9.7.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 204/18
Appell ippreżentat fis-16 ta’ Mejju 2011 minn Siemens Transmission & Distribution Ltd kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-3 ta’ Marzu 2011 fil-Kawżi Magħquda T-122/07 sa T-124/07 — Siemens AG Österreich et vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-232/11 P)
2011/C 204/32
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Siemens Transmission & Distribution Ltd (rappreżentanti: H. Wollmann u F. Urlesberger, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Siemens AG Österreich; VA Tech Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG; Siemens Transmission & Distribution SA; Nuova Magrini Galileo SpA; Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
temenda r-raba’ inċiż tal-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata billi tnaqqas il-multa imposta fuq Reyrolle b’minn tal-inqas EUR 7 400 000;
—
sussidjarjament, tannulla l-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata sa fejn jikkonċerna lil Reyrolle u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka ksur tal-prinċipju li l-piena u s-sanzjoni għandhom jiġu ddeterminati fuq bażi individwali. Il-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 billi ssanzjonat lill-impriża Rolls-Royce/Reyrolle għall-perijodu bejn l-1988 u l-1998 mhux fuq il-bażi tas-sitwazzjoni ta’ din il-kumpannija iżda, għall-kuntrarju, fuq il-bażi tas-saħħa ekonomika ta’ unità ekonomika li nħolqot diversi snin iktar tard (bil-bejgħ ta’ Reyrolle lil VA Technologie).
Barra minn hekk, l-appellanti tinvoka ksur tal-prinċipji, stabbiliti sew fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità. Hija ssostni li fil-kuntest tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti Ġenerali użat sistematikament metodi ta’ kalkolu differenti li qiegħdu lill-appellanti fi żvantaġġ kunsiderevoli meta mqabbla mad-destinatarji l-oħra tal-multi. Ma tista’ tiġi identifikata ebda ġustifikazzjoni oġġettiva għal din id-differenza fit-trattament.
Full & Egal Universal Law Academy