23.7.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 219/8
Appell ippreżentat fl-20 ta’ Mejju 2011 minn Caixa Geral de Depósitos S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-3 ta’ Marzu 2011 fil-Kawża T-401/07, Caixa Geral de Depósitos vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-242/11 P)
2011/C 219/12
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Partijiet
Appellanti: Caixa Geral de Depósitos, S.A. (CGD) (rappreżentant: N. Ruiz, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fil-kawża T-401/07 u, b’hekk, tikkunsidra li r-rikors għal annullament tar-rikorrenti fl-ewwel istanza ġie ppreżentat b’mod regolari u li huwa ammissibbli, terġa’ tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa t-talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ EUR 1 925 858,61, flimkien mal-interessi moratorji, u għall-ħlas tal-ispejjeż tal-kawża u tal-ispejjeż tal-appellanti.
—
sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fil-kawża T-401/07 u, b’hekk, tikkunsidra li r-rikors għal annullament tar-rikorrenti fl-ewwel istanza ġie ppreżentat b’mod regolari u li huwa ammissibbli, tiddeċiedi l-kawża b’mod definittiv u tilqa’ t-talbiet tar-rikorrenti fl-ewwel istanza.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha:
(1) L-ewwel aggravju, prinċipali, fuq il-legalità attiva tal-appellanti u fuq ksur tal-Artikolu 263 TFUE
L-appellanti tqis li d-deċiżjoni appellata (1) tikkonċernaha direttament u individwalment peress li, minbarra l-intermedjarju operattiv, hija effettivament l-istituzzjoni ta’ kreditu li, f’isimha u b’riskju tagħha, skont id-deċiżjoni li approvat is-sussidju u l-ftehim mal-Kummissjoni għall-implementazzjoni ta’ dan is-sussidju, ikkonkludiet kuntratti ta’ self mal-benefiċjarji finali li minnhom jirriżulta l-kreditu ta’ interessi moratorji li huma s-suġġett tal-għajnuna ssussidjata mill-FEŻR.
Barra minn hekk, peress li s-sussidju ngħata lil CGD sabiex hija tiġi kkumpensata għall-kreditu tal-interessi li l-benefiċjarji finali għandhom iħallsulha, il-Qorti Ġenerali ma evalwatx debitament il-kwistjoni dwar jekk l-Istat Membru li lilu hija indirizzata d-deċiżjoni appellata setgħax jevita li din id-deċiżjoni tipproduċi l-effetti tagħha fl-isfera ġuridika ta’ CGD meta jitiqies li l-ipoteżi li l-Istat jissostitwixxi ruħu għan-nuqqas ta’ kontribuzzjoni tal-FEŻR hija purament teorika.
(2) It-tieni aggravju, sussidjarju, dwar il-ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti Ġenerali, billi kkunsidrat bħala inammissibbli r-rikors tar-Repubblika Portugiża fil-kawża T-387/07 (Il-Portugall vs Il-Kummissjoni), sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011
L-appellanti ssostni li s-sentenza fil-kawża T-387/07 ma evalwatx debitament l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni jew ta’ motivazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni appellata, ġaladarba (a) id-deċiżjoni appellata ma spjegatx b’mod ċar iż-żewġ nuqqasijiet attribwiti lill-aġir tal-appellanti u l-ammont li fl-aħħar nett għandu jitnaqqas mill-kontribuzzjoni tal-FEŻR; u (b) il-Qorti Ġenerali nnifisha waslet sabiex ibbażat il-legalità tad-deċiżjoni appellata fuq raġunijiet differenti minn dawk li l-Kummissjoni invokat bħala raġuni għat-tnaqqis tal-kontribuzzjoni tal-FEŻR.
Is-sentenza fil-kawża T-387/07 għandha wkoll żball ta’ liġi billi ssostitwixxiet il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża bil-motivazzjoni tagħha.
(3) It-tielet aggravju, sussidjarju, dwar ir-regolarità tat-twettiq tal-ispejjeż u dwar ksur tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 4253/88 (2) u tal-ftehim
L-appellanti tqis li s-sentenza fil-kawża T-387/07 ma evalwatx debitament l-eżistenza tan-nuqqasijiet li ġejjin tad-deċiżjoni appellata: a) żball ta’ fatt, u anki ta’ liġi, sa fejn hija tippreżupponi li l-kreditu tal-interessi tas-self suġġett għas-SGAIA jista’ jitħallas permezz tal-benefiċjarji finali; b) żball ta’ liġi meta ċaħdet il-possibbiltà, skont l-Artkolu 13(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 (3) li tirreferi għas-sussidju sħiħ; ċ) żball ta’ liġi sa fejn hija tqis li SGAIA kellha ssegwi sistema ta’ għeluq li jiggarantixxi li l-ammonti korrispondenti għall-kreditu tal-interessi li skadew jiġu ttrasferiti mill-kont speċjali u/jew iddepożitati f’kont tal-bank speċjali ieħor sal-31 ta’ Diċembru 2001 taħt piena li l-ispejjeż korrispondenti ma jkunux jistgħu jitqiesu li seħħew sa din id-data; d) żball ta’ liġi sa fejn hija tqis li SGAIA kellha ssegwi sistema ta’ għeluq li tiggarantixxi li l-ammonti korrispondenti għall-kreditu tal-interessi li skadew fil-31 ta’ Diċembru 2001 jitħallsu lill-benefiċjarji finali, u konsegwentement ittrasferiti fil-kont speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2001 taħt piena li l-ispejjeż korrispondenti ma jkunux jistgħu jitqiesu li seħħew sa din id-data.
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 3772, tal-31 ta’ Lulju 2007, dwar tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) dwar is-sussidju globali ta’ għajnuna għall-investiment lokali fil-Portugall, skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(95) 1769, tat-28 ta’ Lulju 1995.
(2) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad- 19 ta’ Diċembru 1988, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88. fir-rigward tal-koordinament tal-interventi tal-Fondi Strutturali differenti bejniethom, minn naħa waħda, u bejn dawn l-interventi ma’ dawk tal-Bank Ewropew għall-Investiment u strumenti finanzjarji eżistenti oħra, min-naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1).
(3) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88, tal-24 ta’ Ġunju 1988, dwar ix-xogħlijiet tal-Fondi Strutturali u l-effettività tagħhom kif ukoll il-koordinament tal-interventi tagħhom u dawk tal-Bank Ewropew tal-Investiment u strumenti finanzjarji eżistenti oħra (ĠU L 185, p. 9).
Full & Egal Universal Law Academy