18.6.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 179/12
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ April 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika ta’ Malta
(Kawża C-178/11)
2011/C 179/23
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Alcover San Pedro, K. Mifsud-Bonnici, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika ta’ Malta
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikjara li, billi ma fasslitx mapep strateġiċi tal-ħsejjes fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet u t-toroq maġġuri identifikati minn Malta fir-rapport tagħha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2002/49/KE (1), ma rrendithomx disponibbli u ma qassmithomx lill-pubbliku, u ma bagħtitx l-informazzjoni minn dawn il-mapep strateġiċi tal-ħsejjes lill-Kummissjoni, ir-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1), l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ġunju 2002, li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali; u
—
tikkundanna lir-Repubblika ta’ Malta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Skont ir-rapport li Malta ppreżentat fl-2006 skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tad-direttiva, agglomerazzjoni waħda kif ukoll 43 triq maġġuri fit-territorju ta’ Malta jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva. Għaldaqstant, sat-30 ta’ Ġunju 2007, kellhom jitfasslu mapep strateġiċi tal-ħsejjes għal din l-agglomerazzjoni u għat-toroq maġġuri inkwistjoni, u dawn kellhom isiru disponibbli u jitqassmu lill-pubbliku. Barra minn hekk, sat-30 ta’ Diċembru 2007, kellhom jintbagħtu kemm informazzjoni minn dawn il-mapep strateġiċi tal-ħsejjes kif ukoll sommarji tal-pjanijiet ta’ azzjoni lokali lill-Kummissjoni.
Jidher li sa issa, minħabba ostakoli interni marbutin ma’ proċeduri nazzjonali ta’ sejħiet għal offerti, Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li tfassal mapep strateġiċi tal-ħsejjes għall-agglomerazzjoni u t-toroq maġġuri inkwistjoni, li tirrendi disponibbli u tqassam il-mapep strateġiċi tal-ħsejjes lill-pubbliku, u li tibgħat l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni.
(1) Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ġunju 2002, li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali — Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni dwar id-Direttiva li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 101).
Full & Egal Universal Law Academy