23.7.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 219/11
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Wien (l-Awstrija) mressqa fil-25 ta’ Mejju 2011 — Murat Dereci, Vishaka Heiml, Alban Kokollari, Izunna Emmanuel Maduike, Dragica Stevic vs Bundesminister für Inneres
(Kawża C-256/11)
2011/C 219/15
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Verwaltungsgerichtshof Wien (l-Awstrija)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Murat Dereci, Vishaka Heiml, Alban Kokollari, Izunna Emmanuel Maduike u Dragica Stevic
Konvenut: Bundesminister für Inneres
Domandi preliminari
(1)
(a)
L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jirrifjuta lil ċittadin ta’ pajjiż terz, li l-konjuġi u t-tfal minuri tiegħu huma ċittadini tal-Unjoni, residenza fl-Istat Membru ta’ residenza tal-konjuġi u tat-tfal, li huma ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, anki jekk dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni ma humiex dipendenti fuq iċ-ċittadin tal-pajjiż terz għall-għajxien tagħhom? (Kawża Dereci)
(b)
L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jirrifjuta lil ċittadin ta’ pajjiż terz, li l-konjuġi tiegħu huwa ċittadin tal-Unjoni, residenza fl-Istat Membru ta’ residenza tal-konjuġi, li huwa ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, anki fejn dan iċ-ċittadin tal-Unjoni ma huwiex dipendenti fuq iċ-ċittadin tal-pajjiż terz għall-għajxien tiegħu? (Kawżi Heiml u Maduike)
(c)
L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jirrifjuta lil ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa maġġorenni, u li ommu hija ċittadina tal-Unjoni, residenza fl-Istat Membru ta’ residenza tal-omm, li hija ċittadina ta’ dan l-Istat Membru, anki jekk ma hijiex iċ-ċittadina tal-Unjoni li tiddependi fuq iċ-ċittadin tal-pajjiż terz għall-għajxien tagħha iżda huwa ċ-ċittadin tal-pajjiż terz li jiddependi fuq iċ-ċittadina tal-Unjoni għall-għajxien tiegħu? (Kawża Kokollari)
(d)
L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi Stat Membru milli jirrifjuta lil ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa maġġorenni, u li missieru huwa ċittadin tal-Unjoni, residenza fl-Istat Membru ta’ residenza tal-missier, li huwa ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, anki jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni ma jiddependix fuq iċ-ċittadin tal-pajjiż terz għall-għajxien tiegħu iżda ċ-ċittadin tal-pajjiż terz jirċievi sostenn għall-għajxien miċ-ċittadin tal-Unjoni? (Kawża Stevic)
(2)
Jekk ir-risposta għall-waħda mid-domandi taħt (1) tkun fl-affermattiv:
L-obbligu tal-Istati Membri li jagħtu residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz skont l-Artikolu 20 TFUE jagħti lok għal dritt ta’ residenza li jirriżulta direttament mid-dritt tal-Unjoni jew huwa suffiċjenti li l-Istat Membru jirrikonoxxi lil ċittadin ta’ pajjiż terz id-dritt ta’ residenza f’att li jistabbilixxi tali dritt?
(3)
(a)
Jekk, skont ir-risposta għat-tieni domanda, ikun hemm dritt ta’ residenza abbażi tad-dritt tal-Unjoni:
F’liema kundizzjonijiet, b’mod eċċezzjonali, id-dritt ta’ residenza skont id-dritt tal-Unjoni ma jkunx jeżisti, jew f’liema kundizzjonijiet iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jiċċaħħad mid-dritt ta’ residenza?
(b)
Jekk, skont ir-risposta għat-tieni domanda, ikun suffiċjenti li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jingħata dritt ta’ residenza skont att li jistabbilixxi tali dritt:
F’liema kundizzjonijiet jista’ jiġi rrifjutat id-dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz minkejja l-obbligu tal-Istat Membru li jippermetti lil tali ċittadin jikseb residenza?
(4)
Fil-każ fejn l-Artikolu 20 TFUE ma jipprekludix li tiġi rrifjutata r-residenza fl-Istat Membru lil ċittadin li jinsab fis-sitwazzjoni ta’ M. Dereci:
L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, implementata bil-ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, jew l-Artikolu 41 (1) tal-protokoll addizzjonali konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972, li, skont l-Artikolu 62 tiegħu, jagħmel parti sħiħa mill-ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, jipprekludi li, f’każ bħal dak ta’ M. Dereci, id-daħla inizjali ta’ ċittadini Torok tkun suġġetta għal regoli nazzjonali iktar stretti minn dawk li qabel kienu jirregolaw id-daħla inizjali ta’ ċittadini Torok minkejja li dawn tal-aħħar, li ffaċilitaw is-sistema tad-daħla inizjali, daħlu fis-seħħ biss wara li d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq dwar l-assoċjazzjoni mat-Turkija kienu daħlu fis-seħħ fl-Istat Membru inkwistjoni?
(1) ĠU 1972, L 293, p. 4.
Full & Egal Universal Law Academy