30.7.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 226/17
Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Mejju 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Isvezja
(Kawża C-270/11)
2011/C 226/33
Lingwa tal-kawża: l-Isvediż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Tufvesson u F. Coudert, bħala aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tal-Isvezja
Talbiet tar-rikorrenti
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tiddikjara li l-Isvezja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE peress li ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-185/09;
—
tordna lill-Isvezja sabiex tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, penalità ta’ kuljum ta’ EUR 40 947,20 għal kull jum li l-miżuri neċessarji ma jittiħdux sabiex teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-185/09, mill-jum li fih is-sentenza f’din il-kawża tingħata sal-jum meta s-sentenza fil-Kawża C-185/09 tiġi eżegwita inklużi;
—
tikkundanna lill-Isvezja sabiex tħallas lill-Kummissjoni, fl-istess kont, ammont fiss ta’ kuljum ta’ EUR 9 597 għall kull jum li l-miżuri neċessarji ma jittiħdux sabiex tiġi eżegwita s-sentenza fil-Kawża C-185/09, mill-jum li fih is-sentenza fil-Kawża C-185/09 ingħatat sal-jum li tingħata s-sentenza f’din il-kawża jew sal-jum li fih jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi eżegwita s-sentenza fil-Kawża-185/09, jekk dan jiġi l-ewwel; u
—
tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Frar 2010 (Kawża C-185/09 Il-Kummissjoni vs Ir-Renju tal-Isvezja), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li:
“Billi ma adottax, fit-terminu previst, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE, ir-Renju tal-Isvezja naqas mill-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.”
Ir-Renju tal-Isvezja għadu ma adotta l-ebda miżuri sabiex jeżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-185/09. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ressqet proċeduri skont l-Artikolu 260(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u titlob li r-Renju tal-Isvezja għandu jħallas penalitajiet finanzjarji.
Full & Egal Universal Law Academy