16.7.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 211/18
Appell ippreżentat fl-24 ta’ Mejju 2011 minn Areva et kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-3 ta’ Marzu 2011 fil-Kawża T-117/07 u T-121/07, Areva et vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-247/11 P)
2011/C 211/36
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Areva SA (rappreżentant: A. Schild, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Alstom, Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza kkontestata;
—
fil-każ fejn tqis li l-proċeduri huma tali li l-kawża hija definittivament res judicata:
—
prinċipalment, tannulla l-artikoli segwenti tad-deċiżjoni kkontestata:
—
Artikolu 1(c),
—
Artikolu 2(c);
—
sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment il-multa imposta fuq ir-rikorrenti;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha, inkluż dawk inkorsi mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
fil-każ fejn tqis li l-proċeduri huma tali li l-kawża ma hijiex definittivament res judicata, tirrinvija l-kawża quddiem awla tal-Qorti Ġenerali komposta b’mod differenti u tirriżerva l-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti tqajjem erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.
L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tar-regoli dwar il-motivazzjoni u d-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-analiżi tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ Areva SA fuq Areva T&D SA u Areva T&D AG matul il-perijodu bejn id-9 ta’ Jannar u l-11 ta’ Mejju 2004. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 36 u 53 tal-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (l-obbligu għall-Qorti Ġenerali li timmotiva s-sentenza tagħha) peress li fil-punt 150 tas-sentenza kkontestata, hija ssostitwiet ir-raġunament tagħha għal dak tal-Kummissjoni billi żiedet a posteriori għad-deċiżjoni inkwistjoni motivi li ma humiex fiha. Ir-rikorrenti tosserva wkoll li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha sa fejn l-argumenti tagħha ma jippermettux li jinftiehmu r-raġunijiet għalfejn ma laqgħetx l-argumenti tar-rikorrenti. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tosserva li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ Areva SA billi imponitilha probatio diabolica fil-kuntest tal-prova tan-nuqqas ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti min-naħa tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarji tagħha u billi rrifjutatilha l-possibbiltà li tesprimi ruħha fuq l-argumenti l-ġodda li hija żiedet għad-deċiżjoni inkwistjoni.
It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tar-regoli dwar is-solidarjetà għall-ħlas tal-multi, li għandu bħala konsegwenza ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-individwalità tal-pieni. Ir-rikorrenti ssostni li, billi imponiet multi li għandhom l-effett li joħolqu solidarjeta “ta’ fatt” bejn żewġ kumpanniji li qatt ma għamlu parti mill-istess unità ekonomika, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji msemmija iktar ’il fuq.
It-tielet aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tar-regoli dwar id-delega illegali tas-setgħat tal-Kummissjoni, ta’ nuqqasijiet ta’ motivazzjoni mill-Qorti Ġenerali u tal-ksur tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet għal nuqqas ta’ attribuzzjoni ċara tar-responsabbiltajiet bejn kodebituri fil-kuntest ta’ solidarjetà. F’dan ir-rigward, Areva SA ssostni, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi bbażat ruħha fuq interpretazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni kuntrarja għall-intenzjoni ta’ din tal-aħħar sabiex tagħti “soluzzjoni” li, mingħajr ma hija fondata ġuridikament, tippermettilha li tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti dwar id-delega tas-setgħat tal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti ssostni, min-naħa l-oħra, li s-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali tikser il-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u tal-individwalità tal-pieni.
Ir-raba’ u l-aħħar motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali f’dak li jikkonċerna l-multa imposta in solidum fuq Areva SA. Ir-rikorrenti tqis li l-Qorti Ġenerali, billi ma użatx is-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa u billi kkonfermat attribuzzjoni tal-multi li ma tieħux inkunsiderazzjoni tat-tul tal-ksur imwettaq, kisret l-imsemmija prinċipji.
Full & Egal Universal Law Academy