27.8.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 252/12
Appell ippreżentat fit-13 ta’ Mejju 2011 minn Longevity Health Products, Inc. kontra s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fid-9 ta’ Marzu 2011 fil-Kawża T-190/09 — Longevity Health Products, Inc. vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni); parti oħra: Performing Science LLC
(Kawża C-222/11 P)
2011/C 252/24
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Longevity Health Products, Inc. (rappreżentant: J. Korab, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet tal-appellanti
—
tilqa’ bħala ammissibbli l-appell ippreżentat mill-kumpannija Longevity Health Products, Inc.;
—
tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Marzu 2011 fil-Kawża T-190/09; u
—
tikkundanna lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Ir-restrizzjoni għal-libertà ta’ użu tat-trade mark hija ġġustifikata biss b’interess ġenerali, pereżempju sabiex tiġi evitata l-possibbiltà ta’ konfużjoni tal-pubbliku kkonċernat. Madankollu, dan għandu jiġi eskluż fil-każ inkwistjoni, peress li kemm il-professjonisti kif ukoll il-persuni mhux esperti jistgħu jiddistingwu bejn il-kliem 5 HTP tat-trade mark inkwistjoni u l-isem sistematiku ta’ 5-hydroxytryptophan.
Il-professjonisti bħal spiżjara u veterinarji jafu, skont ir-rikorrenti, li anki l-iżgħar bidliet fil-kliem tan-nomenklatura kimika jew ta’ formoli molekulari kimiċi jistgħu jagħtu lok għal differenzi sostanzjali fil-kompożizzjoni ta’ sustanzi. Għalhekk, dawn il-persuni jkomplu jużaw l-isem kimiku korrett li ma jikkorrispondux għat-trade mark inkwistjoni.
Il-persuni “informati”, jiġifieri l-persuni mhux esperti u l-konsumaturi interessati fil-prodott inkwistjoni, ukoll jafu li l-ismijiet tan-nomenklatura kimika u li jkopri sustanzi distinti jistgħu jkollhom differenzi minimi, iżda li dawn id-differenzi minimi fl-ismijiet jimplikaw madankollu bidliet kbar ħafna fil-proprjetajiet farmakoloġiċi, kimiċi u fiżiċi ta’ dawn is-sustanzi.
Skont ir-rikorrenti, il-pubbliku ta’ persuni mhux esperti, magħmul minn persuni li ma humiex interessati f’prodott, madankollu ma huwiex f’pożizzjoni li jistabbilixxi rabta bejn it-trade mark 5 HTP u s-sustanza 5-hydroxytryptophan u għalhekk ma huwiex żgwidat f’dan ir-rigward.
Full & Egal Universal Law Academy