21.5.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 152/12
Appell ippreżentat fl-1 ta’ Marzu 2011 minn August Storck KG mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 2010 fil-Kawża T-13/09 — August Storck KG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-96/11 P)
2011/C 152/21
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: August Storck KG (rappreżentanti: T. Reher, P. Goldenbaum, I. Rohr, T. Melchert, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza appellata;
—
tilqa’ t-talbiet imressqa fir-rikors fl-ewwel istanza u tiddeċiedi il-kawża b’mod definittiv, u sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell huwa intiż kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, fejn din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tal-appellanti għall-annullament tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI), tat-12 ta’ Novembru 2008, dwar iċ-ċaħda tal-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal tridimensjonali kkostitwit mill-forma ta’ ġurdien taċ-ċikkulata.
L-appellanti tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha:
I. Ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja
(1)
Il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx l-aspetti differenti tal-kunċett tal-karattru distintiv, u għaldaqstant applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja u għalhekk żbaljat meta rrifjutat li tirrikonoxxi li t-trade mark hija intrinsikament distintiva.
(2)
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, meta fid-dawl tal-ġurisprudenza, hija evalwat it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, bħala trade mark nieqsa minn elementi grafiċi jew verbali, minkejja li t-trade mark għandha element grafiku bassoriljiev. It-trade mark għandha tiġi evalwata skont il-prinċipji applikabbli għat-trade marks figurattivi.
(3)
Il-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat il-fatt li l-forma ta’ prodott jista’ jkollha għanijiet oħra minbarra dak ta’ identifikazzjoni, bħall-estetika, u dawn bl-ebda mod ma jnaqqsu mill-karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark ikkostitwit mill-forma tal-prodott.
(4)
Il-Qorti Ġenerali interpretat “mhux komuni” fis-sens ta’ “mhux użat” u għalhekk eskludiet il-possibbiltà li l-konsumatur fil-qasam tal-ħelu diġà kien mdorri b’dawn it-tip ta’ trade marks u li għalhekk dawn jistgħu jiġu kkunsidrati bħala distintivi. Peress li għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx l-importanza tal-forma tal-prodott sabiex jiġu identifikati l-prodotti tas-suq rilevanti u konsegwentement applikat b’mod żbaljat il-kriterju għall-prova tal-karattru distintiv tat-trade marks komposti minn forma fil-qasam tal-ħelu, sa fejn tali trade marks huma komposti minn forom li jimitaw annimali u/jew kreaturi oħra ħajjin jew kombinazzjoni ta’ elementi ta’ ħlejjaq differenti ħajjin.
(5)
Il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi meta wettqet kuntrast bejn minn naħa “disinn dekorattiv” u min-naħa l-oħra “perċezzjoni analitika”, filwaqt li naqset milli tirrikonoxxi li t-trade marks għandhom jiġu evalwati skont l-impressjoni globali tagħhom.
(6)
Il-konnessjoni fost dawn l-elementi żbaljati waslet lill-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minkejja l-fatt li applikazzjoni korretta tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja kellha twassal għal konklużjoni opposta.
II. Ċaħda tad-dritt għal smigħ
(7)
Il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ tal-appellanti, billi fit-teħid tad-deċiżjoni tagħha ma kkunsidratx numru ta’ argumenti mressqa minnha.
III. Ksur tal-Artikolu 73(1) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (obbligu ta’ motivazzjoni)
(8)
Il-Qorti Ġenerali bbażat s-sentenza tagħha fuq l-allegazzjoni li ma kienx ntwera li s-suġġett tar-rappreżentazzjoni li tikkosttiwixxi t-trade mark kellu personalità distinta, anki jekk, skont il-prinċipju tal-investigazzjoni ex officio, kien għall-UASI li tipprova ddgħajjef l-personalità tat-trade mark billi tippreżenta rappreżentazzjonijiet paragunabbli li huma magħrufa fis-suq. Il-Qorti Ġenerali ma ttrattatx b’mod manifest l-allegazzjoni tal-appellanti u dan bi ksur tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.
(9)
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu tagħha li timmotiva b’mod loġiku id-deċiżjoni tagħha sa fejn ittrattat parti mill-allegazzjonijiet tal-appellanti iżda la kkunsidrathom u lanqas irreferiet għalihom fid-deċiżjoni tagħha.
Full & Egal Universal Law Academy