18.6.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 179/7
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (Ir-Renju Unit) fis-16 ta’ Marzu 2011 — Neurim Pharmaceuticals (1991) Ltd vs Comptroller-General of Patents
(Kawża C-130/11)
2011/C 179/11
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Neurim Pharmaceuticals (1991) Ltd
Konvenut: Comptroller-General of Patents
Domandi preliminari
(1)
Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 1768/92 (1) (li issa sar ir-Regolament (KE) Nru 469/2009 (2)) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ĊPS”), meta awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq (A) tkun ingħatat għal prodott mediċinali li jinkludi prinċipju attiv, l-Artikolu 3(d) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-għoti ta’ ĊPS ibbażat fuq awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ulterjuri (B) għal prodott mediċinali differenti li jinkludi l-istess prinċipju attiv jekk il-limiti tal-protezzjoni mogħtija mill-privattiva bażika ma jestendux għall-kummeċjalizzazzjoni tal-prodott li huwa s-suġġett tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq preċedenti fis-sens tal-Artikolu 4?
(2)
Fl-ipoteżi fejn l-għoti ta’ ĊPS ma jkunx eskluż, jirriżulta minn dan li, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament ĊPS, “l-applikazzjoni għal privattiva bażika tkun ġiet ippreżentata sad-data ta’ l-ewwel awtorizzazzjoni biex il-prodott jitqiegħed fis-suq fil-Komunità” għandha tkun awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott mediċinali fil-limiti tal-protezzjoni mogħtija mill-privattiva bażika fis-sens tal-Artikolu 4?
(3)
Ir-risposti għad-domandi preċedenti jkunu differenti jekk l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq preċedenti kienet ingħatat lil prodott mediċinali veterinarju għal indikazzjoni speċifika u l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ulterjuri kienet ingħatat għal prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem għal indikazzjoni differenti?
(4)
Ir-risposti għad-domandi preċedenti jkunu differenti jekk l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ulterjuri kienet talbet applikazzjoni kompleta għall-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/83/KEE (3) (preċedentement applikazzjoni kompleta skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 65/65/KEE) (4)?
(5)
Ir-risposti għad-domandi preċedenti jkunu differenti jekk il-prodott kopert mill-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq (A) tal-prodott mediċinali korrispondenti jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni ta’ privattiva differenti li tappartjeni lil proprjetarju differenti mill-applikant għaċ-ĊPS?
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1768/92, tat-18 ta’ Ġunju 1992, dwar il-ħolqien ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplementari għal prodotti mediċinali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 200)
(2) Regolament (KE) Nru 469/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009, dwar iċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali (ĠU L 152, p. 1).
(3) Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Novembru 2001, dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69).
(4) Direttiva tal-Kunsill 65/65, tas-26 ta’ Jannar 1965, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi, dwar l-ispeċjalitajiet farmaċewtiċi (ĠU 22, p. 369).
Full & Egal Universal Law Academy