16.7.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 211/16
Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Mejju 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża
(Kawża C-223/11)
2011/C 211/30
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Guerra e Andrade u I. Hadjiyiannis, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża
Talbiet
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
(1)
tiddikjara li:
—
billi ma ppubblikatx il-pjanijiet nazzjonali ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar, l-Istat Portugiż naqas milli jikkonforma ruħu mal-Artikolu 13(6), flimkien mal-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2000/60/KE (1);
—
billi ma ppubblikatx u billi ma għamlitx disponibbli għall-pubbliku, inklużi l-utenti, għall-preżentazzjoni eventwali ta’ osservazzjonijiet, il-proġetti u pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar, l-Istat Portugiż naqas milli jikkonforma ruħu mal-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2000/60/KE;
—
billi ma bagħtitx lill-Kummissjoni kopja tal-pjanijiet tagħha ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar, l-Istat Portugiż naqas milli jikkonforma ruħu mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/60/KE;
(2)
tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE
L-Artikolu 13(6), flimkien mal-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2000/60/KE, jistabbilixxi li l-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar ta’ kull distrett tal-baċin tax-xmara, nazzjonali jew internazzjonali li jkun jinsab fit-territorju tal-Unjoni, għandhom jiġu ppubblikati sa mhux iktar tard mit-22 ta’ Diċembru 2009.
Il-Kummissjoni ma ġietx innotifikata jew informata dwar jekk ġewx ippubblikati dawn il-pjanijiet, fir-rigward tal-Portugall.
Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/60/KE
Kif jirriżulta mid-Direttiva, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku hija kkunsidrata essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha.
Il-Kummissjoni ma ġietx innotifikata jew informata dwar jekk ġewx ippubblikati jew sarux disponibbli għall-pubbliku, inklużi l-utenti, għall-preżentazzjoni eventwali ta’ osservazzjonijiet, kwalunkwe proġett ta’ pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar.
Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/60/KE
Il-Kummissjoni ma rċeviet, min-naħa tal-Istat Portugiż, ebda kopja tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar, la dawk tad-distretti tal-baċini tax-xmajjar nazzjonali u lanqas dawk tad-distretti tal-baċini tax-xmajjar internazzjonali.
(1) Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275)
Full & Egal Universal Law Academy