27.8.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 252/14
Appell ippreżentat fis-6 ta’ Ġunju 2011 minn Densmore Ronald Dover kontra s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Marzu 2011 fil-Kawża T-149/09, Densmore Ronald Dover vs Il-Parlament Ewropew
(Kawża C-278/11 P)
2011/C 252/28
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Densmore Ronald Dover (rappreżentanti: D. Vaughan QC, M. Lester, Barrister, R. Collard, solicitor)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tibdel il-partijiet ikkontestati fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-149/09;
—
tannulla kompletament id-deċiżjoni kkontestata;
—
tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż ta’ dan l-appell u tar-rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li, fil-punti 24 u 25 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament issodisfa l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni adegwata għat-talba ta’ rimbors tas-somma ta’ GBP 345 289. L-appellanti ma kinitx taf, la wara li qrat il-punti 24 u 25 tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas minn x’imkien ieħor, il-motivi li għalihom ġiet ordnata tirrimborsa dan l-ammont, li kien jippermettilha li tikkontesta quddiem il-qrati l-validità ta’ din il-motivazzjoni jew tqiegħed lill-qrati f’pożizzjoni li jistħarrġu debitament din il-motivazzjoni.
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Parlament kien iġġustifikat li jitlob is-somma ta’ GBP 345 289, minħabba li din is-somma kienet tħallset “indebitament” skont l-Artikolu 14 tar-Regoli dwar il-ħlas ta’ spejjeż u allowances lill-Membri tal-Parlament Ewropew peress li:
(a)
il-Parlament ma espona mkien fid-deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet għalfejn ikkunsidra li d-diversi dokumenti prodotti mir-rikorrenti ma kinux jipprovaw li l-ammonti msemmija fil-punt 25 kienu ntużaw skont ir-Regoli, u lanqas sa fejn kienet tikkunsidra li dawn kienu mitluba indebitament skont l-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament jew li kienu intużaw ħażin jew użati għal skopijiet mhux xierqa.
(b)
fil-verità, ir-rikorrenti pprovdiet spjegazzjonijiet għal kull wieħed mill-ammonti elenkati fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, u spjegat ukoll li kull wieħed minnhom kien ġie kompletament u preċiżament użat sabiex ikopri biss spejjeż li jirriżultaw mill-użu jew l-ingaġġar ta’ MP Holdings bħala fornitur ta’ servizzi. Ir-rikorrenti pproduċiet numru kbir ta’ provi sabiex turi li l-allowances imħallsa lil MP Holdings kienu effettivament użati għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 14. Il-provi prodotti jaqbżu sew dawk li kellha l-obbligu li żżomm u jkopru l-perijodi rilevanti kollha, b’mod partikolari dawk relatati mal-ewwel mandat tar-rikorrenti. Dawn il-provi stabbilew li l-ispejjeż kollha saru kompletament u esklużivament sabiex jipprovdu servizzi ta’ assistenza parlamentari lir-rikorrenti. Il-Parlament fittex li jimponilha obbligi estremament onerużi fil-qasam tal-provi li kellha tipproduċi sabiex tiġġustifika sal-inqas spiża li tmur lura sal-1999. Tali obbligi ma jeżistux fil-mument fejn l-ispejjeż ġew esposti u barra minn hekk qatt ma kkostitwew kundizzjonijiet preliminari għar-rimbors skont l-Artikolu 14 tar-Regoli.
It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-fatt li l-Parlament invoka b’mod ħażin allegat “kunflitt ta’ interess” ma kellux ikollu bħala konsegwenza l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha. Il-Qorti Ġenerali korrettament iddeċidiet li l-Parlament ma setax jinvoka allegat kunflitt ta’ interess sabiex jiġġustifika t-talba tiegħu għal rimbors tal-allowance ta’ assistenza parlamentari. Peress li l-Parlament kien invoka dan il-motiv espressament u prinċipalment sabiex jiġġustifika d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi, din il-kunsiderazzjoni kellu jkollha bħala effett l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi.
Full & Egal Universal Law Academy