16.7.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 211/18
Appell ippreżentat fid-19 ta’ Mejju 2011 minn World Wide Tobacco España, S.A. kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-8 ta’ Marzu 2011 fil-Kawża T-37/05, World Wide Tobacco España vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-240/11 P)
2011/C 211/35
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellanti: World Wide Tobacco España, S.A. (rappreżentanti: M. Odriozola u A Vide, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla parzjalment is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-37/05;
—
tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-ewwel nett, l-appellanti tqis li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta imponiet fuq WWTE (World Wide Tobacco España, SA) fattur disważiv iktar strett minn dak impost fuq l-impriżi ta’ pproċessar l-oħra. Il-Kummissjoni imponiet fattur disważiv fuq WWTE minħabba l-fatt li hija kienet tifforma parti minn grupp multinazzjonali li għandu forza ekonomika u finanzjarja sinjifikattiva. Il-fatt li WWTE kienet aġixxiet, quod non, taħt l-influwenza determinanti tal-kumpanniji parent tagħha tqis biss bħala fattur addizzjonali.
It-tieni nett, sussidjarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkalkola mill-ġdid il-fattur multiplikatur sa fejn hija tqis li waħda mill-kumpanniji parent ma hijiex responsabbli għall-aġir ta’ WWTE. Il-Qorti Ġenerali ma kellhiex tiċħad l-allegazzjonijiet ta’ WWTE minħabba li hija ma kinitx inkludiet fit-talba tagħha l-allegazzjonijiet tal-kumpanniji parent għaliex huma huma li għandhom jikkontestaw ir-responsabbiltà imposta fuqhom u mhux is-sussidjarja. Fi kwalunkwe każ, is-sentenzi deċiżi, peress li jiddeċiedu fuq ir-rikorsi tal-kumpanniji parent, inkluża s-sentenza mogħtija fil-Kawża T-24/05, għandhom saħħa ta’ res judicata bejn partijiet in solidum.
It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex tiddikjara bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ ċarezza l-allegazzjoni tal-appellanti li fiha hija sostniet li, peress illi l-kumpanniji parent ma kinux responsabbli, il-Kummissjoni kienet imponiet multa li tikser il-limitu ta’ 10 % tal-kont. Ir-raġunijiet huma identiċi għal dawk imressqa fil-punt preċedenti: huma biss il-kumpanniji parent li jistgħu jikkontestaw ir-responsabbiltà imposta fuqhom u s-sentenza mogħtija għandha saħħa ta’ res judicata bejn partijiet in solidum.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikser il-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi billi ma tikkunsidrax il-fatt li, matul is-snin 1996 u 1997, WWTE ma osservatx il-ftehim. L-appellanti tqis ukoll li, billi ma rreferietx b’mod espress għal dan il-fatt attenwanti fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tistax tippretendi li hija kkunsidratu.
Full & Egal Universal Law Academy