23.7.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 219/7
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy we Wrocławiu (ir-Repubblika tal-Polonja) fid-9 ta’ Mejju 2011 — Iwona Szyrocka vs Siger Technologie GmbH
(Kawża C-215/11)
2011/C 219/08
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Qorti tar-rinviju
Sąd Okręgowy we Wrocławiu
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Iwona Szyrocka
Konvenuta: Siger Technologie GmbH
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li:
(a)
jirregola b’mod eżawrjenti l-kundizzjonijiet kollha li għandhom jiġu sodisfatti minn applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, jew
(b)
dan l-artikolu jistabbilixxi biss ir-rekwiżiti minimi ta’ din l-applikazzjoni, u għaldaqstant hija meħtieġa l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet formali mhux stabbiliti minn din id-dispożizzjoni?
(2)
Fil-każ li d-domanda 1(b) titwieġeb fl-affermattiv, jekk l-applikazzjoni ma tissodisfax il-kundizzjonijiet formali previsti mid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat (pereżempju n-nuqqas ta’ kopja tal-applikazzjoni għall-parti l-oħra jew in-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-valur tas-suġġett tal-kawża), għandu l-pretendent jintalab jikkompleta l-applikazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, inkonformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1896/2006 jew mal-Artikolu 9 tal-istess regolament?
(3)
L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1896/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-karatteristiċi tat-talbiet ta’ flus li huma msemmija f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-likwidità u l-eżiġibbiltà tat-talba fil-mument meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, jikkonċernaw biss l-ammont prinċipali tal-imsemmija talba jew jikkonċernaw ukoll l-interessi moratorji?
(4)
Interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1896/2006 timplika li meta d-dritt tal-Istat Membru kkonċernat ma jipprevedix żieda awtomatika ta’ interessi, l-ammonti li ġejjin, flimkien mal-talba prinċipali, jistgħu jintalbu bħala parti minn ordni ta’ ħlas Ewropea:
(a)
l-interessi kollha, inklużi l-interessi msejħa “miftuħa” (ikkalkolati mill-jum li jsiru dovuti kif indikat minn data speċifika sal-jum tal-ħlas li d-data tiegħu ma tkunx iddeterminata, pereżempju, “mill-20 ta’ Marzu 2011 sal-jum tal-ħlas”);
(b)
dawk l-interessi biss li jkunu dovuti mill-jum li fih isiru dovuti indikat minn data speċifika sal-jum tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni jew sakemm tinħareġ l-ordni għall-ħlas;
(c)
esklużuvament dawk l-interessi li jkunu dovuti mill-jum li fih isiru dovuti indikat minn data speċifika sal-jum tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni?
(5)
Jekk ir-risposta għad-domanda 4(a) hija fl-affermattiv, kif għandha tiġi fformulata d-deċiżjoni tal-qorti dwar l-interessi fl-ordni għall-ħlas, skont ir-Regolament Nru 1896/2006?
(6)
Jekk ir-risposta għad-domanda 4(b) hija fl-affermattiv, min għandu jindika l-ammont tal-interessi: il-parti kkonċernata jew il-qorti ex officio?
(7)
Jekk ir-risposta għad-domanda 4(c) hija fl-affermattiv, għandha l-parti kkonċernata tiddikjara fl-applikazzjoni l-ammont ta’ interessi kkalkolati?
(8)
Jekk il-pretendent ma jikkalkolax l-ammont ta’ interessi dovuti sal-jum tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, il-qorti għandha tikkalkola dan l-ammont ex officio jew għandha tistieden lill-parti kkonċernata biex tikkompleta l-informazzjoni li tkun nieqsa fl-applikazzjoni, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1896/2006?
Full & Egal Universal Law Academy