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka sitt aggravji:
(1)
L-ewwel nett, l-appellanti tissottometti li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-oneru tal-prova hija vvizzjata minn żbalji ta’ liġi u għalhekk tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza u tal-prinċipju ta’ teħid ta’ deċiżjoni tad-dritt Komunitarju in dubio pro reo. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra l-fatt li l-prova fl-għamla (inkontestata) tas-siġill magħmul fuq ix-Shelf Life tagħha ma kinitx tikkostitwixxi prova “suffiċjentement sinjifikattiva” sabiex turi l-eżistenza ta’ ksur.
(2)
Bit-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tissottometti li l-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi wettqet żball ta’ karatterizzazzjoni. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-qlib tal-oneru tal-prova, il-kriterju, stabbilit minnha qabel, tal-“eżami” tal-piż probatorju tas-siġill fid-dawl tar-rekwiżit sussegwenti, ikkunsidrat fil-kuntest tal-iżball ta’ karatterizzazzjoni, ta’ “rabta kawżali” diretta bejn iż-żmien tas-siġill u l-ħolqien ta’ riżultat pożittiv falz.
(3)
Bit-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tissottometti li l-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament tal-provi u għalhekk ksur tal-prinċipji ta’ loġika, tal-prinċipju ġenerali ta’ stat tad-dritt u ksur ieħor tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, l-appellanti tissottometti b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali qiegħda tevalwa l-prova tal-“att li jiddokumenta t-twettiq tas-siġill” billi tippreżumi li din se tipprovdi prova suffiċjenti tat-twettiq korrett tas-siġill, spjegazzjoni li ma tistax tiġi dedotta minnha.
(4)
Bir-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti tallega li hemm nuqqas ieħor ta’ motivazzjoni tas-sentenza marbut ma’ ksur tal-prinċipji ta’ loġika. B’riferiment għall-issiġillar ulterjuri fil-bini tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali, mill-funzjonament tas-siġill użat għal dan l-iskop, tasal ukoll għal deduzzjoni illoġika fir-rigward tal-funzjonament tas-siġill ikkontestat.
(5)
Bil-ħames aggravju tagħha, l-appellanti tissottometti li l-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli tal-produzzjoni tal-prova, il-prinċipji ta’ loġika u l-prinċipju in dubio pro reo. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li s-sottomissjoni tal-appellanti fir-rigward tal-kundizzjoni tal-ittri “VOID” fuq iċ-ċaċċis tal-bieb kienet irrilevanti u naqset milli tagħmel investigazzjoni, bi ksur tar-regoli tal-proċedura korretta tal-provi.
(6)
Bis-sitt aggravju tagħha, fl-aħħar nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret ukoll ir-regoli tal-produzzjoni tal-prova u l-prinċipju legali ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-kalkolu tal-multa. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt ta’ mitigazzjoni li l-konvenuta stess kienet il-kawża tas-sitwazzjoni, li sussegwentement ma setgħetx tiġi ċċarata, fil-jum tal-ispezzjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tal-ambitu tal-effett tal-oġġetti protetti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tikseb provi dwar il-kwistjoni essenzjali tal-ftuħ tal-bieb, li hija rilevanti għall-gravità tal-att u għalhekk għall-ammont tal-multa.
Full & Egal Universal Law Academy