14.5.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 145/11
Appell ippreżentat fl-1 ta’ Marzu 2011 minn Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli AG mis-sentenza mogħtija fis-17 ta’ Diċembru 2010 mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fil-Kawża T 336/08 (L-Ewwel Awla), Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli AG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-98/11 P)
2011/C 145/16
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli AG (rappreżentanti: G. Hild, R. Lange, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas 17 ta’ Diċembru 2010, fil-Kawża T-336/08 u li l-UASI tiġi kkundannata għall ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell huwa intiż kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, li permezz tagħha ġiet miċħuda t-talba tal-appellanti għall-annullament tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI) tal-11 ta’ Ġunju 2008, li tiċħad l-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tridimensjonali li għandha l-forma ta’ fenek magħmul miċ-ċikkulata b’żigarella ħamra.
L-appellanti tibbaża l-appell tagħha fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94.
Fir-rigward tal-ewwel aggravju, dwar il-prova tal-karattru distintiv tat-trade mark, la l-eżami mill-UASI u lanqas l-evalwazzjoni ġuridika mill-Qorti Ġenerali ma jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-liġi, billi it-tnejn huma bbażati fuq suppożizzjonijiet. L UASI spekula li l-konstatazzjoni li fenek taċ-ċikkulata tal-Għid huwa forma tipika għall-Għid, hija valida għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni, u li dan ma huwiex ikkontestat. Madankollu, dan il-fatt dejjem kien ikkontestat, billi l-appellanti espressament ikkontestat din il-konstatazzjoni, billi espressament ressqet sottomissjonijiet estensivi. L-UASI u l-Qorti Ġenerali kellhom jieħdu kunsiderazzjoni ta’ dan sabiex korrettament jittrattaw l-obbligu tagħhom ta’ verifika skont l Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94. Barra minn dan, il-Qorti Ġenerali waslet ukoll għall-konklużjoni li l-użu ta’ fojl dehbieni għall-fniek taċ-ċikkulata tal-Għid huwa abitwali fis-suq, minkejja l-fatt li s-sentenza tirreferi biss għal tliet prodotti oħra mgeżwra fi fojl dehbieni. Dan in-numru baxx ta’ prodotti, fl-opinjoni tal-appellanti, ma jistax iwassal sabiex din il-karatteristika tkun meqjusa bħala “abitwali” fis-suq.
Il-fatt li l-ipoteżi tal-Qorti Ġenerali, li t-trade mark ma għandha l-ebda karattru distintiv fl-Unjoni Ewropea kollha, hija bla bażi ssir iktar ċara permezz tal-fatt li t trade mark inkwistjoni hija rreġistrata fi 15-il Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.
It-tieni aggravju jikkonċerna d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li t-trade mark għandha tkun kisbet karattru distintiv permezz tal-użu fl-Unjoni Ewropea kollha, li hija żbaljata għal żewġ raġunijiet.
Minn naħa, il-Qorti Ġenerali tinjora li l-karattru distintiv għandu jiġi miksub permezz ta’ użu, biss fejn it-trade mark ma għandux diġà karattru distintiv. Fil-15-il Stat Membru 15 fejn it-trade mark inkwistjoni għandha karattru distintiv intrinsiku, ma hemmx lok li jiġi mitlub il-ksib tal-karattru distintiv permezz ta’ użu. Li kieku kellu jintlaqa’ li bħala parti mill-evalwazzjoni, il-karattru distintiv għandu jerġa’ jiġi vverifikat fl-Istati Membri individwali, wieħed għandu wkoll għalhekk jiddetermina l fatti hemmhekk. Billi skont l-Artikolu 74 tar-Regolament, il-karattru distintiv għandu jiġi evalwat mill-UASI ex officio, l-UASI għalhekk kellha tagħmel sejbiet individwali għal kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. L-UASI u l-Qorti Ġenerali naqsu milli jagħmlu dan.
Min-naħa l-oħra, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali ma humiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ uniformità tat-trade mark Komunitarja. Fl-evalwazzjoni tan-natura reġistrabbli u, b’mod partikolari f’dan il-każ, tal-karattru distintiv, l-Unjoni Ewropea għandha titqies bħala suq uniku komuni. Jekk għal maġġoranza tal-popolazzjoni kollha tal-Unjoni Ewropea, hemm karattru distintiv intrinsiku, dan għandu jkun ukoll biżżejjed għal protezzjoni fis-suq Ewropew kollu.
Full & Egal Universal Law Academy