16.7.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 211/14
Appell ippreżentat fid-29 ta’ April 2011 minn Internationaler Hilfsfonds e.V kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-24 ta’ Marzu 2011 fil-Kawża T-36/10, Internationaler Hilfsfonds e.V. vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-208/11 P)
2011/C 211/27
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Internationaler Hilfsfonds e.V. (rappreżentant: H. Kaltenecker, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju tad-Danimarka
Talbiet tal-appellanti
—
tiddikjara li l-miżuri kkontestati huma nulli u tiddeċiedi definittivament fuq il-mertu tal-kawża, jew sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tingħata deċiżjoni mill-ġdid;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti hija organizzazzjoni mhux governattiva rregolata mid-dritt Ġermaniż li topera fil-qasam tal-għajnuna umanitarja. Is-suġġett tal-kawża huwa l-kuntratt konkluż bejn l-appellanti u l-Kummissjoni “LIEN 97-2011” dwar il-kofinanzjament ta’ proġett ta’ għajnuna medika fil-Kazakhstan. Skont l-appellanti, il-kuntratt u l-proġett ġew unilateralment xolti mill-Kummissjoni f’Ottubru 2009, u dan b’mod illegali.
Sa minn meta ġie xolt il-kuntratt, l-appellanti ppruvat tivverifika liema kienu l-motivi li wasslu lill-Kummissjoni ttemm kuntratt li, kif isostnu l-appellanti stess u l-Gvern tal-Kazakhstan, kien importanti u kellu bidu pożittiv. Hija tissuspetta li kien hemm abbuż ta’ poter u għalhekk ippruvat permezz ta’ diversi proċeduri, quddiem l-Ombudsman u l-qrati Ewropej, iġġiegħel lill-Kummissjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku d-dokumenti kollha abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 1049/2011”). Il-Kummissjoni tiċħad aċċess komplet għal tali dokumenti.
L-appell huwa intiż kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali, li permezz tiegħu din tal-aħħar iddikjarat bħala inammissibbli r-rikors għal annullament ippreżentat mill-appellanti kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Ottubru 2009, li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet mill-ġdid l-aċċess għad-dokumenti kollha, u barra minn hekk, ikkundannat lill-appellanti għall-ispejjeż tal-proċeduri. L-appellanti tikkontesta l-fatt li l-Qorti Ġenerali ddeterminat u intepretat b’mod żbaljat it-terminu previst għall-preżentata ta’ rikors għal annullament.
B’mod partikolari, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikors tagħha kien intiż kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda fil-kuntest tal-proċedura b’żewġ stadji prevista fir-Regolament Nru 1049/2001. Minn perspettiva proċedurali, l-appellanti ma kinitx f’pożizzjoni li tippreżenta rikors qabel ir-risposta tal-Kummissjoni għat-tieni talba tagħha, tal-15 ta’ Ottubru 2009, li permezz tagħha hija talbet li tiġi eżaminata mill-ġdid ir-risposta tad-9 ta’ Ottubru 2009 għall-ewwel talba tagħha. Fil-fehma tal-appellanti, hija aġixxiet b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni. Skont l-appellanti, it-terminu beda jiddekorri minn meta hija rċeviet ir-risposta, għat-tieni domanda tagħha, fil-forma ta’ ċaħda għat-talba tagħha fis-sens tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, fit-2 ta’ Diċembru 2009. Dan it-terminu skada fit-2 ta’ Frar 2010. Għalhekk, skont l-appellanti, ir-rikors ġie ppreżentat fit-terminu previst. L-appellanti tqis bħala inkomprensibbli li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta stabbilixxiet it-terminu tas-16 ta’ Ottubru 2009 (data li fiha hija ressqet it-tieni talba) bħala bidu tat-terminu previst għall-preżentata tar-rikors, u d-29 ta’ Diċembru 2009 bħala t-tmiem tat-terminu previst, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni li d-deċiżjoni tad-9 ta’ Ottubru 2009 (risposta provviżorja għall-ewwel talba tagħha) inbidlet f’att ġuridiku kontestabbli biss meta ngħatat ir-risposta ta’ ċaħda tat-tieni talba tagħha.
Full & Egal Universal Law Academy