16.7.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 211/19
Appell ippreżentat fil-25 ta’ Mejju 2011 minn Alstom, T&D Holding, li kienet Areva T&D Holding SA, Alstom Grid SAS, li kienet Areva T&D SA, Alstom Grid AG, li kienet Areva T&D AG kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) mogħtija fit-3 ta’ Marzu 2011 fil-Kawżi maqgħuda T-117/07 u T-121/07, Areva et vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-253/11 P)
2011/C 211/37
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Alstom, T&D Holding, li kienet Areva T&D Holding SA, Alstom Grid SAS, li kienet Areva T&D SA, Alstom Grid AG, li kienet Areva T&D AG (rappreżentanti: J. Derenne u A. Müller-Rappard, avukati)
Il-partijiet l-oħra fil-proċedura: Areva, Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla) tat-3 ta’ Marzu 2011 fil-Kawżi T-117/07 u T-121/07, Areva SA, Areva T&D Holding SA, Areva T&D AG, Areva T&D SA u Alstom vs Il-Kummissjoni Ewropea;
—
fil-każ li tqis li l-kawża tinsab fi stat ta’ deċiżjoni finali:
—
prinċipalment, tannulla l-artikoli segwenti tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 6762 tal-24 ta’ Jannar 2007 (Każ COMP/38.899 — Switchgear insulat bil-gass):
—
Artikolu 1(b) [Alstom],
—
Artikolu 1(d) [Alstom Grid AG (ex-Areva T&D AG)],
—
Artikolu 1(e) [T&D Holding (ex-Areva T&D Holding SA)],
—
Artikolu 1(f) [Alstom Grid SAS (ex-Areva T&D SA)],
—
Artikolu 2(b) [Alstom],
—
Artikolu 2(c) [Alstom, Alstom Grid AG (ex-Areva T&D AG), T&D Holding (ex-Areva T&D Holding SA) u Alstom Grid SAS (ex-Areva T&D SA)];
—
sussidjarjament, tnaqqas b’mod sostanzjali l-multi imposti fuq l-appellanti;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
fil-każ li tqis li l-kawża ma tinsabx fi stat ta’ deċiżjoni finali, tibgħat il-kawża mill-ġdid quddiem awla tal-Qorti Ġenerali komposta b’mod differenti u tirriżerva l-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti jinvokaw ħames aggravji insostenn tal-appell tagħhom.
Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, li jinvolvi żewġ partijiet, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 269 TFUE inkwantu ddeċidiet li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet motivata b’mod suffiċjenti. F’dan ir-rigward, huma jikkritikaw, fl-ewwel lok, lill-Qorti Ġenerali talli deċidiet, fil-punti 90 sa 99 tas-sentenza mogħtija, li l-Kummissjoni kienet motivat b’mod suffiċjenti skont il-liġi l-konklużjoni tagħha ta’ responsabbiltà flimkien u in solidum ta’ Alstom ma’ Areva T&D SA u Areva T&D AG, ibbażata fuq il-fatt li Alstom ma kienx irnexxielha taqleb il-preżunzjoni li hija tinfluwenza b’mod determinanti l-operat tas-sussidjarji tagħha, minkejja li l-Kummissjoni ma kinitx irrispondiet għall-elementi pprovduti minn Alstom sabiex taqleb din il-preżunzjoni (l-ewwel parti). Fit-tieni lok, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli deċidiet, fil-punt 200 tas-sentenza mogħtija, li l-Kummissjoni setgħet ġustament ma tipprovdix motivazzjoni għar-raġunijiet li permezz tagħhom setgħet tiġi imposta multa in solidum fuq żewġ kumpanniji li ma jifformawx entità ekonomika fil-jum li ġiet adottata d-deċiżjoni.
Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jinvokaw il-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikoli 36 u 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, flimkien mal-Artikolu 263 TFUE, inkwantu l-Qorti Ġenerali tissotitwixxi, fil-punti 101 sa 110 (l-ewwel parti), 148 sa 150 (it-tieni parti) u 214 sa 216 (it-tielet parti) tas-sentenza, ir-ratio tagħha ma’ dak tal-Kummissjoni billi żiedet a posteriori mad-deċiżjoni kkontestata motivi li ma jinsabux fiha. Bl-istess mod, Alstom et tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli deċidiet, fil-punt 206 tas-sentenza kkontestata, li setgħet tiġi imposta multa in solidum fuq żewġ kumpanniji li ma jifformawx parti minn unità ekonomika fil-jum li ġiet adottata d-deċiżjoni (ir-raba’ parti).
It-tielet aggravju, ibbażat fuq l-iffissar mill-Qorti Ġenerali ta’ probatio diabolica bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, u b’mod partikolari bi ksur tar-regoli li jirregolaw l-imputabbiltà lil kumpannija parent tal-prattiki tas-sussidjarja tagħha u tal-prinċipji ta’ dritt għal smigħ xieraq u tal-preżunzjoni ta’ innoċenza stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jinvolvi żewġ partijiet. L-appellanti jsostnu li:
(a)
minn naħa, billi kkonfermat l-imputabbiltà tar-responsabbiltà tal-prattiki mwettqa mis-sussidjarji tagħha fuq il-kumpannija parent tagħhom Alstom u billi applikat il-prinċipji ġurisprudenzjali tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti, il-Qorti Ġenerali kisret, fil-punti 84 sa 110 tas-sentenza mogħtija, id-dritt għal smigħ xieraq u l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, billi użat, f’kuntest ta’ imputabbiltà tar-responsabbiltà, definizzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinati ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha mingħajr l-ebda rabta ma’ aġir effettiv fuq is-suq inkwistjoni u, għalhekk, billi tagħti natura inkonfutabbli lil din il-preżunzjoni;
(b)
min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi, fil-punti 144 sa152 tas-sentenza mogħtija, fl-iffissar ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti minn Areva T&D Holdings SA fuq Areva T&D SA u Areva T&D AG matul il-perijodu mid-9 ta’ Jannar sal-11 ta’ Mejju 2004.
Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq il-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-kunċett ta’ ħlas in solidum inkwantu ddeċidiet, fil-punti 214 sa 216 tas-sentenza mogħtija li l-ħlas in solidum jiddetermina l-parti tal-kontribuzzjonijiet rispettivi tal-kumpanniji li fuqhom ġiet imposta multa in solidum (l-ewwel parti) u inkwantu tikser, fil-punti 232 sa 236 u 238 sa 242 tas-sentenza kkontestata, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ individwalità tal-pieni kif ukoll l-Artikolu 13 TUE fir-rigward tad-delega mill-Kummissjoni tas-setgħa li tiddetermina r-responsabbiltà ta’ kull impriża sanzjonata.
Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu tagħha li twieġeb għall-motivi zviluppati inkwantu hija twettaq żball, fil-punti 223 sa 230 tas-sentenza, fir-rigward tal-portata tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal rikors effettiv u għal protezzjoni ġudizzjarja u ma tweġibx għalhekk għall-motiv imqajjem iżda għal motiv ieħor li ma kienx tqajjem.
Full & Egal Universal Law Academy