27.8.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 252/17
Appell ippreżentat fid-9 ta’ Ġunju 2011 minn Legris Industries SA kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-24 ta’ Marzu 2011 fil-Kawża T-376/06, Legris Industries vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-289/11 P)
2011/C 252/31
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Legris Industries SA (rappreżentanti: A. Wachsmann u S. Thibault-Liger, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
prinċipalment,
—
tannulla, abbażi tal-Artikoli 256 TFUE u 56 tal-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2011, Legris Industries vs Il-Kummissjoni Ewropea, fil-Kawża T-376/00, fl-intier tagħha;
—
tilqa’ t-talbiet imressqa minn Legris Industries SA fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
bħala konsegwenza,
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2006) 4180, tal-20 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F-1/38.121) — Attrezzaturi) sa fejn tikkonċerna Legris Industries SA kif ukoll il-motivi li jsostnu d-dispożittiv tagħha, sa fejn din id-deċiżjoni timponi multa fuq Legris Industries SA minħabba l-imputabbiltà lil Legris Industries SA tal-prattiki li hija akkużata bihom Comap, u
—
tħalli lil Legris Industries SA tadotta l-iskritturi, allegazzjonijiet u talbiet ta’ Comap kontra d-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq tal-Kummissjoni Ewropea;
—
sussidjarjament , tannulla, abbażi tal-Artikolu 261 TFUE, il-multa ta’ EUR 46,8 miljun imposta fuq Legris Industries SA, li minnha EUR 18,56 in solidum ma’ Comap, permezz tal-Artikolu 2(g) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea ċċitata iktar ’il fuq jew li tnaqqas, abbażi tal-Artikolu 261 TFUE, din il-multa ta’ EUR 46,8 miljun għal ammont xieraq;
—
f’kull każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha, inklużi dawk inkorsi minn Legris Industries SA quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti tinvoka erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Legris Industries tallega l-ksur tad-dritt għal qorti jew tribunal indipendenti u imparzjali sa fejn l-istħarriġ li sar mill-Qorti Ġenerali dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, istituzzjoni li tiġbor funzjonijiet ta’ investigazzjoni u ta’ sanzjoni, kien limitat għall-iżbalji manifesti ta’ liġi u ta’ fatt, mingħajr ma wettqet stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa bbażat fuq eżami mill-ġdid sħiħ tal-fatti tal-kawża u, b’mod partikolari, tal-provi prodotti.
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, li huwa kompost minn tliet partijiet, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-prinċipji li jirregolaw l-imputazzjoni lil kumpannija parent tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE li hija akkużata bih is-sussidjarja tagħha. Permezz tal-ewwel parti tiegħu, ir-rikorrenti l-ewwel issostni li l-applikazzjoni kontra tagħha ta’ preżunzjoni ta’ responsabbiltà de facto inkonfutabbli għall-prattiki tas-sussidjarja tagħha Comap hija ta’ natura inammissibbli fid-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tan-natura repressiva tas-sanzjoni li ġiet imposta fuqha. Permezz tat-tieni parti tiegħu, ir-rikorrenti ssostni sussegwentement li l-applikazzjoni kontra tagħha ta’ din il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà de facto inkonfutabbli tirriżulta miċ-ċaħda tal-argumenti tagħha mill-Qorti Ġenerali abbażi ta’ motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja. Fit-tielet parti tiegħu, ir-rikorrenti teċċepixxi fl-aħħar nett il-ksur tal-ġurisprudenza li twassal li tiġi miċħuda l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà għall-holdings finanzjarji li ma jwettqux attività operattiva, kif ukoll tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ aspettattivi leġittimi.
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-kumpannija parent takkuża l-ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ responsabbiltà personali u ta’ individwalità tal-pieni li jirriżulta mir-rifjut tal-Qorti Ġenerali li r-rikorrenti tibbenefika mill-motivi ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata ssollevati mis-sussidjarja tagħha Comap, filwaqt li tikkunsidra lir-rikorrenti responsabbli għall-prattiki li hija akkużata bihom Comap.
Permezz tar-raba’ u l-aħħar aggravju tagħha, ir-rikorrenti titlob fl-aħħar nett lill-Qorti tal-Ġustizzja li tasal għall-konklużjonijiet, fir-rigward tagħha, ta’ eventwali annullament tas-sentenza Comap abbażi tal-aggravji ssollevati minn Comap fl-appell tagħha.
Full & Egal Universal Law Academy