25.6.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 186/11
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Innsbruck (l-Awstrija) fit-18 ta’ Marzu 2011 — Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft mbH vs Betriebsrat Bord der Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft mbH
(Kawża C-132/11)
2011/C 186/19
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberlandesgerischt Innsbruck
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft mbH
Konvenuti: Betriebsrat Bord der Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft mbH
Domandi preliminari
(1)
Id-dritt tal-Unjoni, skont kif attwalment fis-seħħ, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (flimkien mal-Artikolu 6(1) TUE), il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (Artikolu 6(3) TUE) ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u l-Artikoli 1, 2, u 6 tad-Direttiva 2000/78/KE (1), jipprekludi li dispożizzjoni nazzjonali ta’ ftehim kollettiv li tiddiskrimina indirettament l-ixjeħ ħaddiema billi tieħu biss inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni fil-kategoriji ta’ impjieg previsti mill-ftehim kollettiv u, konsegwentement, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tas-salarju, il-kompetenzi u l-għarfien li kisbu bħala membri tal-ekwipaġġ ta’ kumpannija tal-ajru partikolari, bl-esklużjoni ta’ kompetenzi u għarfien sostanzjalment identiċi li dawn l-istess persuni kisbu mingħand kumpannija tal-ajru oħra li tappartjeni mal-istess grupp ta’ impriżi? Din il-konstatazzjoni tapplika wkoll, skont il-każ, għall-kuntratti ta’ xogħol li ġew konklużi qabel l-1 ta’ Diċembru 2009?
(2)
Qorti nazzjonali tista’, b’analoġija mal-kawża Rieser Internationale Transporte (2) u mas-soluzzjoni li ngħatat mill-ġurisprudenza fir-rigward ta’ ftehim antikompetittiv fil-kawża Béguelin Import (3), tqis klawżola ta’ kuntratt individwali li tikser indirettament l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u/jew l-Artikoli 1, 2, u 6 tad-Direttiva 2000/78/KE bħala li hija parzjalment nulla minħabba l-effett orizzontali dirett tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni u ma tapplikax tali klawżola?
(1) Direttiva tal Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).
(2) Sentenza tal-5 ta’ Frar 2004, fil-Kawża C-157/02 (Ġabra p. I-1477).
(3) Sentenza tal-25 ta’ Novembru 1971, fil-Kawża 22/71 (Ġabra p. 949).
Full & Egal Universal Law Academy