13.8.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 238/5
Appell ippreżentat fit-3 ta’ Ġunju 2011 minn Viega GmbH & Co. KG kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-24 ta’ Marzu 2011 fil-Kawża T-375/06, Viega GmbH & Co. KG vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-276/11 P)
2011/C 238/10
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Viega GmbH & Co. KG (rappreżentanti: J. Burrichter, T. Mäger u M. Röhrig, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza appellata sa fejn tikkawża preġudizzju lill-appellanti,
—
tannulla, f’dak li jirrigwarda l-appellanti, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 4180 finali, tal-20 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F-1/38.121 — Attrezzaturi)
—
sussidjarjament , tannulla jew tnaqqas il-multa imposta fuq l-appellanti fl-Artikolu 2(j) ta’ din id-deċiżjoni,
—
sussidjarjament , għat-talbiet fil-paragrafi 1 u 2, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tieħu deċiżjoni,
—
tikkundanna lill-konvenuta fl-ewwel istanza għall-ispejjeż kollha relatati mal-kawża.
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell huwa dirett kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, li tiċħad ir-rikors ippreżentat mill-appellanti kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 4180 finali, tal-20 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F-1/38.121- Attrezzaturi).
L-appellanti tibbaża dan l-appell fuq l-aggravji li ġejjin.
Il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ tal-appellanti, il-prinċipji li jirregolaw l-amministrazzjoni tal-prova u l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni mogħtija. Sabiex turi l-parteċipazzjoni tal-appellanti fl-akkordju, is-sentenza appellata hija prinċipalment ibbażata fuq in-noti miktuba ta’ xhud wieħed u fuq talba għal klemenza, mingħajr ma ssir ebda referenza għall-argumenti tal-appellanti fir-rigward ta’ dawn id-dokumenti. L-appellanti speċifikament qiegħdet fid-dubju l-eżattezza ta’ dawn id-dokumenti (ix-xhud ma pparteċipax għal-laqgħat fil-Ġermanja u ma jitkellimx bil-Ġermaniż).
Il-Qorti Ġenerali kellha tordna l-kumpilazzjoni tal-provi dwar l-eżattezza tan-noti tax-xhud u t-talba għal klemenza. Billi użat dawn in-noti u t-talba għal klemenza bħala prova mingħajr ma vverifikat l-eżattezza tagħhom, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji li jirregolaw l-amministrazzjoni tal-prova.
Is-sentenza appellata tikser l-Artikolu 81(1) KE billi l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-appellanti kienet ipparteċipat, fit-30 ta’ April 1999, f’laqgħa “ta’ natura antikompetittiva”. Barra minn hekk, is-sentenza appellata tikser ukoll l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1/2003 billi l-parteċipazzjoni f’din il-laqgħa ġiet kkunsidrata fil-kuntest tal-ifissar tal-ammont tal-multa. Fir-rigward ta’ din il-laqgħa, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat li l-provi biss huma “pjuttost” referenza għal natura antikompetittiva milli għal natura konformi mar-regoli tal-kompetizzjoni. Il-Qorti Ġenerali għalhekk kisret il-kriterju ta’ evalwazzjoni tal-provi li stabbilixxiet għaliha stess, li jirrikjedi li l-ksur ikun ipprovat b’mod ċert u inekwivoku.
Il-konstatazzjoni tan-natura antikompetittiva tal-laqgħa tat-30 ta’ April 1999 teffettwa l-ammont tal-multa imposta. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din il-laqgħa sservi bħala prova tal-parteċipazzjoni tal-appellanti f’akkordju dwar l-attrezzaturi b’furċella. Id-dħul mill-bejgħ tal-apppellanti fis-settur tal-attrezzaturi b’furċella konsegwentement jiġu stabbiliti, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont bażiku għall-kalkolu tal-multa, ammont 11-il darba ogħla.
F’dak li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ dwar l-attrezzaturi b’furċella, is-sentenza tindika wkoll nuqqas ta’ motivazzjoni u tinkludi żbalji ta’ motivazzjoni. L-impożizzjoni ta’ multa ta’ iktar minn EUR 50 miljun fl-aħħar mill-aħħar hija sempliċement ibbażata, fuq il-punt 85 tas-sentenza appellata, fuq żewġ laqgħat li jirreferu għall-attrezzaturi b’furċella f’żewġ nofs sentenzi u kkonstatati rrispettivament minn kull evalwazzjoni tal-provi. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tassumi li l-appellanti pparteċipaw f’akkordji antikompetittivi li jirrigwardaw attrezzaturi b’furċella fil-laqgħa tat-30 ta’ April 1999, meta tinnota wkoll li l-kompetituri ta’ din tal-aħħar kienu ddiskutew sa Ġunju 2000 dwar jekk kienx jaqbel li l-attrezzaturi b’furċella (li fir-rigward tagħhom l-appellanti kellha monopolju) kellhomx ikunu suġġetti għal akkordju.
Fl-aħħar nett, is-sentenza appellata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-Kummissjoni applikat, bl-approvazzjoni tal-Qorti Ġenerali, il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi: l-ewwel nett hija tiffissa ammont bażiku, billi tikkunsidra d-dħul mill-bejgħ ta’ attrezzatturi b’furċella minkejja, li skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali nnifisha, l-attrezzaturi b’furċella setgħu biss ġew effettwati minn akkordju antikompetittiv fl-2000 u fl-2001. Imbagħad iżżid bi 90 % l-ammont bażiku sabiex dan jirrifletti t-tul globali tal-allegata parteċipazzjoni fl-akkordju tal-appellanti (disa’ snin u tliet xhur). Għalhekk, jekk id-dħul mill-bejgħ dwar l-attrezzaturi b’furċella jkun serva bħala l-bażi għall-perijodu kollu u mhux għall-aħħar perijodu, ta’ sena u ta’ trimestru, li jkun iktar rilevanti, il-kalkolu tal-ammont tal-multa jkun jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Full & Egal Universal Law Academy