13.8.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 238/5
Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Mejju 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tad-Danimarka
(Kawża C-261/11)
2011/C 238/09
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Lyal, N. Fenger, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tad-Danimarka
Talbiet
—
tiddikjara li, billi adotta u żamm fis-seħħ leġiżlazzjoni dwar intaxxar immedjat fuq il-ħruġ ta’ trasferimenti ta’ assi ta’ kumpannija fi Stat Membru ieħor mingħajr intaxxar fuq trasferimenti simili ta’ assi fi ħdan it-territorju Daniż, ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE.
—
tikkundanna lir-Renju tad-Danimarka għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Skont il-leġiżlazzjoni rilevanti Daniża, it-trasferiment ta’ assi ta’ kumpannija sabiex jintużaw barra mid-Danimarka huwa kkunsidrat bħala bejgħ u konsegwentement huwa ntaxxat, filwaqt li l-attivitajiet ta’ kumpannija ġewwa t-territorju ta’ Stat jiġu kkunsidrati li ntemmu meta l-assi effettivament jinbiegħu. Għaldaqstant, minn naħa, kumpannija li tittrasferixxi assi bejn diversi ċentri ta’ attività li jinsabu ġewwa d-Danimarka ma hijiex taxxabbli fuq il-valur ta’ tali assi marbuta mat-trasferiment. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn l-istess kumpannija tittrasferixxi assi lejn ċentru ta’ attività li huwa stabbilit barra mid-Danimarka, hija tiġi ntaxxata fuq il-valur bħallikieku kien sar bejgħ.
Fil-fehma tal-Kummissjoni, tali differenza fit-trattament tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment li huwa inkompatibbli mal-Artikolu 49 TFUE. Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li l-Istati Membri jimponu taxxa fuq il-qligħ kapitali akkumulat minn kumpannija meta hija stabbilita fid-Danimarka. Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-fatti li jwasslu għal obbligi ta’ taxxa għandhom ikunu l-istess — b’mod partikolari t-twettiq ta’ assi jew kwalunkwe fattur li jirriżulta fl-aġġustament taż-żieda — kemm jekk l-assi inkwistjoni jiġu ttrasferiti barra mit-territorju tad-Danimarka kemm jekk jibqgħu ġewwa d-Danimarka.
Skont il-Kummissjoni ma hemm ebda ġustifikazzjoni għall-irkupru immedjat ta’ qligħ kapitali mhux imwettaq meta jsir trasferiment ta’ assi mid-Danimarka lejn Stat Membru ieħor, fejn tali ntaxxar ma jeżistix f’sitwazzjonijiet nazzjonali paragunabbli. F’dan il-kuntest, ir-Renju tad-Danimarka jista’, pereżempju, jiddetermina l-valur tal-qligħ kapitali mhux imwettaq li fir-rigward tiegħu beħsiebu jħaddan il-ġurisdizzjoni fiskali tiegħu, sakemm dan la jimplika l-ħlas immedjat ta’ taxxa u lanqas rekwiżiti oħra relatati mad-differiment tal-ħlas tiegħu.
Full & Egal Universal Law Academy