18.6.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 179/13
Appell ippreżentat fis-27 ta’ April 2011 minn Formula One Licensing BV kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-17 ta’ Frar 2011 fil-Kawża T-10/09: Formula One Licensing BV vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni), Global Sports Media Ltd
(Kawża C-196/11 P)
2011/C 179/25
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Formula One Licensing BV (rappreżentanti: K. Sandberg, B. Klingberg, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni), Global Sports Media Ltd
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza appellata;
—
tilqa’ t-talba tal-appellanti għal annullament tad-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tas-16 ta’ Ottubru 2008 fil-Każ R 7/2008-1 jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex terġa’ tikkunsidra l-każ; u
—
tordna lill-UASI u lill-intervenjent ibatu l-ispejjeż tagħhom stess u dawk tal-appellanti, kemm tal-ewwel istanza u tal-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti ssostni l-ksur tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-applikazzjoni b’mod żbaljat tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (1) (li issa sar Nru 207/2009) kif ukoll tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, abbażi tal-argumenti prinċipali li ġejjin:
(1)
Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 f’dawn il-punti li ġejjin:
1.1.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tal-karattru distintiv tad-denominazzjoni “F1”. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kisret ir-regola ddeterminata minn ġurisprudenza stabbilita li l-karattru distintiv ta’ trade mark għandu jkun evalwat permezz ta’ riferiment għall-prodotti u s-servizzi konkreti koperti mit-trade mark. It-tieni nett, il-kunsiderazzjonijiet rispettivi kienu bbażati fuq distorsjoni tal-fatti. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali naqset milli tapplika r-regola ddeterminata minn ġurisprudenza stabbilita li l-kisba ta’ karattru distintiv ta’ trade mark tista’ tkun riżultat tal-użu tagħha bħala parti minn trade mark irreġistrata oħra. Ir-raba’ nett, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward wasslu għal annullament inammissibbli de facto tat-trade marks irreġistrati tal-appellanti “F1” b’tipografija standard.
1.2.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tal-probabbiltà ta’ konfużjoni taħt l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 kemm fir-rigward tat-trade marks kunfliġġenti “F1” b’tipografija standard kif ukoll fir-rigward tal-logotip “F 1 Formula 1”. L-ewwel nett, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fattur rilevanti ta’ identità jew ix-xebh qawwi bejn il-prodotti jew is-servizzi minkejja l-kunsiderazzjoni tagħha stess ta’ livell rilevanti ta’ xebh bejn is-sinjali. It-tieni nett, hija ffukat fuq il-karattru distintiv tal-frażi “F1” filwaqt li eskludiet fatturi rilevanti oħra kkonfermati f’ġurisprudenza stabbilita. It-tielet nett, hija naqset milli tevalwa s-similarità bejn is-sinjali skont il-livell ta’ xebh li hemm bejniethom.
(2)
Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 f’dawn il-punti li ġejjin:
2.1.
Il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat eskludiet ir-reputazzjoni tat-trade mark tal-appellanti “F1” b’tipografija standard.
2.2.
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tax-xebh bejn sinjali fir-rigward tat-trade mark kunfliġġenti “F 1 Formula 1” logotip peress illi hija assumiet in-nuqqas ta’ karattru distintiv tal-frażi “F1” b’mod żbaljat.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).
Full & Egal Universal Law Academy