9.7.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 204/15
Appell ippreżentat fit-28 ta’ April 2011 mir-Repubblika Taljana mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-3 ta’ Frar 2011, fil-Kawża T-3/09, Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-200/11 P)
2011/C 204/29
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanta: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentant: P. Gentili, avvocato dello Stato)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanta
L-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-3/09 u, b’deċiżjoni fuq il-mertu, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21.10.2008 dwar l-għajnuna mill-Istat C 20/2008 (ex N 62/2008) li l-Italja qed tippjana li timplementa permezz ta’ modifikazzjoni fl-iskema tal-għajnuna N 59/2004 dwar mekkaniżmu temporanju difensiv għall-bini tal-bastimenti, bin-numru C(2008) 6015 finali.
Aggravji u argumenti prinċipali
Ir-Repubblika Taljana ppreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra s-sentenza tat-3 ta’ Frar 2011, Kawża T-3/09, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ċaħdet ir-rikors tal-Italja kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21.10.2008 dwar l-għajnuna mill-Istat C 20/2008 (ex N 62/2008) li l-Italja qed tippjana li timplementa permezz ta’ modifikazzjoni fl-iskema tal-għajnuna N 59/2004 dwar mekkaniżmu temporanju difensiv għall-bini tal-bastimenti, bin-numru C(2008) 6015 finali, notifikata lir-Repubblika Taljana fit-22.10.2008 b’nota tat-22 ta’ Ottubru 2008 Nru SG-Greffe (2008) D/206436.
Insostnenn tal-appell tagħha r-Repubblika Taljana ssostni:
L-ewwel aggravju. Żball ta’ fatt u ksur tal-Artikoli 87(1) u 88(3) KE, tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (1) u tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 (2).
L-Italja, permezz tal-Liġi Finanzjarja 2008, kellha l-intenzjoni biss li tinkludi l-finanzjament tal-għajnuna lit-tarzni permezz tal-Liġi Finanzjarja 2004 u fid-Digriet Ministerjali tat-2 ta’ Frar 2004, diġà awtorizzata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (KE) 1177/2002 (3) (Regolament MDT), mingħajr ma jinbidlu l-kundizzjonijiet tal-għajnuna stess, u lanqas l-impriżi u l-kuntratti li setgħu jibbenefikaw minnha. Il-finanzjament fil-fatt kien ġie eżawrit peress li kienu waslu iktar talbiet minn kif ġie previst. Minħabba l-istruttura inerenti tagħha, din it-tip ta’ għajnuna ma jistax ikollha ammont totali predeterminat; b’hekk il-fatt li jiġi inkluż il-finanzjament ma jistax ifisser li tiġi introdotta modifika sostanzjali tal-għajnuna diġà awtorizzata, jiġifieri għajnuna ġdida. Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ma kkunsidratx din l-informazzjoni.
It-tieni aggravju. Ksur tal-Artikoli 2, 3, 4 u 5 tar-Regolament (KE) Nru 1177/2002.
Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-Liġi Finanzjarja 2008 kienet tammonta għal għajnuna ġdida peress li l-iskema taħt ir-Regolament MDT kienet skadiet fil-31 ta’ Marzu 2005 u ma kinitx applikabbli iktar wara dik id-data. Dan ma huwiex eżatt, għaliex din id-data kienet tindika biss id-data finali li fiha kellhom jiġu konklużi l-kuntratti ta’ bini ta’ basimenti li setgħu jibbenefikaw; l-istess regolament madankollu kien jipprovdi li l-kontributi kellhom ikunu mogħtija lill-impriżi li kienu kkonsenjaw il-bastimenti fi żmien tliet snin mid-data msemmija (ħlief f’każ ta’ proroga ta’ mhux iktar minn tlett snin ulterjuri). Ir-regolament b’hekk setgħa jkun applikat għal dawk l-erba’ kuntratti għall-inqas sal-31 ta’ Marzu 2008. Il-Liġi Finanzjarja 2008, li ġiet approvata fl-24 ta’ Diċembru 2007 hija b’hekk miżura ta’ implementazzjoni tar-regolament maħsuba sabiex tagħmel possibbli l-pagamenti tal-għajnuniet għall-kuntratti kollha konklużi sal-31 ta’ Marzu 2005. Il-bażi ġuridika ta’ din kienet b’hekk ir-Regolament MDT, li l-Kummissjoni kellha tapplika sabiex tawtorizzaha. Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat li mill-31 ta’ Marzu 2005 spiċċat kwalunkwe setgħa tal-Kummissjoni li tivvaluta miżuri inerenti għat-tarzni bl-istess mod tar-Regolament MDT, anki jekk irreferiti għall-kuntratti konklużi sal-31 ta’ Marzu 2005.
It-tielet aggravju. Ksur tal-Artikoli 87(2) u (3), u 88(3) KE. Ksur tal-forom sostanzjali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni (Artikolu 253 KE).
Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ebda regola tat-trattat jew ta’ xi liġi oħra kienet tfisser li l-għajnuna li kienet tirriżulta mil-Liġi Finanzjarja 2008 kienet kompatibbli mas-suq komuni. Dan huwa żbaljat, għaliex dan kien każ ta’ difiża tat-tarzni Komunitarji mid-dumping Korean, li seta’ jagħmel applikabbli l-Artikolu 87(3)(b) (proġetti Komunitarji ta’ interess partikolari), jew l-Artikolu 87(3) (c) (għajnuna għall-iżvilupp ta’ settur ekonomiku partikolari), u fi kwalunkwe każ il-prinċipju ta’ proporzjonalità: li jiġu aġevolati xi kuntratti biss u mhux oħrajn għaliex kien ġie eżawrit il-finanzjament, kien fil-fatt jammonta għal mezz sproporzjonat ta’ protezzjoni tal-finanzi pubbliċi peress li kien jiddetermina distorsjoni gravi fil-kompetizzjoni bejn l-impriżi kkonċernati. Il-Kummissjoni ma kkunsidrat l-ebda waħda minn dawn ir-raġunijiet possibbli ta’ eċċezjoni għall-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat. Il-Qorti tal-Ġustizzja żbaljat meta kkunsidrat li l-Italja ma kienet uriet ebda motiv ta’ eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari abbażi tat-trattament mhux ugwali u tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li kien iseħħ meta kienet tinċaħad l-għajnuna lil dawn l-impriżi u fejn tingħata lil oħrajn li jinsabu fl-istess sitwazzjoni. Hija wkoll żbaljat meta kkunsidrat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet motivata b’mod adegwat.
Ir-raba’ aggravju. Ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tat-trattament ugwali (nondiskriminazzjoni).
Madankollu, wara li l-Kummissjoni kienet approvat l-iskema li fiha DM 2.2.2004, kien hemm aspettattiva leġittima li kienet anki ser tiġi approvata liġi li kienet limitata li tinkludi l-finanzjament ta’ dik l-istess skema. Dan kien, barra minn hekk, rikjest mill-prinċipju tat-trattament ugwali jew tan-nondiskriminazzjoni, peress li minħabba l-eżawriment tal-finanzjament, kienu biss xi operaturi li kienu rċevew l-għajnuna u ma kinux irċevewhom oħrajn li kienu f’sitwazzjoni identika. Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat li kien ċar għall-Italja u għall-partijiet interessati li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2004 kienet tillimita l-għajnuniet li setgħu jingħataw għall-ammont totali ta’ EUR 10 miljun. Għall-kuntrarju, kien hemm l-aspettattiva li dawk kollha li kienu intitolati setgħu jiksbu l-kontribuzzjoni.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339.
(2) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3.
(3) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 485
Full & Egal Universal Law Academy